Ir-Rivisti Tagħna—Disinjati Biex Jolqtu lil Kulħadd
1. Il-klassi tal-ilsir leali u għaqli kif timita lill-appostlu Pawlu?
1 Sewwasew bħalma l-appostlu Pawlu adatta l-mod kif ippreżenta l-aħbar tajba sabiex jilħaq “nies taʼ kull xorta,” il-klassi tal-ilsir leali u għaqli tuża r-rivisti tagħna biex tilħaq lil nies taʼ sfondi u twemmin differenti. (1 Kor. 9:22, 23) Sabiex inkunu nistgħu nagħmlu użu tajjeb mit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! nagħmlu tajjeb jekk inżommu f’moħħna min se jaqra r-rivisti tagħna.
2. Ir-rivista Stenbaħ! hi disinjata biex tilħaq lil min?
2 Stenbaħ!: Il-mira taʼ din ir-rivista hi li tilħaq l-istess tip taʼ nies li kellem l-appostlu Pawlu meta indirizza lill-“irġiel t’Ateni.” (Atti 17:22) Dawn l-irġiel ma trabbewx f’ambjent Kristjan, u ftit li xejn kellhom fehma tal-Iskrittura. Bl-istess mod, in-nies li għalihom hi disinjata r-rivista Stenbaħ! jafu ftit jew xejn dwar il-Bibbja. Għandhom mnejn ma jafu xejn dwar it-tagħlim Kristjan, forsi jkunu xi ftit xettiċi dwar ir-reliġjon, jew forsi ma jafux li l-Bibbja fiha valur prattiku. Oġġettiv ewlieni tar-rivista Stenbaħ! hu li tikkonvinċi lill-qarrejja tagħha li l-Alla l-veru jeżisti. L-għan taʼ din ir-rivista hu wkoll li tibni fidi fil-Bibbja u li tgħin lill-qarrej jifhem li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma differenti minn gruppi reliġjużi oħrajn.
3. Għal min jinkitbu ż-żewġ edizzjonijiet tat-Torri tal-Għassa?
3 It-Torri tal-Għassa: L-uħud li għalihom tinkiteb l-edizzjoni pubblika taʼ din ir-rivista għandhom ċertu rispett għal Alla u għall-Iskrittura. Għandhom xi għarfien dwar il-Bibbja imma ma jifhmux it-tagħlim tagħha b’eżattezza. Huma simili għall-udjenza li Pawlu rrefera għalihom bħala dawk li ‘jibżgħu minn Alla.’ (Atti 13:14-16) L-edizzjoni għall-istudju tat-Torri tal-Għassa tinkiteb primarjament għax-Xhieda taʼ Ġeħova. Pawlu assuma li dawk li kienu jaqraw l-ittri tiegħu kienu familjari mal-Iskrittura u kellhom għarfien eżatt tal-verità. (1 Kor. 1:1, 2) Bl-istess mod, l-artikli fl-edizzjoni għall-istudju huma miktubin għal dawk li jattendu l-laqgħat tagħna u huma familjari mat-termini u t-twemmin tax-Xhieda.
4. Għala għandna nsiru familjari maʼ kull ħarġa tar-rivisti li nużaw fl-għalqa?
4 Għalkemm is-soltu noffru r-rivisti flimkien, ġeneralment niddiskutu waħda biss fil-preżentazzjoni tagħna. Għalhekk, agħmilha l-mira tiegħek li tkun familjari maʼ kull ħarġa. Imbagħad se tkun preparat biex tuża dak li se jolqot lil dawk li tiltaqaʼ magħhom.