Metodu ġdid u eċċitanti taʼ ppritkar f’postijiet pubbliċi
1. Kongregazzjonijiet li għandhom inħawi fejn jgħaddu ħafna nies, x’ġew inkuraġġiti li jagħmlu?
1 Kongregazzjonijiet li għandhom inħawi fejn jgħaddu ħafna nies ġew inkuraġġiti li jorganizzaw ippritkar f’postijiet pubbliċi, billi jużaw imwejjed jew stands. Jekk jintuża stand, minn tal-inqas irid ikun hemm pubblikatur bilwieqfa jew bilqiegħda ħdejh. Madankollu, jekk tintuża mejda għandu jkun hemm żewġ pubblikaturi. Dawk inkarigati għandhom jagħmlu sforz biex ikunu dħulin u juru tbissima sinċiera. Jekk xi ħadd jagħti attenzjoni lejn l-istand, wieħed mill-pubblikaturi jistaʼ jibda konversazzjoni, forsi billi jgħid, “Ġieli ħsibt x’tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett?” Pubblikatur jew tnejn oħra jistgħu jkunu viċin l-istand waqt li jieħdu sehem f’li jagħtu xhieda informali.
2. Irrakkonta esperjenza li turi l-valur tal-ippritkar f’postijiet pubbliċi permezz taʼ mejda bil-letteratura.
2 Dan il-metodu rriżulta f’ħafna studji ġodda tal-Bibbja. Studenta f’kulleġġ għażlet li tikteb teżi dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova, imma ma setgħetx issib Sala tas-Saltna. Il-ġimgħa taʼ wara rat mejda bil-letteratura fil-kulleġġ. Studju tal-Bibbja nbeda, u issa din l-istudenta hija pubblikatriċi mgħammda u tieħu sehem f’dan il-metodu taʼ ppritkar hi stess.
3. Xi wħud kif iħossuhom dwar dan il-metodu taʼ ppritkar?
3 Oħt li ħadet pjaċir b’dan il-metodu taʼ ppritkar f’postijiet pubbliċi qalet: “Xi wħud jieqfu jaraw il-letteratura biex jieħdu r-rivisti tal-aħħar. Oħrajn qatt ma jkunu semgħu bix-Xhieda taʼ Ġeħova qabel. Nistaʼ nara li permezz taʼ dan il-metodu, jistgħu jintlaħqu ħafna nies.” Oħt oħra qalet: “Dan hu metodu ġdid u eċċitanti taʼ ppritkar minħabba li n-nies jiġu fuqek, anke jekk ma jkunux interessati ħafna.”
4. Għala hu taʼ benefiċċju li tagħmel l-istand jew il-mejda fl-istess ħinijiet u postijiet kull ġimgħa?
4 Huwa taʼ benefiċċju li tagħmel l-istand jew il-mejda fl-istess post, fl-istess ġranet, u fl-istess ħinijiet kull ġimgħa. B’hekk, in-nies jidraw jaraw l-istand jew il-mejda, u maż-żmien iħossuhom komdi biżżejjed biex javviċinaw u jistaqsu mistoqsijiet jew biex jieħdu letteratura. Il-kongregazzjoni tiegħek organizzat ippritkar f’postijiet pubbliċi? Jekk iva, forsi tistaʼ tipparteċipa f’dan il-metodu taʼ ferħ u produttiv biex ‘ixxandar is-saltna t’Alla maʼ kullimkien.’—Lq. 9:60.