Tistaʼ Toffri li Jsir f’Darek?
1 Fl-ewwel seklu, ħafna Kristjani offrew djarhom biex jintużaw għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. (1 Kor. 16:19; Kol. 4:15; Flm. 1, 2) Illum, f’xi kongregazzjonijiet m’hemmx biżżejjed postijiet fejn jiltaqgħu l-gruppi taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni u l-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa. Dan jistaʼ jwassal biex f’xi gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb ikun hemm 30 ruħ jew iktar, kważi d-doppju taʼ l-ammont rikkmandat taʼ xi 15-il ruħ.
2 Privileġġ mill-Aqwa: Ġieli ħsibt biex toffri darek ħalli fiha jiltaqaʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni? Kamra mdaqqsa li tkun nadifa, imdawla sew, u arjuża hija ideali għal dan l-iskop. Peress li l-istudju tal-ktieb huwa laqgħa tal-kongregazzjoni u huwa parti mill-arranġament taʼ Jehovah biex jgħallem lill-poplu tiegħu, li jkollok studju tal-ktieb f’darek huwa privileġġ mill-aqwa. Ħafna jgħidu li bbenefikaw spiritwalment talli offrew darhom għal dan l-iskop.
3 Jekk taħseb li darek hija addattata, inħeġġuk li tgħarraf lill-anzjani b’dan. Għandhom mnejn ikunu qed ifittxu iżjed postijiet fejn isiru dawn il-laqgħat. Jekk m’huwiex possibbli li jkollok studju tal-ktieb f’darek, jistaʼ forsi jiltaqaʼ l-grupp tas-servizz taʼ l-għalqa fiha? Anki jekk bħalissa m’hemmx bżonn, l-anzjani se japprezzaw il-fatt li jkunu jafu li darek hija disponibbli. Forsi għad tgawdi dan il-privileġġ iktar ’il quddiem.
4 Uri Manjieri Tajbin: Meta jiltaqgħu f’dar privata dawk kollha li jattendu għandhom juru rispett lejn il-propjetà taʼ min ikun qed jilqagħhom. Il-ġenituri għandhom ikunu żguri li wliedhom jibqgħu fil-post li fih isir l-istudju, mhux jiġru ’l hemm u ’l hawn fil-postijiet privati tad-dar. Għandna wkoll nuru konsiderazzjoni lejn il-ġirien, billi noqogħdu attenti li ma ndejquhomx.—2 Kor. 6:3, 4; 1 Pt. 2:12.
5 Lhud 13:16 jinkuraġġina biex ma ‘ninsewx nagħmlu l-ġid lil oħrajn, u naqsmu bejnietna dak li għandna, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.’ Meta toffri darek biex tintuża għal xi laqgħa tal-kongregazzjoni, b’mod mill-aqwa tkun qed tagħmel il-ġid lill-oħrajn u ‘tweġġaħ lill-Mulej b’ġidek.’—Prov. 3:9.