Għin lil Uliedek Jagħmlu Progress fil-Ministeru
1 Il-ġenituri Kristjani għandhom ir-responsabbiltà serja li jħarrġu lil uliedhom fil-ministeru minn mindu jkunu żgħar. Dan jistaʼ jsir b’diversi modi. Xi tfal jirnexxilhom jitgħallmu bl-amment xi vers adattat mill-Bibbja anki qabel ma jitgħallmu jaqraw. Dan jistaʼ jħalli effett qawwi fuq min jismagħhom. Hekk kif iċ-ċkejknin jibdew jikbru ftit, huma jistgħu jagħmlu saħansitra iktar fil-ministeru. Intom il-ġenituri kif tistgħu tgħinu lil uliedkom biex huma wkoll jagħtu xiehda? Is-suġġerimenti li ġejjin forsi jistgħu jkomplu jgħinukom.
2 Wara tislima, tistaʼ tgħid:
◼“It-tifel tiegħi, [ismu], għandu skrittura interessanti li jixtieqek tismagħha.” It-tifel jistaʼ jgħid: “Din l-iskrittura fis-Salmi għallmitni x’jismu Alla. [It-tifel jaqra jew jgħid bl-amment Salm 83:19 (Salm 83:18, NW).] Dawn ir-rivisti jgħidulna x’se jagħmel għalina Alla Ġeħova. Nistaʼ nħallihomlok?” Int tistaʼ ttemm il-konversazzjoni billi tispjega kif jiġi appoġġat ix-xogħol tagħna madwar id-dinja.
3 Jew tistaʼ tipprova tgħid hekk:
◼ “Bonġu. Qed inħarreġ lil binti, [isimha], biex turi interess f’nies oħrajn fil-komunità. Hi tixtieq taqsam miegħek messaġġ qasir mill-Bibbja.” It-tifla tistaʼ tgħid: “Mod wieħed kif inħobb ngħin lin-nies hu billi nurihom it-tama li nsibu fil-Bibbja għall-futur. [It-tifla taqra jew tgħid bl-amment Rivelazzjoni 21:4.] Dawn ir-rivisti jispjegaw x’se tagħmel għalina s-Saltna t’Alla. Naħseb li tieħu pjaċir taqrahom.”
4 Jekk it-tfal dejjem jużaw preżentazzjoni simplifikata jkunu jistgħu jħossuhom kapaċi jaqsmu l-messaġġ tas-Saltna m’oħrajn. Tistgħu tqattgħu ftit ħin tgħinuhom jipprattikaw kif jitkellmu ċar u b’volum xieraq, u b’hekk jitgħallmu jitkellmu f’ċirkustanzi differenti. Preparazzjoni tajba minn qabel u tifħir sinċier se jgħinu liż-żgħar jesprimu l-fidi tagħhom.
5 B’dan l-inkuraġġiment, ħafna tfal ikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. X’ferħ meta naraw lil uliedna jagħmlu progress fil-ministeru Kristjan!—Salm 148:12, 13.