“Il-Kelma t’Alla Hi . . . Qawwija”
1 “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Lhud 4:12) X’ried ifisser b’dan il-kliem? Il-Kelma t’Alla, jew il-messaġġ, li jinsab fil-Bibbja jistaʼ jħalli effett qawwi fuq in-nies. L-għerf li fiha l-Bibbja għandu l-qawwa li jbiddel il-ħajja taʼ dak li jkun għall-aħjar. Is-serħan u t-tama li toffri jressqu lin-nies lejn id-Donatur tal-ħajja, Alla Jehovah. Il-messaġġ tagħha jistaʼ jqabbad lil dawk taʼ qalb onestà t-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Madankollu, biex naraw lil dawn l-uħud jiġu effettwati b’dan il-mod, irridu nużaw il-Bibbja meta nagħtu xiehda lil oħrajn.
2 Aqra Skrittura f’Kull Ċans li Ssib: Milli jidher ħafna pubblikaturi m’għadx għandhom id-drawwa li jużaw il-Bibbja fuq il-bibien. Int hekk ġralek? Peress li ħafna nies milli jidher m’għandhomx ċans għal konversazzjoni fit-tul, forsi int waqajt fir-rutina li toffri biss il-letteratura jew tikkwota xi skrittura fi kliemek. Inħeġġu lill-pubblikaturi kollha biex jagħmlu sforz sinċier sabiex jaqraw minn taʼ l-inqas vers wieħed mill-Bibbja meta jkunu qed jippreżentaw l-aħbar tajba. B’dan il-mod il-persuna tkun tistaʼ tara li l-messaġġ tagħna jinstab verament fil-Bibbja.
3 Għalkemm ftit huma dawk li jaqraw il-Bibbja regolarment, ġeneralment xorta waħda jistmawha. Anki nies li jkunu mħabbtin bix-xogħol ikunu lesti li jwarrbu minuta jew tnejn sabiex jisimgħu messaġġ jinqara direttament mill-Kelma t’Alla. Meta skrittura addattata tinqara b’entużjażmu u tiġi spjegata fil-qosor, il-qawwa tal-Kelma taʼ Jehovah tistaʼ teffettwa lis-semmiegħ b’mod pożittiv. Imma kif tistaʼ tgħaqqad l-introduzzjoni tiegħek mal-qari taʼ vers mill-Bibbja?
4 Ipprova Agħmel Dan fix-Xogħol tat-Tqassim tar-Rivisti: Indokratur li jivvjaġġa juża l-Iskrittura b’mod effettiv meta jieħu sehem fix-xogħol tat-tqassim tar-rivisti. Hu jġorr Bibbja żgħira fil-but. Wara li jippreżenta r-rivisti u jispjega fil-qosor fuq xiex ikun ċertu artiklu, malajr malajr jiftħilhom il-Bibbja u jaqralhom vers li jkollu x’jaqsam maʼ l-artiklu. Dan jistaʼ jsir billi int sempliċement tistaqsi, “X’taħseb dwar din il-wegħda inkuraġġanti?” u mbagħad tkompli billi taqra l-iskrittura li tkun għażilt.
5 Agħmilha mira li taqsam vers jew tnejn mill-Bibbja maʼ kull semmiegħ li ssib. Il-qawwa li tqanqal li għandha tistaʼ tiftaħ it-triq għal iktar nies biex jinġibdu lejn Alla.—Ġw. 6:44.