Jehovah taʼ Min Ifaħħru bil-Bosta
L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej Se Tiġi Ċelebrata fis-16 t’April
1 Iktar ma qiegħed joqrob is-16 t’April 2003, iktar inħossuna ħerqanin għal dan il-jum. F’dik il-lejla se nfakkru l-mewt taʼ Ġesù flimkien maʼ miljuni taʼ qaddejja sħabna madwar id-dinja kollha biex nigglorifikaw l-isem taʼ Jehovah. Jehovah jixraqlu kull tifħir mingħandna għall-provvediment meraviljuż tal-fidwa. Permezz taʼ dan, hu se jkun jistaʼ jagħti barkiet sbieħ lill-bnedmin ubbidjenti kollha. B’qalbna kollha ningħaqdu mas-salmista u ngħidu: “Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru bil-bosta.”—Salm 145:3.
2 Dan huwa żmien li nimmeditaw fuq it-tjubija t’Alla u fuq id-dejn taʼ gratitudni li għandna x’nagħtu lil Jehovah talli bagħat “lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.” (1 Ġw. 4:9, 10) Jekk b’ubbidjenza nosservaw l-Ikla tal-Mulej dan se jnaqqxilna f’qalbna li “twajjeb u ħanin il-Mulej . . . u kollu tjieba.” (Salm 145:8) Tabilħaqq, l-arranġament tal-fidwa huwa l-akbar espressjoni taʼ mħabba lejn il-bnedmin kollha. (Ġw. 3:16) Meta nirriflettu fuq l-imħabba t’Alla u naħsbu dwar il-ħajja taʼ Ġesù taʼ fedeltà u integrità, niġu mqanqlin biex infaħħru lil Jehovah. Matul l-eternità, se nfaħħruh għall-imħabba bla tarf li wera lejna meta għamilha possibbli għalina li jkollna ħajja taʼ dejjem.—Salm 145:1, 2.
3 Għin lil Oħrajn Ifaħħru lil Jehovah: Meta nuru apprezzament għall-aqwa rigal li tana Alla, dak tal-fidwa, se nitqanqlu biex nistiednu lil oħrajn ħalli jingħaqdu magħna sabiex infaħħru lkoll flimkien lil Jehovah. Is-salmista kien imnebbaħ li jikteb: “It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.” (Salm 145:7) Is-sena l-oħra x-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja kollha qattgħu iktar minn biljun siegħa fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Xi rriżulta mill-isforzi tagħhom? Kull ġimgħa, medja taʼ iktar minn 5,100 ruħ tgħammdu bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. B’total taʼ 15,597,746 li attendew għat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù, inkluż iktar minn 9 miljun ruħ li għadhom ma bdewx ifaħħru lil Jehovah bħala pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba, hemm potenzjal kbir għal iktar żjieda! Bħala proklamaturi tas-Saltna, aħna ngħożżu l-privileġġ li għandna taʼ li nxandru l-aħbar tajba u ngħinu biex il-qlub t’oħrajn iduru lejn Jehovah, Ibnu, u s-Saltna.
4 Mod tajjeb kif ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jonoraw lil Jehovah huwa billi nistidnuhom biex jingħaqdu magħna ħalli niċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Għamilt lista taʼ dawk kollha li tixtieq tistieden kif ukoll taʼ dawk li forsi jkollhom bżonn jiġu mfakkra fil-ġurnata u l-ħin? Tajt invit lil dawk kollha li niżżilt fil-lista? Jekk le, fittex agħtihom wieħed fiż-żmien li għad fadal. Għinhom japprezzaw l-iskop taċ-ċelebrazzjoni. Dakinhar kun lest li tilqaʼ lill-mistidnin. Ġagħalhom iħossu li l-preżenza tagħhom hija mixtieqa, introduċihom maʼ l-oħrajn, u faħħarhom talli jkunu ġew.
5 Meta wħud ġodda jattendu t-Tifkira jistgħu jitqanqlu biex jagħmlu progress spiritwali. Student tal-Bibbja li jbati minn tip t’ansjetà li tiġi wara xi esperjenza trawmatika, isibha diffiċli ħafna biex imur f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, però rnexxielu jattendi għat-Tifkira. Meta ġie mistoqsi x’deherlu mil-laqgħa, qal: “Kienet lejla tant qaddisa, u jien kont preżenti.” Minn dakinhar, beda jattendi l-laqgħat.
6 Wara t-Tifkira: X’jistaʼ jsir biex ngħinu lil dawn l-uħud interessati ħalli jibdew ifaħħru lil Jehovah? L-anzjani se joqogħdu attenti għal dawk l-uħud ġodda li jkunu attendew it-Tifkira u jagħmlu xi arranġamenti maʼ pubblikaturi kwalifikati biex mill-iktar fis iżuru lil dawn l-uħud ħalli jirrivedu magħhom l-affarijiet li tgħallmu u osservaw. Hemm mnejn li xi wħud minnhom ikunu jridu jibdew studju tal-Bibbja. Dawn l-uħud għandhom jiġu mistidnin ukoll biex jattendu l-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni, ladarba attendenza regulari bħal din tistaʼ żżid l-għarfien tagħhom tal-Bibbja.
7 Qegħdin isiru xi arranġamenti biex ninkuraġġixxu lil dawk kollha li huma irregulari u inattivi ħalli jibdew jattendu l-laqgħat regolarment. Jekk tiġi mistoqsi mill-anzjani biex tgħin lil xi ħadd li huwa inattiv ħalli jerġaʼ jibda joħroġ fuq is-servizz taʼ l-għalqa, kun lest li taċċetta. Jekk nuru dan l-interess bi mħabba lejn ħutna se nkunu fi qbil maʼ dak li ħeġġeġ l-appostlu Pawlu: “Dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.”—Gal. 6:10.
8 Jalla lkoll kemm aħna nagħmlu sforz speċjali biex nattendu għat-Tifkira fis-16 t’April. Żgur li ma nixtiqux nitilfu din l-okkażjoni tant qaddisa biex infaħħru lil Jehovah. Iva, issa u għal dejjem, jalla nfaħħru lil Jehovah għax-xogħlijiet kbar tiegħu!—Salm 145:21.