Uża l-Browxers Biex Jappellaw Kemm għall-Moħħ u Kemm għall-Qalb
1 Il-verità tal-Bibbja għandha tiġi ppreżentata b’tali mod li tkun tappella kemm għall-moħħ u kemm għall-qalb. Meta Ġesù spjega l-verità lis-semmiegħa tiegħu, hu għażel suġġetti li interessawhom u mmotivawhom. (Lq. 24:17, 27, 32, 45) Is-suċċess tal-ministeru tagħna jiddependi ħafna mill-isforz li nagħmlu biex nidentifikaw il-bżonnijiet spiritwali tas-semmiegħa tagħna.
2 Il-browxers jistgħu jkunu għodod effettivi biex jilħqu l-moħħ u l-qalb taʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru. Aħseb bil-quddiem dwar min jistaʼ jwieġeb għall-messaġġ f’kull browxer li se jkun ippreżentat f’Awissu:
—Veru li Alla Jimpurtah Minna? Nies li huma magħfusin ekonomikament jew li esperjenzaw xi traġedja se japprezzaw dan il-messaġġ taʼ faraġ dwar futur ħieles mis-sofferenza.
—X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja—Kif Tistaʼ Ssibu? Żgħażagħ li qegħdin jaħsbu bis-serjetà dwar il-futur tagħhom se jibbenefikaw mit-tweġibiet ibbażati fuq il-Bibbja misjubin f’dan il-browxer.
—Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem! Il-ħafna stampi u skritturi ċċitati se jgħinu lil tfal żgħar u lil dawk li ftit li xejn jafu jaqraw biex jifhmu l-iskopijiet t’Alla.
—Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut. Ħafna kummissjonanti japprezzaw li jkollhom kopji taʼ dan il-browxer biex jagħtuhom lil familji mnikktin. Pubblikaturi li jagħtu xiehda fiċ-ċimiterji jużaw dan il-browxer biex ifarrġu lil dawk li jkunu bil-vistu. Żewġt aħwa nisa resqu fuq familja taʼ sebgħa min-nies li kienu qed jitolbu ħdejn qabar. Bħala riżultat taʼ li qasmu l-messaġġ taʼ faraġ mill-browxer, l-għada nbeda studju tal-Bibbja maʼ l-omm!
—Għandek Int Temmen fit-Trinità? Individwu reliġjuż ferm jistaʼ jwieġeb għall-verità misjuba f’din l-istqarrija taʼ fatti ddokumentata tajjeb dwar id-duttrina fundamentali tal-Kristjaneżmu.
3 Sir midħla taʼ kull browxer, u ddetermina kif l-aħjar li tużah fit-territorju tiegħek. Għal suġġerimenti dwar kif tippreżentahom, ara l-paġna taʼ wara tal-ħarġa taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Lulju 1998. Jalla Jehovah jbierek l-isforzi tiegħek biex tilħaq kemm l-imħuħ u kemm il-qlub tan-nies.—Mk. 6:34.