KAPITLU 8
Ministri tal-aħbar tajba
ĠEĦOVA pprovdielna mudell perfett biex insegwu—Ibnu, Ġesù Kristu. (1 Pt. 2:21) Meta xi ħadd isir segwaċi tiegħu, dan l-individwu jipprietka l-aħbar tajba bħala wieħed mill-ministri t’Alla. Ġesù indika li dan kellu jkun taʼ serħan spiritwali meta qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mt. 11:28, 29) Il-wegħda tiegħu qatt ma ddiżappuntat lil min wieġeb għal din l-istedina!
2 Bħala l-Ministru Ewlieni t’Alla, Ġesù sejjaħ lil ċerti individwi biex ikunu segwaċi tiegħu. (Mt. 9:9; Ġw. 1:43) Hu ħarriġhom fil-ministeru u bagħathom jagħmlu l-istess xogħol li kien qed jagħmel hu. (Mt. 10:1–11:1; 20:28; Lq. 4:43) Iktar tard, hu bagħat 70 oħra biex jieħdu sehem fix-xandir tal-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. (Lq. 10:1, 8-11) Meta Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu, hu qalilhom: “Min jismaʼ lilkom jismaʼ lili. U min ma jagħtix kaskom ma jagħtix kasi. Iktar minn hekk, min ma jagħtix kasi ma jagħtix kas dak li bagħatni.” (Lq. 10:16) B’hekk, Ġesù saħaq fuq ir-responsabbiltà serja li ngħatat lid-dixxipli. Huma kellhom jirrappreżentaw lil Ġesù u lill-Alla l-Iktar Għoli! Dan kien se jkun minnu wkoll illum għal kull min iwieġeb għall-istedina taʼ Ġesù: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” (Lq. 18:22; 2 Kor. 2:17) Kull min iwieġeb għandu inkarigu divin biex jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna u jagħmel dixxipli.—Mt. 24:14; 28:19, 20.
3 Ladarba aċċettajna l-istedina taʼ Ġesù li nsegwuh, aħna ġejna mberkin b’li nsiru nafu lil Alla Ġeħova u lil Ġesù Kristu. (Ġw. 17:3) Ġejna mgħallmin il-mogħdijiet taʼ Ġeħova. Bl-għajnuna tiegħu stajna nġeddu moħħna, nilbsu l-personalità l-ġdida, u nġibu l-imġiba tagħna fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova. (Rum. 12:1, 2; Efes. 4:22-24; Kol. 3:9, 10) Apprezzament mill-qalb qanqalna niddedikaw ruħna lil Ġeħova u nissimbolizzaw din id-dedikazzjoni bil-magħmudija fl-ilma. Meta nitgħammdu niġu ordnati bħala ministri.
4 Dejjem żomm f’moħħok li s-servizz lil Alla jrid jingħata b’idejn innoċenti u b’qalb safja. (Salm 24:3, 4; Is. 52:11; 2 Kor. 6:14–7:1) Permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu, ksibna kuxjenza nadifa. (Ebr. 10:19-23, 35, 36; Riv. 7:9, 10, 14) L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani biex jagħmlu kollox għall-glorja t’Alla, sabiex ma jfixklu lil ħadd. L-appostlu Pietru tkellem dwar il-valur taʼ mġiba eżemplari biex uħud li ma jemmnux jintrebħu lejn il-verità. (1 Kor. 10:31, 33; 1 Pt. 3:1) Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd jingħaqad magħna u jikkwalifika biex isir ministru tal-aħbar tajba?
PUBBLIKATURI ĠODDA
5 Minn meta tibda tikkonduċi studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd interessat, inkuraġġih biex jitkellem m’oħrajn dwar dak li qed jitgħallem. Hu jistaʼ jitkellem maʼ qraba, ħbieb, sħabu fuq ix-xogħol, u oħrajn fuq bażi informali. Dan huwa pass importanti biex ngħallmu lil nies ġodda jkunu segwaċi taʼ Ġesù Kristu bħala ministri tal-aħbar tajba. (Mt. 9:9; Lq. 6:40) Hekk kif il-wieħed il-ġdid jikber spiritwalment u jsir iktar kapaċi jagħti xhieda informali, bla dubju hu se jesprimi x-xewqa biex jipparteċipa fil-ministeru tal-għalqa.
JINTLAĦQU L-ĦTIĠIJIET
6 Qabel ma tistieden lil xi ħadd joħroġ miegħek minn dar għal dar għall-ewwel darba, għandek tkun ċert li jilħaq ċerti kwalifiki. Xi ħadd li joħroġ magħna fil-ministeru tal-għalqa jidentifika lilu nnifsu max-Xhieda taʼ Ġeħova pubblikament. Dan ifisser li diġà ġab ħajtu fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova u li jistaʼ jsir pubblikatur mhux mgħammed.
7 Hekk kif tistudja maʼ individwu u tiddiskuti l-prinċipji tal-Bibbja miegħu, aktarx ġejt konxju taċ-ċirkustanzi tiegħu. Stajt innotajt li hu qed jgħix fi qbil maʼ dak li tgħallem. Imma hemm xi aspetti fil-ħajja tal-istudent li l-anzjani jkunu jridu jiddiskutu magħkom it-tnejn flimkien.
8 Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani se jagħmel arranġamenti biex żewġ anzjani (wieħed minnhom membru tal-kumitat tas-servizz) jiddiskutu dawn l-affarijiet miegħek u mal-istudent tal-Bibbja. F’kongregazzjonijiet fejn hemm ftit anzjani, anzjan u qaddej ministerjali kapaċi jistgħu jagħmlu dan. L-aħwa magħżulin għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmlu din id-diskussjoni mill-iktar fis possibbli. Infatti, jekk isiru jafu dwar ix-xewqa tal-istudent f’laqgħa tal-kongregazzjoni, jistaʼ jkun possibbli li jitkellmu miegħek u mal-istudent tiegħek wara l-laqgħa. L-atmosfera għandha tkun rilassata. Qabel ma l-istudent jistaʼ jiġi approvat bħala pubblikatur mhux mgħammed, għandu jkun qed jagħmel dan li ġej:
(1) Jemmen li l-Bibbja hija l-Kelma mnebbħa t’Alla.—2 Tim. 3:16.
(2) Jaf u jemmen it-tagħlim bażiku tal-Iskrittura ħalli meta jiġi mistoqsi, ikun jistaʼ jwieġeb fi qbil mal-Bibbja u mhux skont tagħlim reliġjuż falz jew l-ideat tiegħu stess.—Mt. 7:21-23; 2 Tim. 2:15.
(3) Qed jobdi l-kmand tal-Bibbja biex jassoċja mal-poplu taʼ Ġeħova fil-laqgħat tal-kongregazzjoni jekk jistaʼ jagħmel dan.—Salm 122:1; Ebr. 10:24, 25.
(4) Jaf x’tgħallem il-Bibbja dwar l-immoralità sesswali, inkluż l-adulterju, il-poligamija, u l-omosesswalità, u qed jgħix fi qbil maʼ dan it-tagħlim. Jekk l-individwu qed jgħix maʼ xi ħadd tas-sess oppost li mhux qarib, għandhom ikunu miżżewġin kif xieraq.—Mt. 19:9; 1 Kor. 6:9, 10; 1 Tim. 3:2, 12; Ebr. 13:4.
(5) Qed jobdi l-projbizzjoni tal-Bibbja dwar is-sokor u hu ħieles minn kull użu mhux mediku taʼ sustanzi naturali jew sintetiċi li jagħmluh jiddependi minnhom jew li jeffettwawlu moħħu.—2 Kor. 7:1; Efes. 5:18; 1 Pt. 4:3, 4.
(6) Qed jara l-importanza taʼ li jevita kumpanija ħażina.—1 Kor. 15:33.
(7) Qataʼ għalkollox is-sħubija li kellu maʼ kull organizzazzjoni reliġjuża falza li setaʼ kien membru tagħha. Waqaf jattendi l-laqgħat tagħhom u waqaf jappoġġa l-attivitajiet tagħhom jew li jieħu sehem fihom.—2 Kor. 6:14-18; Riv. 18:4.
(8) Ikun ħieles minn kull involviment fl-affarijiet politiċi tad-dinja.—Ġw. 6:15; 15:19; Ġak. 1:27.
(9) Jemmen u jgħix fi qbil maʼ dak li jgħid Isaija 2:4 dwar dak li jagħmlu l-ġnus.
(10) Verament irid ikun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Salm 110:3.
9 Jekk l-anzjani ma jkunux ċerti kif l-istudent iħossu dwar kwalunkwe waħda minn dawn il-punti, għandhom jistaqsuh, billi forsi jużaw l-iskritturi ċitati hawn bħala bażi tad-diskussjoni. Hu importanti li jifhem li dawk li jieħdu sehem fl-attività taʼ ppritkar max-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ikunu qed jgħixu fi qbil maʼ dawn il-ħtiġijiet Skritturali. Dak li jgħid se jgħin lill-anzjani jiddeterminaw jekk hu jafx x’inhu mistenni minnu u jekk jikkwalifikax sa livell raġunevoli biex jibda jipparteċipa fil-ministeru tal-għalqa.
10 Fil-pront, l-anzjani għandhom jinformaw lill-istudent jekk jikkwalifikax. Ġeneralment, dan ikun jistaʼ jsir fil-konklużjoni tad-diskussjoni. Jekk jikkwalifika, l-anzjani jistgħu kordjalment jilqgħu lill-individwu bħala pubblikatur. (Rum. 15:7) Għandu jiġi inkuraġġit jibda jieħu sehem fil-ministeru tal-għalqa malajr kemm jistaʼ jkun u biex jimla rapport tas-servizz tal-għalqa fl-aħħar tax-xahar. L-anzjani jistgħu jispjegaw li meta student tal-Bibbja jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed u jirrapporta s-servizz tal-għalqa għall-ewwel darba, timtela Congregation’s Publisher Record f’ismu u titpoġġa fil-fajl tal-kongregazzjoni. L-anzjani jiġbru din l-informazzjoni personali mingħand il-pubblikatur biex l-organizzazzjoni tkun tistaʼ tieħu ħsieb l-attivitajiet reliġjużi tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja u biex il-pubblikatur ikun jistaʼ jieħu sehem fl-attivitajiet spiritwali u jirċievi sapport spiritwali. Barra minn hekk, l-anzjani jistgħu jfakkru l-pubblikaturi ġodda li kwalunkwe informazzjoni personali tiġi trattata skont il-Policy globali tal-protezzjoni tad-data tax-Xhieda taʼ Ġeħova li tinsab fuq jw.org.
11 Li nsiru nafu aħjar lill-pubblikatur il-ġdid u li nuru interess persunali f’dak li jkun wettaq, nistgħu ninfluwenzaw u ninkuraġġixxu lill-individwu. Dan jistaʼ jqanqlu biex jimla r-rapporti tas-servizz tal-għalqa regolarment u biex jagħmel sforzi akbar biex jaqdi lil Ġeħova.—Flp. 2:4; Ebr. 13:2.
12 Ladarba l-anzjani jkunu ddeċidew li l-istudent tal-Bibbja jikkwalifika biex jipparteċipa fil-ministeru tal-għalqa, jistaʼ jingħata l-kopja persunali tiegħu tal-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova. Wara li jirrapporta s-servizz tal-għalqa għall-ewwel darba, isir avviż qasir lill-kongregazzjoni li hu pubblikatur mhux mgħammed ġdid.
NGĦINU LIT-TFAL
13 Tfal żgħar ukoll jistgħu jikkwalifikaw bħala pubblikaturi tal-aħbar tajba. Ġesù laqaʼ lit-tfal żgħar u berikhom. (Mt. 19:13-15; 21:15, 16) Għalkemm il-ġenituri huma primarjament responsabbli għat-tfal tagħhom, oħrajn fil-kongregazzjoni forsi jixtiequ jgħinu liż-żgħar li jkunu motivati biex mill-qalb jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Jekk int ġenitur, l-eżempju mill-aħjar tiegħek fil-ministeru tal-għalqa se jgħin ħafna biex jinkuraġġixxi lil uliedek ikunu żelużi fis-servizz tagħhom lil Alla. Meta tifel li jkun eżemplari fl-imġiba jitqanqal mill-qalb biex jesprimi l-fidi tiegħu m’oħrajn, liema għajnuna oħra tistaʼ tingħatalu?
14 Ikun xieraq li l-ġenitur javviċina lil wieħed mill-anzjani tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni biex jiddiskuti jekk it-tifel jikkwalifikax biex isir pubblikatur. Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani jagħmel arranġamenti biex żewġ anzjani (wieħed minnhom membru tal-kumitat tas-servizz) jiltaqgħu mat-tifel u l-ġenitur(i) jew maʼ min ikun qed irabbih. Jekk it-tifel għandu għarfien bażiku tal-verità tal-Bibbja u juri li jrid jieħu sehem fil-ministeru, dan jindika li jkun sar progress tajjeb. Wara li jikkunsidraw dawn il-fatturi u oħrajn simili għal dawk li japplikaw għall-adulti, iż-żewġ anzjani jistgħu jiddeterminaw jekk it-tifel jistax jiġi rikonoxxut bħala pubblikatur mhux mgħammed. (Lq. 6:45; Rum. 10:10) Meta jiltaqgħu maʼ tifel żgħir, ma jkunx hemm għalfejn jiġu diskussi wħud mill-punti li ġeneralment jiġu diskussi maʼ adult imma li ovvjament ma japplikawx għat-tfal.
15 Matul il-laqgħa, l-anzjani għandhom ifaħħru lit-tifel għall-progress li jkun għamel u jinkuraġġuh jagħmilha mira li jitgħammed. Ladarba bla dubju l-ġenituri ħadmu iebes biex irawmu l-verità f’qalb binhom, huma wkoll jixirqilhom it-tifħir. Biex iħeġġu lill-ġenituri jkomplu jgħinu lit-tifel, l-anzjani għandhom jitolbuhom jaqraw “Messaġġ lill-ġenituri Kristjani” li jinsab f’paġni 179-181.
DEDIKAZZJONI U MAGĦMUDIJA
16 Jekk sirt taf u tħobb lil Ġeħova billi lħaqt il-ħtiġijiet divini u billi ħadt sehem fil-ministeru tal-għalqa, għandek bżonn issaħħaħ ir-relazzjoni persunali tiegħek maʼ Ġeħova. Kif? Billi tiddedika ħajtek lilu bit-talb u tissimbolizza dan bil-magħmudija fl-ilma.—Mt. 28:19, 20.
17 Id-dedikazzjoni tfisser li xi ħaġa titwarrab għal skop sagru. Li tiddedika lilek innifsek lil Alla jfisser li tersaq lejh bit-talb u twiegħed solennement li tuża ħajtek fis-servizz tiegħu u li timxi fi triqatu. Ifisser li tagħtih devozzjoni esklużiva għal dejjem. (Dt. 5:9) Din hija kwistjoni persunali, privata. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalik.
18 Madankollu, mhux biżżejjed li fil-privat tgħid lil Ġeħova li trid tkun tiegħu. Għandek turi lil ħaddieħor li għamilt dedikazzjoni lil Alla. Dan tagħmlu magħruf billi titgħammed fl-ilma, bħalma għamel Ġesù. (1 Pt. 2:21; 3:21) Jekk int iddeċidejt li taqdi lil Ġeħova u trid titgħammed, x’għandek tagħmel? Għandek tgħarraf lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani bix-xewqa tiegħek. Hu se jagħmel arranġamenti biex diversi anzjani jkellmuk biex ikunu ċerti li int tissodisfa l-ħtiġijiet divini għall-magħmudija. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irrivedi “Messaġġ lill-pubblikatur mhux mgħammed,” li jinsab f’paġni 182-184 taʼ din il-pubblikazzjoni, u “Mistoqsijiet għal dawk li jixtiequ jitgħammdu,” li jinsabu f’paġni 185-207.
NIRRAPPORTAW IL-PROGRESS TAL-MINISTERU
19 Tul is-snin, rapporti dwar l-espansjoni tal-qima pura madwar id-dinja servew taʼ sors taʼ inkuraġġiment għall-poplu taʼ Ġeħova. Mill-ewwel darba li Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu li l-aħbar tajba kellha tkun pritkata madwar l-art kollha, il-Kristjani veri kienu interessati ħafna li jkunu jafu kif dan kien se jitwettaq.—Mt. 28:19, 20; Mk. 13:10; Atti 1:8.
20 Is-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù ħadu pjaċir jisimgħu rapporti dwar is-suċċessi fix-xogħol tal-ippritkar. (Mk. 6:30) Il-ktieb Bibliku tal-Atti jgħidilna li madwar 120 persuna kienu preżenti meta l-ispirtu qaddis tferraʼ fuq id-dixxipli f’Pentekoste tas-sena 33 WK. In-numru taʼ dixxipli malajr kiber għal 3,000 u mbagħad għal 5,000. Sar rapport inkuraġġanti li “Ġeħova kompla jżid magħhom kuljum lil dawk li kienu qed jiġu salvati” u li “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-fidi.” (Atti 1:15; 2:5-11, 41, 47; 4:4; 6:7) Żgur li l-aħbar dwar dawn iż-żidiet ġabet inkuraġġiment kbir lid-dixxipli! Min jaf kemm dawn ir-rapporti eċċitanti tawhom spinta fix-xogħol li ngħatalhom minn Alla, minkejja l-persekuzzjoni ħarxa mxewxa mill-mexxejja reliġjużi Lhud!
21 Madwar is-sena 60-61 WK, Pawlu rrapporta fl-ittra tiegħu lill-Kolossin li l-aħbar tajba kienet “qed tagħmel il-frott u toktor fid-dinja kollha” u li kienet ġiet “pridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:5, 6, 23) Il-Kristjani tal-bidu kienu ubbidjenti lejn il-Kelma, u l-ispirtu qaddis tahom il-qawwa biex iwettqu x-xogħol tremend tal-ippritkar mad-dinja kollha qabel tmiem is-sistema Lhudija fis-sena 70 WK. Kemm kien inkuraġġanti għal dawk il-Kristjani leali li jisimgħu rapporti dwar dak li kien qed jitwettaq!
Int interessat personalment li tara li l-ministeru jitwettaq qabel ma jiġi t-tmiem?
22 Bl-istess mod, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fi żmienna tagħmel ħilitha biex iżżomm rekords tax-xogħol li qed isir bi twettiq taʼ Mattew 24:14, li jgħid: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” Bħala qaddejja dedikati t’Alla, għandna xogħol urġenti x’nagħmlu. Għandna nieħdu interess persunali biex naraw li l-ministeru qed jitwettaq bir-reqqa qabel ma jiġi t-tmiem. Ġeħova se jagħmel ċert li dan ix-xogħol jitlesta, u jekk ikollna sehem fih, se nirċievu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Eżek. 3:18-21.
IR-RAPPORT PERSUNALI TIEGĦEK TAS-SERVIZZ TAL-GĦALQA
23 X’għandna nirrapportaw eżattament? Il-karta tal-Field Service Report li tiġi provduta mill-organizzazzjoni tindika x’informazzjoni trid titniżżel. Imma l-kummenti ġenerali li ġejjin jistgħu jkunu t’għajnuna.
24 Fil-kolonna intitolata “Placements (Printed and Electronic),” niżżel in-numru totali taʼ pubblikazzjonijiet, stampati jew elettroniċi, li ħallejt jew qsamt maʼ wħud li mhumiex Xhieda mgħammdin. Taħt “Video Showings,” niżżel kemm-il darba wrejt wieħed mill-vidjows tagħna lil xi ħadd.
25 Meta tirrapporta “Return Visits” (Żjajjar lura), għodd in-numru taʼ żjajjar li għamilt bl-iskop li tkompli tqajjem l-interess li ntwera qabel minn xi ħadd li mhux Xhud dedikat u mgħammed. Tistaʼ wkoll tagħmel żjara lura billi tmur inti personalment, tikteb ittra, tagħmel telefonata, tibgħat messaġġ bil-mowbajl jew e-mail, jew meta twassal xi letteratura. Kull darba li jsir studju tal-Bibbja, tistaʼ tingħadd bħala żjara lura. Ġenitur jistaʼ jgħodd sa żjara lura waħda fil-ġimgħa meta jikkonduċi l-qima bħala familja u jkun hemm tifel jew tifla mhix mgħammda.
26 Għalkemm studju tal-Bibbja normalment isir kull ġimgħa, dan jiġi rapportat bħala studju wieħed biss fix-xahar. Il-pubblikaturi għandhom iniżżlu t-total taʼ studji tal-Bibbja differenti li saru matul ix-xahar. Studji tal-Bibbja li jingħaddu huma dawk li saru maʼ nies u li mhumiex Xhieda dedikati u mgħammdin. Tistaʼ wkoll tgħodd studju tal-Bibbja taʼ ħu jew oħt inattiva bid-direzzjoni taʼ membru mill-kumitat tas-servizz jew maʼ persuna li għadha kemm tgħammdet u li għadha ma spiċċatx il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!
27 Hu importanti li tagħmel rapport eżatt fil-kolonna “Hours of Field Service” (Sigħat tas-servizz tal-għalqa). Bażikament, dan huwa l-ħin li tqattaʼ tipparteċipa fil-ministeru minn dar għal dar, tagħmel żjajjar lura, tikkonduċi studji tal-Bibbja, jew inkella tagħti xhieda formali jew informali lil nies li mhumiex Xhieda dedikati u mgħammdin. Jekk żewġ pubblikaturi qed jaħdmu flimkien, it-tnejn li huma jistgħu jgħoddu l-ħin, imma wieħed minnhom biss jistaʼ jgħodd kwalunkwe żjajjar lura jew studji tal-Bibbja li jsiru. Żewġ ġenituri li jaqsmu fit-taħriġ taʼ wliedhom matul il-lejla tal-Qima Bħala Familja jistgħu jgħoddu sa siegħa fil-ġimgħa. L-aħwa rġiel jistgħu jgħoddu l-ħin li jqattgħu jagħtu taħdita pubblika. Interpretu taʼ taħdita pubblika jistaʼ jgħodd il-ħin ukoll. Hemm attivitajiet essenzjali li ma jingħaddx il-ħin tagħhom, bħal li tlesti għas-servizz tal-għalqa, tattendi l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, tagħmel il-qadi, u affarijiet oħra.
28 Kull pubblikatur għandu jsegwi l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja meta bit-talb jiddetermina x’inhu perijodu taʼ għoti taʼ xhieda. Xi pubblikaturi jippritkaw fi nħawi ffollati bin-nies, filwaqt li oħrajn jaħdmu f’territorji fejn jgħixu ftit nies u jkollhom jivvjaġġaw ftit mhux ħażin. It-territorji jvarjaw; il-pubblikaturi jvarjaw f’kif iqisu l-ministeru tagħhom. Il-Ġemgħa li Tiggverna ma timponix il-kuxjenza tagħha fuq il-kongregazzjoni madwar id-dinja f’kif għandu jingħadd il-ħin imqatta’ fis-servizz tal-għalqa, lanqas ma ġie maħtur xi ħadd ieħor biex jiġġudika f’din il-ħaġa.—Mt. 6:1; 7:1; 1 Tim. 1:5.
29 Il-ħin li jitqattaʼ fis-servizz tal-għalqa għandu jiġi rapportat f’sigħat sħaħ. Eċċezzjoni għal dan issir meta pubblikatur ikun limitat ħafna minħabba età avanzata, ma jkunx jistaʼ joħroġ, ikun jgħix f’dar tax-xjuħ bla ma jistaʼ joħroġ, jew ikun limitat b’mod ieħor. Pubblikatur bħal dan jistaʼ jirrapporta s-servizz tal-għalqa billi jgħodd kull 15-il minuta. Anki jekk jagħti xhieda għal 15-il minuta biss matul ix-xahar, għandu jirrapporta dan il-ħin. Hu jkompli jingħadd bħala pubblikatur regulari tas-Saltna. Dan l-arranġament japplika wkoll għal pubblikatur li jkun limitat temporanjament, forsi ma jkunx jistaʼ joħroġ mid-dar għal xahar jew xahrejn minħabba marda serja jew korriment. Dan il-provvediment isir biss għal dawk li huma limitati ħafna fl-attività tagħhom. Il-kumitat tas-servizz se jiddetermina jekk pubblikatur jikkwalifikax għal dan l-arranġament.
CONGREGATION’S PUBLISHER RECORD
30 Ir-rapport tas-servizz tal-għalqa individwali tiegħek għal kull xahar jitniżżel fil-Congregation’s Publisher Record (ir-rekord tal-kongregazzjoni taʼ pubblikatur). Dawn ir-rekords huma tal-kongregazzjoni lokali. Jekk bi ħsiebek tbiddel il-kongregazzjoni, kun ċert li tavża lill-anzjani tiegħek. Is-segretarju se jagħmel ċert li r-rekords tiegħek jintbagħtu lill-kongregazzjoni ġdida tiegħek. B’hekk, l-anzjani se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jilqgħuk u jipprovdu sapport spiritwali. Jekk mhux se tkun fil-kongregazzjoni tiegħek għal perijodu taʼ inqas minn tliet xhur, jekk jogħġbok kompli ibgħat ir-rapporti tas-servizz tal-għalqa tiegħek lill-kongregazzjoni tiegħek.
GĦALA NIRRAPPORTAW IS-SERVIZZ TAL-GĦALQA TAGĦNA
31 Ġieli tinsa titfaʼ r-rapport tas-servizz tal-għalqa tiegħek? Bla dubju lkoll kemm aħna għandna bżonn tfakkiriet minn żmien għal żmien. Imma jekk nikkultivaw attitudni xierqa dwar li nirrapportaw u nifhmu għala huwa importanti li nagħmlu dan, jistaʼ jkun iktar faċli għalina li niftakru nirrapportaw is-servizz tal-għalqa tagħna.
32 Xi wħud staqsew: “Ladarba Ġeħova jaf x’qed nagħmel fis-servizz tiegħu, għala hemm għalfejn nagħti rapport lill-kongregazzjoni?” Veru, Ġeħova jaf x’qed nagħmlu, u jaf jekk is-servizz tagħna hux b’ruħna kollha jew jekk hux ftit minn dak li aħna verament kapaċi nagħmlu. Madankollu, ftakar li Ġeħova niżżel fil-Bibbja l-għadd taʼ ġranet li Noè qattaʼ fl-arka u l-għadd taʼ snin li l-Iżraelin ivvjaġġaw fix-xagħri. Alla żamm kont tal-għadd taʼ dawk li kienu leali kif ukoll taʼ dawk li m’obdewx. Hu niżżel il-progress li bih kienet qed tintrebaħ l-art taʼ Kangħan u dak li rnexxielhom iwettqu l-imħallfin leali tal-Iżrael. Iva, hu niżżel ħafna dettalji dwar l-attivitajiet tal-qaddejja tiegħu. Hu ispira dan ir-rekord bil-miktub dwar x’ġara, u b’hekk għamel ċar għalina l-ħarsa tiegħu dwar li nżommu rekords eżatti.
33 Il-ġrajjiet storiċi mniżżlin fil-Bibbja juru l-eżattezza tar-rapporti u r-rekords li żammew in-nies taʼ Ġeħova. F’ħafna każi, ma kienx ikollna l-impatt sħiħ tar-rakkont Bibliku li kieku ma sarx rapport taʼ numri speċifiċi. Ikkunsidra l-eżempji li ġejjin: Ġenesi 46:27; Eżodu 12:37; Imħallfin 7:7; 2 Slaten 19:35; 2 Kronaki 14:9-13; Ġwanni 6:10; 21:11; Atti 2:41; 19:19.
34 Għalkemm ir-rapporti tagħna ovvjament ma jinkludux kulma nagħmlu fil-qima taʼ Ġeħova, iservu skop prattiku fl-organizzazzjoni tiegħu. Fl-ewwel seklu, meta l-appostli rritornaw minn kampanja taʼ pritkar, huma rrakkontaw lil Ġesù “kulma kienu għamlu u għallmu.” (Mk. 6:30) Kultant, ir-rapporti jistgħu jindikaw li ċerti aspetti tal-ministeru tagħna jkollhom bżonn attenzjoni partikulari. Il-figuri jistgħu juru li filwaqt li jkun sar progress f’ċerti attivitajiet, aspetti oħrajn—bħal żieda fil-pubblikaturi u tkabbir—ikunu majnaw. Forsi hemm bżonn l-inkuraġġiment jew hemm problemi li jridu jiġu solvuti. Indokraturi responsabbli se jieħdu nota tar-rapporti u jagħmlu ħilithom biex jikkoreġu kwalunkwe kundizzjoni li tistaʼ tkun qed iżżomm lura l-progress taʼ xi individwi jew tal-kongregazzjoni inġenerali.
35 Ir-rapporti huma taʼ benefiċċju wkoll għall-organizzazzjoni biex jiġi determinat eżattament fejn hemm iktar bżonn għal ħaddiema fl-għalqa. Liema nħawi huma iktar produttivi? Fejn qed isir ftit progress? Liema pubblikazzjonijiet hemm bżonn biex jgħinu lin-nies jitgħallmu l-verità? Ir-rapporti jgħinu lill-organizzazzjoni biex tippjana bil-quddiem il-bżonnijiet għal-letteratura f’partijiet differenti tad-dinja u mbagħad biex tagħmel ċert li ma jkunx hemm nuqqas taʼ letteratura.
36 Għall-maġġuranza minna, ir-rapporti jfissru inkuraġġiment. Ma niħdux pjaċir meta nisimgħu dwar ix-xogħol li qed jagħmlu ħutna fl-ippritkar tal-aħbar tajba madwar id-dinja? Rapporti dwar iż-żieda jgħinuna jkollna ħarsa ġenerali dwar it-tkabbir tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. L-esperjenzi jmissulna qalbna u jimlewna biż-żelu, u b’hekk iqanqluna jkollna sehem akbar fix-xogħol tal-ippritkar. (Atti 15:3) Il-kooperazzjoni tagħna biex nimlew ir-rapporti tas-servizz tal-għalqa hija importanti u turi li aħna konċernati għal ħutna kullimkien. B’din il-ħaġa żgħira, aħna nuru s-sottomissjoni tagħna lejn l-arranġament organizzazzjonali taʼ Ġeħova.—Lq. 16:10; Ebr. 13:17.
NAGĦMLU MIRI PERSUNALI
37 M’hemmx raġuni għala għandna noqogħdu nqabblu s-servizz tal-għalqa tagħna maʼ dak taʼ ħaddieħor. (Gal. 5:26; 6:4) Ċirkustanzi individwali jvarjaw. Mill-banda l-oħra, nistgħu niksbu ħafna ġid jekk nagħmlu miri persunali realistiċi bħala bażi biex nevalwaw il-progress tagħna fil-ministeru. Li nilħqu dawn il-miri jistaʼ jagħtina s-sodisfazzjon li jiġi meta nwettqu xi ħaġa.
38 Hu ovvju li Ġeħova tabilħaqq qiegħed jgħaġġel il-ġbir taʼ dawk li hu se jipproteġi matul it-“tribulazzjoni l-kbira.” Aħna qed ngħixu fiż-żmien tat-twettiq tal-profezija taʼ Isaija: “Il-wieħed ċkejken isir elf, u ż-żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” (Riv. 7:9, 14; Is. 60:22) Xi privileġġ hu li nkunu predikaturi tal-aħbar tajba matul dawn l-aħħar jiem taʼ importanza kbira!—Mt. 24:14.