Għarraf l-Isem u l-Għemejjel taʼ Jehovah
1 “Faħħru l-Mulej u xandru ismu, għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu. . . . Tifraħ il-qalb taʼ dawk li jfittxu l-Mulej.” (Salm 105:1, 3) Is-salmista li kiteb dan il-kliem, hu personalment sab ferħ kbir f’li jgħid lil oħrajn dwar Jehovah u l-“għemejjel” tiegħu. Liema għemejjel? Mingħajr ebda dubju dawk li għandhom x’jaqsmu mal-kariga glorjuża t’Alla bħala sultan u maʼ l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni permezz tiegħu.—Salm 96:2, 3; 145:11, 12.
2 Hekk kif qed noqorbu lejn l-istaġun tal-Mafkar għas-sena 2001, għandna ħafna raġunijiet biex nifirħu b’dak li Jehovah qed jagħmel magħna. Kif? L-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej hija mingħajr dubju l-akbar osservanza tas-sena għall-Kristjani veri kollha. M’hemm ebda okkażjoni oħra bħalha f’dik li hija importanza, skop, jew il-mod kif issir. Dan huwa ż-żmien biex ilkoll kemm aħna niftakru dak li Jehovah u Ġesù għamlu għalina sabiex jipprovdulna l-mezz taʼ salvazzjoni. Mhux taʼ b’xejn li matul l-istaġun tal-Mafkar, ovvjament se nistennew li naraw żjieda kbira fl-attività tas-servizz taʼ l-għalqa, hekk kif ngħarrfu l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni!
3 Se Tkun Pijunier Awżiljarju? F’April li għadda lħaqna r-rekord taʼ 130 pijunier awżiljarju. Nistgħu din is-sena nagħmlu x-xhur taʼ Marzu u April speċjali billi nżidu l-attività fil-ministeru? Marzu fih ħames Sibtijiet, u April fih ħames Ħdud. Ħafna pubblikaturi li jaħdmu full-time sabu li jistgħu jlaħħqu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju billi jippjanaw ġranet sħaħ taʼ servizz fi tmiem il-ġimgħa. Sabiex ilaħħaq il-ħtieġa taʼ 50 siegħa fix-xahar, pijunier awżiljarju għandu bżonn jikkalkula bejn wieħed u ieħor 12-il siegħa fil-ġimgħa. Ikkunsidra bir-reqqa l-iskedi suġġeriti fil-kaxxa f’paġna 4. Hemm xi waħda minnhom li taqbel maċ-ċirkustanzi tiegħek? Jekk le, forsi tistaʼ tippjana l-iskeda persunali tiegħek biex tkun pijunier awżiljarju f’Marzu u f’April.
4 L-anzjani jridu jibdew minn issa jibnu l-entużjażmu u l-appoġġ għall-attività miżjuda tas-servizz. F’April tas-sena l-oħra, f’waħda mill-kongregazzjonijiet fejn l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kollha ħadu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju, 64 mill-121 pubblikatur kienu pijunieri awżiljarji! Il-kongregazzjoni ħadet gost ukoll tara sitt pubblikaturi mhux mgħammdin ġodda f’Marzu u f’April. Tabilħaqq, huwa l-aħjar żmien għat-tfal u dawk l-uħud ġodda biex jistaqsu lill-anzjani jekk jikkwalifikawx ħalli jibdew jieħdu sehem fl-attività t’għoti taʼ xiehda pubblika.
5 Iktar Sforz Iġib Barkiet: Il-kongregazzjonijiet li jagħmlu miri speċjali u iktar sforz igawdu ħafna barkiet. Xi kongregazzjonijiet jistgħu jpoġġu enfasi partikulari biex jinħadmu l-inħawi li ma jsirux taʼ spiss, jikkonċentraw fuq aspetti oħrajn tal-ministeru, jew jenfasizzaw l-għoti taʼ xiehda bit-telefon—mezz effettiv biex nikkuntattjaw lil dawk li ma jkunux id-dar u lir-residenti li ma jintlaħqux.
6 Għandhom in-nuqqas taʼ saħħa u l-età avanzata bilfors ifixklu lil xi ħadd milli jkun involut kemm jistaʼ jkun fis-servizz? Mhux f’kull każ. Per eżempju, oħt xwejħa taʼ 86 sena li għandha kanċer, f’April qdiet bħala pijuniera awżiljarja minkejja li jintefħulha saqajha. Hi setgħet tieħu sehem sħiħ fis-servizz permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon, u b’hekk faħħret iktar lil Jehovah. Dan ħalla effett inkuraġġanti kemm fuqha kif ukoll fuq il-kongregazzjoni.
7 Ipprepara Sew għall-Mafkar: Din is-sena l-Mafkar se jkun fit-8 t’April. Ladarba se jinzerta l-Ħadd, għandu jkun possibbli biex jattendu iktar nies. Jistaʼ jkollna l-akbar attendenza li qatt kellna jekk nagħmlu l-parti tagħna billi (1) nattendu aħna personalment u (2) nistiednu oħrajn biex jingħaqdu magħna għall-Mafkar. Lil min għandna nistiednu?
8 Ħares lejn in-noti tas-servizz taʼ l-għalqa persunali tiegħek għall-ismijiet taʼ dawk l-uħud li wrew xi ftit interess għall-verità, anki jekk ma tmurx iżżurhom regolarment. Ħmistax jew tliet ġimgħat qabel il-Mafkar, ikkonċentra fuq li tmur iżżurhom kollha biex tistidinhom għall-Mafkar. Jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek jippermettu, offri t-trasport lil dawk li jkunu jixtiequ jattendu.
9 F’xi kongregazzjonijiet, l-inviti tal-Mafkar stampati ma jintużawx kollha. Is-segretarji tal-kongregazzjoni għandhom ikunu ċerti li jkollhom l-inviti disponibbli minn żmien qabel sabiex jilħqu jitqassmu kollha. Tistaʼ tittajpja jew tikteb pulit il-ħin u l-post għall-Mafkar fuq in-naħa t’isfel taʼ l-invit. Inkella tistaʼ tagħtihom volantin maʼ l-invit li fih ikollu mniżżel l-indirizz tas-Sala tas-Saltna jekk il-Mafkar ikun se jsir hemmhekk. Bħala tfakkira, il-biċċa l-kbira taʼ l-inviti tal-Mafkar għandhom jingħataw personalment lill-inkwilin.
10 Ftakar f’Dawk l-Uħud Inattivi: Hija okkażjoni taʼ ferħ meta student tal-Bibbja jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah u jissimbolizza dan permezz tat-tgħaddis fl-ilma. Iżda kull sena, xi wħud fostna ma jibqgħux jassoċjaw magħna, u jieqfu milli jgħidu lil oħrajn dwar l-isem u l-għemejjel taʼ Jehovah. Għandna raġuni valida għalxiex ninkwetaw. Għalkemm il-biċċa l-kbira taʼ l-uħud inattivi m’abbandunawx il-verità, huma forsi jkunu waqfu milli jippridkaw minħabba xi skuraġġiment, problemi persunali, jew ansjetajiet oħrajn tal-ħajja. (Mt. 13:20-22) Dawk li jinsabu f’qagħda dgħajfa spiritwalment għandhom bżonn l-għajnuna biex jiġu lura fil-kongregazzjoni qabel ma jinbelgħu mis-sistema taʼ Satana. (1 Pt. 5:8) F’dan l-istaġun tal-Mafkar irridu nagħmlu sforz speċjali sabiex lill-uħud inattivi kollha li huma kwalifikati ngħinuhom jerġgħu jiġu involuti f’li jippridkaw l-aħbar tajba.
11 Is-segretarju tal-kongregazzjoni għandu javża lil dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb dwar l-uħud inattivi li jistaʼ jkollhom fil-grupp tagħhom. Il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni għandu jieħu t-tmexxija f’li jirranġa li jsiru żjajjar pastorali lill-uħud inattivi kollha. Jekk jiġi deċiż li l-individwu jistaʼ jibbenefika minn studju tal-Bibbja persunali, l-indokratur tas-servizz għandu jirranġa biex tingħata l-għajnuna, wara li jkun ħa parir mingħand membri oħrajn tal-kumitat tas-servizz dwar min hu l-iktar addattat biex jikkonduċi l-istudju. Għalkemm forsi ma jkunx hemm għalfejn li l-istudju jdum sejjer għal perijodu twil taʼ żmien, dak inkarigat biex jikkonduċih jistaʼ jirrapporta l-ħin, iż-żjajjar lura, u l-istudju tal-Bibbja.
12 F’April li għadda, oħt li kienet qed taħdem minn dar għal dar offriet ir-rivisti lil wieħed żagħżugħ li kien għaddej fit-triq. Hu qalilha li martu kienet Xhud inattiva. Staqsieha fejn kienet is-Sala tas-Saltna u stieden lill-oħt biex tmur iżżur lilu u lil martu d-dar. B’riżultat taʼ dan, it-tnejn attendew għal-laqgħa taʼ wara u qablu li jkollhom studju tal-Bibbja.
13 Kun Lest għal Attività Miżjuda! Is-salmista li ddikjara li għandna ngħarrfu l-isem u l-għemejjel taʼ Jehovah żied: “Għannulu u doqqulu, xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu.” (Salm 105:2, 3) Ejja nuru kemm aħna interessati fl-isem kbir taʼ Jehovah u “l-għeġubijiet” tiegħu billi nżidu l-isforzi tagħna fil-ministeru, u b’hekk nagħmlu dan l-istaġun tal-Mafkar l-akbar wieħed li qatt kellna!
[Kaxxa f’paġna 4]
Diversi Modi Kif Tikkalkula 12-il Siegħa fil-Ġimgħa biex Tkun Pijunier Awżiljarju
Ġurnata Sigħat
It-Tnejn 1 2 − −
It-Tlieta 1 − 3 −
L-Erbgħa 1 2 − 5
Il-Ħamis 1 − 3 −
Il-Ġimgħa 1 2 − −
Is-Sibt 5 4 3 5
Il-Ħadd 2 2 3 2
Total: 12 12 12 12
Hemm xi waħda minn dawn l-iskedi li hija tajba għalik? Jekk le, għax ma tagħmilx l-iskeda persunali tiegħek?