Kampanja Speċjali għat-Tqassim tal-Browxer il-Ġdid
1 Ħafna nies illum huma inkwetati dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja, imma ftit jifhmu għala d-dinja tinsab f’dan l-istat, x’se jġib miegħu l-futur, u x’għandhom jagħmlu sabiex jibqgħu ħajjin matul il-ġudizzju li riesaq. (Eżek. 9:4) Sabiex ngħinuhom jagħrfu s-sinifikat taż-żminijiet li qed ngħixu fihom, se jkun hemm kampanja speċjali għat-tqassim tal-browxer il-ġdid Ibqaʼ Għassa! li se tibda t-Tnejn, 18 t’Ottubru, u tibqaʼ sejra sal-Ħadd, 14 taʼ Novembru.
2 Il-browxer jistaʼ jiġi offrut meta tkun qed tieħu sehem fil-ministeru minn dar għal dar, fiż-żjajjar lura, fl-għoti taʼ xiehda informali, jew meta tkun f’xi territorju pubbliku ieħor. Madankollu, il-browxer Ibqaʼ Għassa! m’għandux jitqassam bl-addoċċ. Anzi, il-browxer għandu jitħalla biss maʼ dawk li verament juru interess f’dak li tgħid il-Bibbja dwar it-tifsir tal-ġrajjiet dinjin. Lil dawk li juru ftit interess fil-messaġġ tistaʼ toffrilhom fuljett.
3 Forsi tistaʼ tiġbed l-attenzjoni taʼ l-individwu billi tgħid:
◼ “Ħafna nies huma konċernati dwar il-problemi serji u l-ġrajjiet tal-biżaʼ li huma komuni llum. [Agħti eżempju magħruf lokalment.] Kont taf li dawn l-affarijiet kienu mbassrin fil-Bibbja? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra skrittura li taqbel maʼ l-eżempju li tkun semmejt, bħal Mattew 24:3, 7, 8; Luqa 21:7, 10, 11; jew it-2 Timotju 3:1-5.] Il-Bibbja tirrivela t-tifsir taż-żminijiet li qed ngħixu fihom u taʼ dak li hemm jistenniena fil-futur. Tixtieq tkun taf iktar? [Agħti ċans għal tweġiba. Jekk ikun hemm interess sinċier offri l-browxer.] Il-browxer jingħata mingħajr ħlas. Jekk tixtieq tagħti donazzjoni żgħira għax-xogħol tagħna li jsir madwar id-dinja, aħna naċċettawha mill-qalb.”
4 Jew forsi ssib din il-preżentazzjoni effettiva:
◼ “Ħafna llum huma ansjużi minħabba l-ġrajjiet tal-biżaʼ li qed iseħħu fid-dinja jew minħabba xi traġedja persunali. Xi wħud jistaqsu għala Alla ma jintervinix biex ma jħallix dawn l-affarijiet jiġru. Il-Bibbja tassigurana li Alla dalwaqt se jaġixxi biex ineħħi s-sofferenza tal-bnedmin. Innota liema benefiċċji se jġib Alla għall-umanità. [Aqra Salm 37:10, 11.] Tixtieq tkun taf iktar?” Ikkonkludi bħal fuq.
5 Ipprova ikseb l-isem u l-indirizz taʼ kull persuna li taċċetta kopja tal-browxer, u rranġa biex tmur lura sabiex tikkultiva l-interess. Suġġerimenti dwar kif dan jistaʼ jsir se jidhru fil-ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Novemrbu, 2004. Jekk persuna turi interess sinċier fl-ewwel żjara, forsi jirnexxilek tibda studju tal-Bibbja dak il-ħin stess billi tuża l-browxer Ibqaʼ Għassa! jew inkella xi pubblikazzjoni oħra, bħall-browxer X’Jirrikjedi.
6 Kopji tal-browxer il-ġdid se jkunu disponibbli wara lLaqgħa tas-Servizz tal-lejla. Huwa suġġerit li għall-ewwel il-pubblikaturi u l-pijunieri jieħdu biss dawk il-browxers li jkollhom bżonn għall-ewwel ftit jiem tal-kampanja. Jalla Ġeħova jbierek din l-attività speċjali għat-tifħir tiegħu u għall-benefiċċju taʼ dawk taʼ qalbhom onesta kullimkien.—Salm 90:17.