Irridu Mmorru Darba wara l-Oħra
1 Int mill-ewwel weġibt favorevolment meta kellmuk dwar l-aħbar tajba? Jekk le, għandek tkun grat li x-Xhieda taʼ Jehovah ġew għandek ħafna drabi sakemm fl-aħħar aċċettajt l-offerta għal studju tal-Bibbja. Tajjeb li taħseb dwar dan meta għal darba wara l-oħra taħdem it-territorju assenjat lilek.
2 Il-ħajjiet tan-nies qed jinbidlu kontinwament. Huma jiffaċċjaw problemi jew sitwazzjonijiet ġodda, jisimgħu bi ġrajjiet taʼ dwejjaq fil-komunità jew fid-dinja, ibatu diffikultajiet ekonomiċi, jew jesperjenzaw mard jew mewt fil-familja. Affarijiet bħal dawn jistgħu jġagħluhom ikunu jridu jafu r-raġuni għal dan l-inkwiet. Aħna rridu nagħrfu l-fatturi li qegħdin iberrnu fl-imħuħ tan-nies u mbagħad inwieġbu b’messaġġ taʼ faraġ.
3 Dan Huwa Xogħol taʼ Salvataġġ: Aħseb ftit dwar ħaddiema tas-salvataġġ f’xena taʼ diżastru. Avolja xi wħud ikunu qed ifittxu f’żona fejn ikunu qed jinstabu ftit nies ħajjin, dawn ma jiħduhiex bil-lajma u jieqfu għax ħaddiema sħabhom qed isibu iktar nies ħajjin xi mkien ieħor. Il-ħidma tagħna tas-salvataġġ għadha ma spiċċatx. Kull sena, qed jinstabu mijiet t’eluf li jridu jsalvaw “mit-taħbit il-kbir.”—Apk. 7:9, 14.
4 “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.” (Rum. 10:13-15) Dan il-kliem għandu jsammar f’moħħ kull wieħed minna l-bżonn li nippersistu fl-ippridkar. Minn mindu t-territorju tagħna beda jinħadem għall-ewwel darba, it-tfal kibru u issa huma kbar biżżejjed biex jaħsbu serjament għalihom infushom dwar il-futur tagħhom u l-iskop tal-ħajja. M’hemm l-ebda mod biex inkunu nafu min se jismaʼ fl-aħħar mill-aħħar. (Koħ. 11:6) Ħafna li qabel kienu jopponu aċċettaw il-verità. Xogħolna m’huwiex li niġġudikaw lin-nies, imma li nibqgħu nagħtuhom opportunità biex jisimgħu u jiġu salvati minn din id-dinja qadima. Bħalma għamlu d-dixxipli bikrin taʼ Ġesù, aħna rridu ‘mmorru kontinwament’ għand in-nies biex nipprovaw inqanqlu l-interess tagħhom fil-messaġġ tas-Saltna.—Mt. 10:6, 7, New World Translation.
5 Il-fatt li t-triq għadha miftuħa għalina biex nippridkaw huwa espressjoni tal-ħniena taʼ Jehovah. (2 Pt. 3:9) Hekk kif inħallu lil ħaddieħor jismaʼ l-messaġġ darba wara l-oħra, aħna nkunu qed nenfasizzaw l-imħabba t’Alla, u b’hekk infaħħruh.