LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 5/8 pp. 17-19
  • Għala Kelli Niġi Adottat

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Kelli Niġi Adottat
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tqanqal ir-​Rabja
  • Ħsibijiet Żbaljati Kkoreġuti
  • Il-​Valur taʼ li Tkun Maħbub
  • Int Tistaʼ Tirnexxi
  • Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Isfidi taʼ li Nkun Adottat?
    Stenbaħ!—2003
  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—L-Ewwel Parti
    Stenbaħ!—2010
  • Xi Ħaġa Akbar mit-Teżori taʼ l-Eġittu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • X’Hemm Ħażin f’li Tivvindika Ruħek?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 5/8 pp. 17-19

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għala Kelli Niġi Adottat

“Huwa daqslikieku tgħix b’xi diżabilità permanenti. Huwa uġigħ taʼ qalb li ma jistax jitfejjaq.”​—Robert.

DAN huwa l-​mod kif wieħed raġel, li ngħata għall-​adozzjoni mit-​twelid, jiddeskrivi l-​ħajja tiegħu. Hu jkompli jgħid: “Ma tgħaddix ġurnata f’ħajtek li qalbek ma tixxennaqx biex ikollok it-​tweġibiet għal mistoqsijiet bħal, Min hi l-​familja vera tiegħi? Min jaf fejn jgħixu? Għala abbandunawni?”

Chantial, li missierha kien ġie adottat, tilmenta li hi ma tafx min huma n-​nanniet naturali tagħha. Hi tgħid: “Inħossni traduta għall-​fatt li ma nistax nissieħeb maz-​zijiet u l-​kuġini tiegħi.” Mhux kulmin ġie adottat iħossu hekk. Imma xi wħud fil-​fatt hekk iħossuhom. Għala?

Tqanqal ir-​Rabja

Meta persuna ssir taf li ġiet separata mill-​familja naturali tagħha tistaʼ tesperjenza taqlib emozzjonali kbir. Catrina, li ġiet adottata t’età żgħira, tgħid: “Kelli problema bir-​rabja għax ma stajtx nifhem għala ommi naturali tatni għall-​adozzjoni. Ħassejt li ommi kienet se tabbandunani għax jien kerha u ma nistax inkun maħbuba. Li kieku biss tatni ċ-​ċans, kont naf li setgħet tkun kburija bija. Kull ħsieb li kien jgħaddili fuq ommi naturali kien ikabbar ir-​rabja tiegħi.”

Bl-istess mod, ir-​relazzjoni taʼ Catrina mal-​ġenituri adottivi tagħha kienet taħt pressjoni kbira. “Ħassejt li l-​ġenituri adottivi tiegħi ħaduni minn ommi propja,” hi tgħid. “Għalhekk sfogajt ir-​rabja kollha tiegħi fuqhom.” Iva, kultant ir-​rabja hija r-​reazzjoni li tirriżulta mill-​fatt li tkun ngħatajt għall-​adozzjoni.

Rabja bħal din tistaʼ tkun perikoluża. Kultant, bħalma juri l-​każ taʼ Catrina, int għandek mnejn li tisfoga r-​rabja tiegħek b’mod ħażin jew tisfogaha maʼ min m’għandux tort. Il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir: “Ħallik mill-​korla u la tirrabjax.” (Salm 37:8) Dan kif inhu possibbli? Il-​Kelma t’Alla tgħid ukoll: “Bniedem bil-​għaqal idum ma jagħdab.” (Proverbji 19:11) Jekk tqis is-​sitwazzjoni tiegħek b’mod għaqli, se ttaffi r-​rabja tiegħek. Dan kif?

Ħsibijiet Żbaljati Kkoreġuti

L-​għaqal jistaʼ jgħinek teżamina l-​ħsibijiet li jkomplu jqanqlu r-​rabja tiegħek. Per eżempju, jekk int ġejt adottat, taħseb int li l-​ġenituri naturali tiegħek tawk għall-​adozzjoni għax kellek xi ħaġa ħażina? Hekk ħassitha Catrina. Imma huwa dan dejjem minnu? Għandu mnejn ikun impossibbli li tgħid x’ġiegħel lill-​ġenituri tiegħek jagħtuk għall-​adozzjoni, imma hemm raġunijiet tajbin għala għandek tevita ħsieb negattiv bħal dan. Wara kollox, il-​ġenituri ġeneralment għala jagħtu t-​tfal għall-​adozzjoni? Ħafna drabi għax iħossu li ma jkollhomx triq oħra x’jagħżlu.

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Mosè. Ir-​rakkont Bibliku f’Eżodu kapitlu 2 jgħidilna li meta l-​Fargħun Eġizzjan ordna l-​ġenoċidju tat-​trabi subien Iżraelin, Ġokebed ħbiet liċ-​ċkejken binha, Mosè, għal tliet xhur. Biss fl-​aħħar ma setgħetx tibqaʼ taħbih, imma fl-​istess ħin ma felħitx tara lil binha jiġi maqtul. Għalhekk, “meta ma setgħetx taħbih aktar, ħadet qoffa tal-​papiru, dilkitha bil-​qatran u ż-​żift, qiegħdet lit-​tifel fiha, u qegħditha qalb is-​simar f’xatt ix-​xmara Nil.”—Eżodu 2:3.

Bla ebda dubju, ma kienx faċli għaliha li tabbanduna lil binha b’dan il-​mod. Imma kellha xi għażla oħra? L-​imħabba għal binha qanqlitha biex tagħmel dak li ħasset li kien l-​aħjar għalih. Taʼ interess hu l-​fatt li t-​tifla tagħha qagħdet għassa fil-​viċin u baqgħet hemm sakemm rat li ħuha ż-​żgħir kien inġabar minn xi ħadd u kien qawwi u sħiħ. Probabbli kienet ommha stess li qabbditha tagħmel dan.

M’għandniex xi ngħidu, mhux il-​każi t’adozzjoni kollha jseħħu minħabba xi emerġenza ovvja bħala din. Biss ħafna drabi l-​motivi huma simili għal dan il-​każ. Robert jgħid: “Ommi nqabdet tqila barra ż-​żwieġ. Minħabba li kien hemm iktar tfal fil-​familja, kont inkun taʼ piż kbir għall-​familja tagħha li kieku kellha trabbini. Ommi x’aktarx li rraġunat li kien se jkun aħjar għalija jekk tagħtini għall-​adozzjoni.”

Bla dubju taʼ xejn, hemm ħafna raġunijiet għala xi tfal jingħataw biex jitrabbew minn familji oħra. Imma kif juru dawn l-​eżempji, l-​omm tagħmel dan mhux neċessarjament għax tobgħod lit-​tarbija tagħha jew għax rat xi difett fiha. Ħafna drabi, l-​omm sinċerament temmen li se jkun aħjar għat-​tifel tagħha jekk jitrabba minn familja oħra.

Il-​Valur taʼ li Tkun Maħbub

L-​għaqal se jgħinek b’mod ieħor meta jiġuk ħsibijiet dwar għala ġejt adottat. Erġaʼ aħseb dwar l-​eżempju taʼ Mosè. Maż-​żmien, “ħaditu bint il-​Fargħun u rabbietu bħal binha.” (Atti 7:21) X’kien li qanqal lil bint Fargħun biex tipproteġi tifel li hi kienet taf li kien wieħed mil-​Lhud kundannati? “It-​tifel kien qiegħed jibki,” tgħid il-​Bibbja, u hi “tħassritu.” (Eżodu 2:6) Iva, ir-​raġuni għall-​adozzjoni taʼ Mosè ma kinitx minħabba li hu kien mibgħud jew għax ma riduhx, imma għax kien maħbub.

Ħafna tfal li ġew adottati rrealizzaw li l-​ġenituri naturali tagħhom mhux sempliċement abbandunawhom—għalkemm dan jiġri ħafna drabi llum —imma tawhom lil xi aġenzija taʼ l-​adozzjoni li tiżgura li t-​tfal ikollhom min jieħu ħsiebhom kif suppost. U huma ġew adottati għax xi ħadd tant ħabbhom li kien lest li jieħu ħsiebhom. Jistaʼ jingħad l-​istess fil-​każ tiegħek? Jekk tiffoka fuq l-​imħabba li rċivejt u tgħożżha se jgħinek ittaffi l-​uġigħ li forsi tħoss.

Barra minn hekk, għandek mnejn tirċievi mħabba mhux biss mill-​familja adottiva tiegħek imma anki minn oħrajn. Jekk int parti mill-​kongregazzjoni Kristjana, int tistaʼ tgawdi l-​benefiċċji taʼ li jkollok ħafna ommijiet, missirijiet, u aħwa bniet u subien spiritwali li jħobbuk. (Mark 10:​29-30) L-​anzjani Kristjani jistgħu jkunu “bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:2) Iżżommx lura milli tfittex lil xi wħud minn sħabek Kristjani li huma maturi biex tiftaħ qalbek magħhom. Urihom xi jkun għaddej minn moħħok u xi tħoss f’qalbek.

Robert iħoss li hu importanti li tiżviluppa relazzjonijiet b’saħħithom ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. Hu jammetti: “Il-​vojt li nħoss, hemm jibqaʼ. Biss, l-​imħabba tal-​familja spiritwali tiegħi tgħin biex jonqos.”

Int Tistaʼ Tirnexxi

Għalhekk, taqax għal konklużjonijiet ħżiena u toqgħodx taħseb b’mod negattiv. Dan jinkludi l-​ħsieb li għax int ġejt adottat b’xi mod m’intix se tirnexxi fil-​ħajja. Ħsibijiet negattivi bħal dawn jistgħu jkunu skuraġġanti ferm! (Proverbji 24:​10, Karm Żammit) Fuq kollox, dan ir-​raġunament fil-​fatt m’għandu l-​ebda bażi.

Ftakar, Mosè ħa vantaġġ mill-​opportunitajiet li ġew offruti lilu. Il-​Bibbja tgħid: “U Mosè trawwem fl-​għerf kollu taʼ l-​Eġizzjani u sar qawwi fi kliemu u għemilu.” (Atti 7:22) Iktar importanti minn hekk, Mosè ħa l-​istruzzjonijiet spiritwali—tant hu hekk li Missieru tas-​sema, Jehovah, kien tant reali għalih. (Lhud 11:27) Irnexxa hu f’ħajtu?

Sewwa, Mosè iktar tard sar mexxej taʼ ġens qawwi taʼ madwar tliet miljun ruħ jew iktar. Hu sar profeta, imħallef, kmandant, storjografu, medjatur tal-​patt tal-​Liġi, u kittieb taʼ l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. Iktar minn hekk, ġeneralment il-​kotba taʼ Ġob u Salm 90 huma attribwiti lilu. Iva, Mosè verament irnexxa f’ħajtu. Ħafna wħud li ġew adottati wkoll irnexxew, u anki int tistaʼ tagħmel dan.

Robert irnexxielu jrabbi żewġt itfal tajjeb u bħalissa jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni Kristjana. Meta jħares lura lejn is-​snin li qattaʼ bħala tifel adottat, hu jgħid: “Tgħallimt li m’għandix noqgħod naħseb dwar xi ħaġa li ma nistax nirranġa imma li għandi nkun grat għall-​barkiet li għandi.”

Jekk int qed tiġi mrobbi minn xi ħadd jew ġejt adottat minn xi familja, ħsibijiet negattivi forsi jnikktuk minn żmien għal żmien. Imma ipprova biddilhom maʼ ħsibijiet pożittivi. Filippin 4:​8, 9 jwiegħed li ‘Alla tas-​sliem ikun miegħek’ jekk tkompli ‘taħseb’ fl-​affarijiet li jogħġbuh. X’inhuma, però, xi passi prattiċi oħra li tistaʼ tieħu biex tirnexxi sakemm qed tgħix mal-​familja adottiva tiegħek? Artiklu li se joħroġ ’il quddiem f’din is-​serje se jittratta din il-​mistoqsija.

[Stampi f’paġna 18]

Il-​fatt li ġejt adottat huwa evidenza li xi ħadd tant ħabbek li kien lest li jieħdok u jieħu ħsiebek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja