LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 1/1 pp. 4-7
  • Faraġ għal Dawk li Jsofru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Faraġ għal Dawk li Jsofru
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Sofferenza Kif Bdiet?
  • Il-​Kwistjoni Tiġi Setiljata
  • Tmiem għas-​Sofferenza
  • Faraġ għal Dawk li Jsofru
  • Għala Jiġru Affarijiet Ħżiena, u n-Nies Għala Jbatu?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-Tbatija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Allat Krudili tal-Bnedmin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 1/1 pp. 4-7

Faraġ għal Dawk li Jsofru

MATUL is-​sekli, il-​mistoqsija dwar għala Alla jippermetti s-​sofferenza ħawdet lil bosta filosfi u teoloġi. Xi wħud insinwaw li ladarba Alla jistaʼ kollox, bilfors li huwa Hu, fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​wieħed responsabbli għas-​sofferenza. Il-​kittieb taʼ The Clementine Homilies, letteratura apokrifa tat-​tieni seklu, sostna li Alla jaħkem id-​dinja b’idejh it-​tnejn. B’idu “x-​xellugija,” ix-​Xitan, jikkaġuna s-​sofferenza u t-​tbatija, u b’idu “l-​leminija,” Ġesù, isalva u jbierek.

Oħrajn, li ma jistgħux jaċċettaw li Alla jistaʼ jippermetti s-​sofferenza avolja ma jkunx hu li jikkaġunaha, jagħżlu li jiċħdu li s-​sofferenza teżisti. “Il-​ħażen huwa biss illużjoni, u m’għandu l-​ebda bażi reali,” kitbet Mary Baker Eddy. “Li kieku d-​dnub, il-​mard, u l-​mewt kellhom jitqiesu bħala li m’huma xejn, dawn kienu jisparixxu.”​—Science and Health With Key to the Scriptures.

B’riżultat tal-​ġrajjiet traġiċi taʼ l-​istorja, speċjalment mill-​ewwel gwerra dinjija ’l hawn, ħafna waslu għall-​konklużjoni li Alla sempliċement m’huwiex kapaċi jwaqqaf is-​sofferenza. ‘Jien naħseb li minħabba l-​Olokawst m’għadux iktar faċli li l-​omnipotenza titqies bħala attribut li jixraq lil Alla,’ kiteb l-​istudjuż Lhudi David Wolf Silverman. ‘Jekk Alla jistaʼ b’xi mod jiġi mifhum,’ żied hu, ‘allura t-​tjubija Tiegħu trid tkun kompatibbli maʼ l-​eżistenza tal-​ħażen, u dan hu veru biss jekk Hu m’huwiex omnipotenti.’

Madankollu, allegazzjonijiet bħal li Alla b’xi mod jikkontribwixxi għas-​sofferenza, li hu ma jistax iwaqqafha, jew li s-​sofferenza hi sempliċi fantasija taʼ l-​immaġinazzjoni tagħna ma tantx joffru faraġ lil dawk li jsofru. U iktar importanti, twemmin bħal dan m’għandu x’jaqsam xejn assolutament maʼ dak Alla ġust, dinamiku, u taʼ mħabba li hu rivelat lilna fil-​Bibbja. (Ġob 34:​10, 12; Ġeremija 32:17; 1 Ġwann 4:8) Allura, il-​Bibbja x’tgħid dwar ir-​raġuni għala Alla ppermetta s-​sofferenza?

Is-​Sofferenza Kif Bdiet?

Alla ma ħalaqx lill-​bnedmin biex isofru. Għal kuntrarju, hu żejjen lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, b’moħħ u ġisem perfett. Barra minn hekk, hu pprepara ġnien mill-​isbaħ biex iservi bħala d-​dar tagħhom, u tahom xogħol importanti u sodisfaċenti x’jagħmlu. (Ġenesi 1:​27, 28, 31; 2:8) Madankollu, biex ikomplu jkollhom l-​hena, huma riedu jirrikonoxxu l-​ħakma t’Alla u d-​dritt tiegħu li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Dan il-​kmand divin kien rappreżentat mis-​siġra msejħa s-​“siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:17) Adam u Eva kienu se juru s-​sottomissjoni tagħhom lejn Alla jekk jobdu l-​kmand biex ma jiklux minn dik is-​siġra.a

B’sogħba, Adam u Eva m’obdewx lil Alla. Spirtu ribelluż, li iktar tard ġie identifikat bħala Satana x-​Xitan, ikkonvinċa lil Eva li ma kienx jaqblilha tobdi lil Alla. Fil-​fatt, skond Satana, Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa li tassew kienet taʼ min jixtieqha: l-​indipendenza, id-​dritt li tagħżel hi stess x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Satana sostna li jekk tiekol mis-​siġra ‘jinfetħu għajnejha u ssir bħal alla, li taf it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (Ġenesi 3:​1-6; Apokalissi 12:9) Imħajra mill-​prospett taʼ l-​indipendenza, Eva ħadet mill-​frotta projbita, u Adam ma damx ma għamel bħalha.

F’dak l-​istess jum, Adam u Eva bdew iġarrbu r-​riżultati tar-​ribelljoni tagħhom. Minħabba li ċaħdu l-​ħakma divina, huma tilfu l-​protezzjoni u l-​barkiet li kienet iġġib magħha s-​sottomissjoni lejn Alla. Alla keċċiehom mill-​Ġenna taʼ l-​art u qal lil Adam: “Misħuta l-​art minħabba fik; bit-​taħbit tiekol minnha, il-​jiem kollha taʼ ħajtek. Bl-​għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-​art.” (Ġenesi 3:​17, 19) Adam u Eva saru suġġetti għall-​mard, l-​uġigħ, ix-​xjuħija, u l-​mewt. Is-​sofferenza saret parti mill-​ħajja taʼ kuljum tal-​bniedem.—Ġenesi 5:29.

Il-​Kwistjoni Tiġi Setiljata

Xi ħadd forsi jistaqsi, ‘Ma setax Alla sempliċement jagħlaq għajnejh għad-​dnub taʼ Adam u Eva?’ Le, għax dan kieku kien inaqqas iktar ir-​rispett lejn l-​awtorità t’Alla, u forsi jinkuraġġixxi iktar ribelljonijiet fil-​futur u jwassal għal sofferenza akbar. (Koħèlet 8:11) Iktar minn hekk, kieku ħalla din id-​diżubbidjenza għaddejja, Alla kien ikun kompliċi tal-​ħażen. Mosè, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja jfakkarna: “[Alla] perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Biex jaġixxi fi qbil mal-​prinċipji tiegħu, Alla kellu jippermetti li Adam u Eva jbatu l-​konsegwenzi tad-​diżubbidjenza tagħhom.

Alla għala ma qeridhomx immedjatament lill-​ewwel koppja umana flimkien maʼ Satana, ix-​xewwiexi inviżibbli li ħajjarhom jirribellaw? Hu kellu l-​qawwa li jagħmel dan. Adam u Eva kieku ma kinux jipproduċu nisel li jkun suġġett għal wirt taʼ sofferenza u mewt. Madankollu, turija bħal din tal-​qawwa divina ma kinitx se tagħti prova taʼ kemm hi ġusta l-​awtorità li Alla għandu fuq il-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu. Barra minn hekk, li kieku Adam u Eva mietu mingħajr ma kellhom tfal, dan kien jindika li l-​iskop t’Alla biex jimla l-​art b’dixxendenti perfetti falla. (Ġenesi 1:28) U skond kif tpoġġiha traduzzjoni waħda tal-​Bibbja: “Alla m’huwiex bħall-​bnedmin. . . . Dak kollu li jwiegħed, jagħmlu; hu jitkellem, u jseħħ.”—Numri 23:19.

Fl-għerf perfett tiegħu, Alla Jehovah iddeċieda li jippermetti li r-​ribelljoni tkompli għal żmien limitat. Ir-​ribelli kien se jkollhom opportunità biżżejjed biex iġarrbu l-​effetti taʼ l-​indipendenza minn Alla. L-​istorja kienet se turi ċar kemm l-​umanità għandha bżonn il-​gwida divina u se turi kemm il-​ħakma t’Alla hija superjuri għal dik tal-​bniedem jew taʼ Satana. Fl-​istess ħin, Alla ħa passi biex jiżgura li l-​iskop oriġinali għall-​art kien se jitwettaq. Hu wiegħed li kellu jiġi “nisel,” u dan kien se ‘jisħaq ras’ Satana, billi jeliminah darba għal dejjem għar-​ribelljoni li qajjem u l-​effetti taʼ ħsara tagħha.—Ġenesi 3:15.

Ġesù Kristu kien dak in-​Nisel imwiegħed. Fl-​1 Ġwann 3:8 naqraw li ‘l-​Iben taʼ Alla deher biex iħott kull ma għamel ix-​Xitan.’ Dan għamlu billi offra l-​ħajja umana perfetta tiegħu u ħallas il-​prezz tal-​fidwa biex jifdi lil ulied Adam mid-​dnub u l-​mewt li wirtu. (Ġwann 1:29; 1 Timotju 2:​5, 6) Dawk li verament jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù huma mwegħdin serħan permanenti mis-​sofferenza. (Ġwann 3:16; Apokalissi 7:17) Dan meta se jiġri?

Tmiem għas-​Sofferenza

Il-​fatt li l-​awtorità t’Alla ġiet rifjutata kkaġuna sofferenza li ma bħalha. Huwa xieraq, mela, li Alla jeżerċita l-​awtorità tiegħu b’mod speċjali biex itemm is-​sofferenza umana u jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu għall-​art. Ġesù semma dan il-​provvediment divin meta għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, . . . tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:​9, 10.

Iż-żmien li Alla ħalla lill-​bnedmin jiggvernaw lilhom infushom wasal fit-​tmiem. Bi twettiq tal-​profezija Biblika, is-​Saltna tiegħu ġiet stabbilita fis-​sema fl-​1914 b’Ġesù Kristu bħala s-​Sultan tagħha.b Dalwaqt, din se tisħaq u ttemm il-​gvernijiet umani kollha.—Danjel 2:44.

Matul il-​ministeru qasir tiegħu, Ġesù pprovda dehra bil-​quddiem tal-​barkiet li r-​restawr tal-​ħakma divina se jġib fuq l-​umanità. L-​Evanġelji jipprovdu evidenza li Ġesù wera mogħdrija lejn membri tas-​soċjetà umana li kienu fqar u li tkun saret diskriminazzjoni magħhom. Hu fejjaq lill-​morda, temaʼ lil dawk bil-​ġuħ, u rxoxta lill-​mejtin. Saħansitra l-​forzi tan-​natura semgħu minnu. (Mattew 11:5; Mark 4:​37-39; Luqa 9:​11-16) Immaġina dak li se jwettaq Ġesù meta juża l-​effett li jnaddaf tas-​sagrifiċċju li hu ħallas bħala fidwa biex ikun taʼ benefiċċju għall-​umanità ubbidjenti! Il-​Bibbja twiegħed li permezz tal-​ħakma taʼ Kristu, Alla se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.

Faraġ għal Dawk li Jsofru

Kemm iqawwilna qalbna li nkunu nafu li Alla tagħna Jehovah, li hu kollu mħabba u li jistaʼ kollox, jimpurtah minna u dalwaqt se jġib serħan lill-​umanità! Ġeneralment, pazjent li jkun marid serjament jaċċetta kura li tkun se tfejqu anki jekk din tikkaġunalu wġigħ kbir. Bl-​istess mod, jekk inkunu nafu li l-​mod kif Alla jimmaniġġa l-​affarijiet se jġib barkiet eterni, dak l-​għarfien jistaʼ jsostnina jkunu xi jkunu d-​diffikultajiet temporanji li nistgħu niffaċċjaw.

Ricardo, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, huwa wieħed li tgħallem jikseb faraġ mill-​wegħdi tal-​Bibbja. “Wara l-​mewt taʼ marti, ħassejt xewqa kbira li ninqataʼ għalija waħdi,” hu jiftakar, “imma malajr irrealizzajt li dan ma kienx se jġib lura lil marti imma kien se jiswieli agħar emozzjonalment.” Minflok, Ricardo kompla bir-​rutina tiegħu li jattendi għal-​laqgħat Kristjani u jaqsam il-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn. “Hekk kif bdejt inħoss l-​appoġġ li Jehovah bi mħabba beda jagħtini u nnotajt kif wieġeb it-​talb tiegħi anki f’affarijiet żgħar, jien bdejt nersaq qrib tiegħu,” jgħid Ricardo. “Kien il-​fatt li kont konxju taʼ l-​imħabba t’Alla li għenni nissaporti l-​agħar prova li qatt iffaċċjajt.” Hu jammetti, “Xorta għadni nimmissjaha ħafna lil marti, imma issa nemmen b’qalbi kollha li xejn minn dak li Jehovah jippermetti li jiġrilna ma jistaʼ jikkaġunalna ħsara dejjiema.”

Tixxennaq int, bħal Ricardo u miljuni oħrajn, għaż-​żmien meta s-​sofferenzi preżenti tal-​bniedem ‘ma jitfakkrux iżjed’ u ma jiġu “f’moħħ ħadd iktar”? (Isaija 65:17) Ibqaʼ ċert li l-​barkiet tas-​Saltna t’Alla tistaʼ tiksibhom jekk issegwi l-​parir tal-​Bibbja: “Fittxu l-​Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-​qrib!”—Isaija 55:6.

Biex jgħinek tagħmel dan, agħmel il-​qari u l-​istudju bir-​reqqa tal-​Kelma t’Alla prijorità f’ħajtek. Sir af lil Alla u lil Ġesù Kristu, il-​wieħed li Hu bagħat. Stinka biex tgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla, u b’hekk tkun qed turi li int lest li tissottometti ruħek lejn is-​sovranità tiegħu. Jekk tagħmel hekk se jkollok ferħ akbar issa minkejja l-​provi li forsi għad trid tħabbat wiċċek magħhom. U fil-​futur, dan se jwassal biex tgawdi ħajja f’dinja ħielsa mis-​sofferenzi.—Ġwann 17:3.

[Noti taʼ taħt]

a Fin-​nota taʼ taħt taʼ Ġenesi 2:​17, The Jerusalem Bible tispjega “l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin” bħala “s-​setgħa li tiddeċiedi . . . x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u taġixxi fi qbil maʼ dan, jedd għal indipendenza morali totali li permezz tagħha l-​bniedem jirrifjuta li jirrikonoxxi l-​pożizzjoni tiegħu bħala esseri maħluq.” Din iżżid: “L-​ewwel dnub kien attakk fuq is-​sovranità t’Alla.”

b Għal diskussjoni dettaljata dwar profezija Biblika rigward l-​1914, ara kapitli 10 u 11 tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 6]

KIF NISTGĦU NKAMPAW MAS-​SOFFERENZA?

“Ixħtu fuqu [Alla] l-​ħsibijiet kollha tagħkom.” (1 Pietru 5:7) Huwa naturali li nħossuna konfużi, irrabjati, u abbandunati meta nkunu għaddejjin minn xi sofferenza jew meta naraw lil xi ħadd mill-​maħbubin tagħna jsofri. Biss, ibqaʼ ċert li Jehovah jifhem dak li nkunu qed inħossu. (Eżodu 3:7; Isaija 63:9) Bħal uħud leali tal-​qedem, nistgħu niftħu qalbna miegħu u nuruh id-​dubji u l-​ansjetajiet tagħna. (Eżodu 5:22; Ġob 10:​1-3; Ġeremija 14:19; Ħabakkuk 1:13) Hu forsi ma jneħħilniex il-​provi tagħna b’xi miraklu, imma bi tweġiba għat-​talb tagħna mill-​qalb, hu jistaʼ jagħtina l-​għerf u s-​saħħa biex niffaċċjawhom.—Ġakbu 1:​5, 6.

“Tistagħġbux bil-​provi taʼ wġigħ li qed issofru, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-​soltu.” (1 Pietru 4:​12, New International Version) Hawnhekk Pietru qed jitkellem dwar il-​persekuzzjoni, imma kliemu japplika tajjeb ukoll għal kwalunkwe sofferenza li jistaʼ jgħaddi minnha xi ħadd li jemmen. Il-​bnedmin isofru minħabba li ma jkollhomx in-​neċessitajiet tal-​ħajja, minħabba l-​mard, u minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd għażiż. Il-​Bibbja tgħid li “f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Dawn l-​affarijiet huma parti mill-​kundizzjoni preżenti tal-​bniedem. Il-​fatt li nirrealizzaw dan jgħinna biex niffaċċjaw is-​sofferenza u t-​tbatijiet li jinqalgħu. (1 Pietru 5:9) Fuq kollox, kemm se jkun taʼ faraġ għalina li niftakru fl-​assiguranza li “għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom”!—Salm 34:16 (34:​15, NW); Proverbji 15:3; 1 Pietru 3:12.

“Ifirħu bit-​tama.” (Rumani 12:12) Minflok ma nibqgħu naħsbu fuq il-​ferħ li tlifna, aħna nistgħu nimmeditaw fuq il-​wegħda t’Alla li se jtemm is-​sofferenzi kollha. (Koħèlet 7:10) Din it-​tama msejsa fuq is-​sod se tipproteġina bħalma elmu jipproteġi r-​ras. It-​tama ttaffi t-​tbatijiet tal-​ħajja u tgħinna biex dawn ma jagħmlux ħsara permanenti lis-​saħħa mentali, emozzjonali, jew spiritwali tagħna.—1 Tessalonikin 5:8.

[Stampa f’paġna 5]

Adam u Eva ċaħdu l-​ħakma divina

[Stampa f’paġna 7]

Alla jwiegħed dinja mingħajr sofferenzi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja