Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
1. Meta se nibdew nistudjaw il-browxer Min Qed Jagħmel ir-Rieda ta’ Ġeħova Llum?, u kif se jkun taʼ benefiċċju għalina?
1 B’seħħ mill-ġimgħa li tibda fit-28 t’Ottubru, il-browxer Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum? se jiġi studjat fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Dan il-browxer ġdid li ħareġ fil-Konvenzjoni Distrettwali “Ħares lil Qalbek!” ġie mħejji biex jidderieġi lill-istudenti tal-Bibbja lejn l-organizzazzjoni. L-istudju taʼ din il-pubblikazzjoni mhux biss se jkabbar l-apprezzament tagħna għall-fatt li nagħmlu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova imma wkoll se jgħinna nsiru midħla sew taʼ din l-għodda utli għall-ministeru.—Salm 48:13.
2. Il-browxer kif se jiġi studjat fil-kongregazzjoni?
2 Kif Se Jiġi Studjat: L-indokratur se jkollu bżonn iqassam il-ħin tiegħu ħalli kull lezzjoni tieħu l-istess ammont taʼ ħin. Se jintroduċi kull waħda mit-28 lezzjoni billi jaqra l-mistoqsija li tifforma t-titlu. Imbagħad se jistieden lill-qarrej jaqra l-ewwel paragrafu bħala introduzzjoni. Wara dan, l-indokratur se jistaqsi lil dawk fl-udjenza mistoqsija li jkun ħejja għall-introduzzjoni. Imbagħad kull paragrafu li jibda bi stqarrija b’tipa grassa għandu jinqara u jiġi diskuss għalih. Wara li jinqara l-paragrafu, l-indokratur se jistieden lil dawk fl-udjenza jikkummentaw fuq kif il-paragrafu jwieġeb il-mistoqsija li hi t-titlu tal-lezzjoni. Ukoll, il-browxer fih ħafna stampi li l-udjenza tistaʼ tikkummenta dwarhom. L-iskritturi ewlenin għandhom jinqraw skont ma jippermetti l-ħin. Qabel ma jgħaddi għal-lezzjoni li jmiss, l-indokratur se jagħmel reviżjoni billi jistaqsi l-mistoqsijiet li hemm fl-aħħar tal-paġna. Jekk ikun hemm kaxxa “Sir Af Iktar,” se jqabbad lill-qarrej jaqraha, u mbagħad se jitlob kummenti mill-udjenza dwar kif student tal-Bibbja se jibbenefika jekk isegwi dan is-suġġeriment. Jekk ikun baqaʼ ħin fl-aħħar tal-istudju, l-indokratur jistaʼ juża t-titli tal-lezzjonijiet bħala mistoqsijiet għal reviżjoni. Tinsewx li din hi l-proċedura li se tintuża għall-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Din mhix neċessarjament il-proċedura li se tintuża matul studju tal-Bibbja fid-dar.
3. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ minn studju taʼ dan il-browxer?
3 Sabiex tibbenefika bis-sħiħ, ejja għal-laqgħat preparat sew. Stinka biex tikkummenta. Matul id-diskussjoni, aħseb fuq għala l-materjal hu taʼ benefiċċju għall-istudenti tal-Bibbja. Jalla l-istudju tagħna taʼ dan il-browxer ġdid jarmana biex ngħinu lil oħrajn jingħaqdu magħna f’li nagħmlu r-rieda t’Alla biex b’hekk huma wkoll ikollhom it-tama li jibqgħu ħajjin għal dejjem.—1 Ġw. 2:17.