Hemm X’Nitgħallmu mill-Ewwel Koppja Umana
ALLA ħares lejn il-pjaneta Art. Kien qed iħejjiha biex tiġi abitata mill-bniedem. Hu ra li kulma kien qed jagħmel kien tajjeb. Fil-fatt, meta għamel dan ix-xogħol, hu ddikjara li kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:12, 18, 21, 25, 31) Madankollu, qabel wasal għal din il-konklużjoni perfetta, Alla tkellem dwar xi ħaġa li ma ‘kinitx sewwa.’ M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li Alla għamel xi ħaġa li ma kinitx perfetta, iżda sempliċement li l-ħolqien tiegħu kien għadu mhux komplet. “M’hux sewwa li l-bniedem jibqaʼ waħdu,” qal Jehovah. “Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”—Ġenesi 2:18.
Kien l-iskop taʼ Jehovah li s-soċjetà umana tgawdi ħajja eterna u tkun f’saħħitha, hienja, u tgħix fix-xabaʼ f’ġenna taʼ l-art. Missier l-umanità kollha kien Adam. Martu, Eva, saret “omm il-ħajjin kollha.” (Ġenesi 3:20) Għalkemm l-art illum hi miżgħuda bin-nisel tagħhom, li jgħodd il-biljuni, il-bnedmin ċertament li m’humiex perfetti.
L-istorja taʼ Adam u Eva hi magħrufa sew. Imma liema benefiċċju prattiku għandha għalina? X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenzi taʼ l-ewwel koppja umana?
“Raġel u Mara Ħalaqhom”
Meta Adam kien qed jagħti l-ismijiet lill-annimali, ra li kollha kellhom is-sieħba tagħhom iżda hu ma kellux. Għalhekk, meta xeħet għajnejh fuq il-ħlejqa sabiħa li Jehovah kien sawwar mill-kustilja tiegħu, hu thenna. Waqt li rrealizza li hi kienet unikament parti minnu, Adam esklama: “Din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi.”—Ġenesi 2:18-23.
Ir-raġel kellu bżonn l-“għajnuna.” Issa kellu dik l-għajnuna li kienet taqbel preċiż miegħu. Eva kienet addattata perfettament biex tkun il-kompliment taʼ Adam—f’li tieħu ħsieb l-annimali u d-dar tagħhom li kienet qisha ġnien, f’li tnissel it-tfal, u f’li tipprovdi l-inkuraġġiment u l-appoġġ intellettwali taʼ sieħba vera.—Ġenesi 1:26-30.
Jehovah pprovda dak kollu li l-koppja setgħet tixtieq b’mod raġunevoli. Billi ħa lil Eva għand żewġha, u b’hekk poġġa s-siġill tiegħu fuq l-unjoni tagħhom, Alla sejjes l-istituzzjonijiet taż-żwieġ u l-familja li bihom kellha tiġi organizzata s-soċjetà. Ir-rakkont tal-Ġenesi jgħid hekk: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” U meta Jehovah bierek l-ewwel koppja miżżewġa u qalilhom biex ikollhom it-tfal, jidher ċar li hu kellu f’moħħu li kull tarbija titwieled ġo familja li jimpurtaha minnha, b’missier u omm li jieħdu ħsiebha.—Ġenesi 1:28; 2:24.
“Fuq Xbihat Alla”
Adam kien iben perfett t’Alla, magħmul fuq is-“sura u x-xbieha” Tiegħu. Imma ladarba “Alla huwa spirtu,” ix-xebh ma setax ikun wieħed fiżiku. (Ġenesi 1:26; Ġwann 4:24) Ix-xebh kien fil-kwalitajiet li għamlu lill-bniedem ferm superjuri mill-annimali. Iva, il-bniedem mill-bidu kellu ġo fih il-kwalitajiet taʼ l-imħabba, l-għerf, il-qawwa u l-ġustizzja. Hu kien mogħni bir-rieda ħielsa u bil-kapaċità li jkun spiritwali. Ġo fih kellu sens morali, jew kuxjenza, li setaʼ jgħinu jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-bniedem kellu kapaċità intellettwali, li permezz tagħha setaʼ jimmedita fuq ir-raġuni għala jeżistu l-bnedmin, jiġbor għarfien dwar il-Ħallieq tiegħu, u jiżviluppa intimità maʼ dan il-Wieħed. Imħejji b’dan kollu, Adam kellu dak kollu li kien meħtieġ biex iwettaq l-irwol tiegħu bħala amministratur tax-xogħol li Alla għamel fuq l-art.
Eva Tidneb
Bla dubju, Adam malajr informa lil Eva dwar l-unika projbizzjoni li Jehovah kien għamel: Huma setgħu jieħdu mill-frott tas-siġar kollha li kien hemm fid-dar tagħhom li kienet qisha ġnien minbarra taʼ waħda—is-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Ma kellhomx jieklu minnha, inkella kienu jmutu dakinhar stess.—Ġenesi 2:16, 17.
Wara ftit taż-żmien, qamet kwistjoni rigward il-frotta projbita. Lejn Eva resaq serpent, li kien qed jiġi wżat minn spirtu inviżibbli bħala kelliemi. F’dik li dehret bħala innoċenza, is-serpent staqsa: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” Eva wieġbet li setgħu jieklu l-frott taʼ kull siġra minbarra taʼ waħda. Imma mbagħad is-serpent ikkontradixxa lil Alla, billi qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” Il-mara bdiet tħares lejn is-siġra projbita b’lenti differenti. “Is-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn.” Imqarrqa għall-aħħar, Eva kisret il-liġi t’Alla.—Ġenesi 3:1-6; 1 Timotju 2:14.
Eva kellha tidneb bilfors? Dażgur li le! Poġġi lilek innifsek fiż-żarbun tagħha. Dak li qal is-serpent mar għalkollox kontra dak li kienu qalu Alla u Adam. Kif kont tħossok int kieku ġie barrani u akkuża bid-diżonestà lil xi ħadd li tħobbu u tafdah? Eva setgħet irreaġixxiet b’mod differenti, billi turi stmerrija u għadab, u saħansitra tirrifjuta li tismaʼ. Wara kollox, min kien is-serpent biex jitfaʼ dubju fuq it-tjieba t’Alla u fuq il-kelma taʼ żewġha? Biex turi rispett lejn il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, Eva kien imissha fittxet parir qabel ma ħadet kwalunkwe deċiżjoni. Hekk għandna nagħmlu aħna jekk qatt niġu preżentati b’xi informazzjoni li tkun kuntrarja għall-istruzzjonijiet mogħtijin minn Alla. Madankollu, Eva fdat fil-kliem tat-Tentatur, billi xtaqet li tkun hi li tiddeċiedi għaliha nfisha x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Iktar ma ħasbet fuq l-idea, iktar bdiet togħġobha. Xi żball għamlet li żammet f’moħħha xewqa ħażina, minflok ma warrbitha minn moħħha jew iddiskutietha mal-kap tal-familja tagħha!—1 Korintin 11:3; Ġakbu 1:14, 15.
Adam Jagħti Widen għal Leħen Martu
Eva malajr ħajret lil Adam biex jissieħeb magħha fid-dnub. Kif se nispjegawh il-qbil fjakk tiegħu? (Ġenesi 3:6, 17) Adam kellu quddiemu l-kwistjoni lejn min kien se jibqaʼ leali. Kien se jobdi lill-Ħallieq tiegħu, li kien tah kollox, inkluż il-maħbuba sieħba tiegħu, Eva? Kien Adam se jfittex id-direzzjoni t’Alla dwar x’kellu jagħmel issa? Jew kien se jissieħeb maʼ martu fid-dnub tagħha? Adam kien jaf tajjeb ħafna li dak li ttamat li tikseb billi tiekol il-frotta projbita kien biss illużjoni. L-appostlu Pawlu kien ispirat biex jikteb hekk: “Ma kienx Adam li safaʼ mqarraq; kienet il-mara li, wara li kienet mqarrqa, waqgħet fil-ħtija.” (1 Timotju 2:14) Mela Adam għażel minn jeddu li jisfida lil Jehovah. Jidher ċar li l-biżaʼ tiegħu li jinfired minn martu kien akbar mill-fidi tiegħu fl-abbiltà t’Alla li jirranġa s-sitwazzjoni.
L-att taʼ Adam kien suwiċidali. Wassal ukoll għall-qtil tan-nisel kollu li Jehovah bi ħniena ħallieh ikun il-missier tiegħu, ladarba lkoll kemm huma twieldu taħt il-kundanna tal-mewt kaġunata mid-dnub. (Rumani 5:12) Kemm hi kbira l-piena għad-diżubbidjenza egoista!
Il-Konsegwenzi tad-Dnub
L-effett immedjat tad-dnub kien l-għajb. Minflok ma ġrew itiru bil-ferħ biex jitkellmu maʼ Jehovah, il-koppja marru jistaħbew. (Ġenesi 3:8) Il-ħbiberija tagħhom m’Alla spiċċat fix-xejn. Meta ġew mistoqsijin dwar dak li kienu għamlu, huma ma wrew ebda rimors, għalkemm it-tnejn li huma kienu konxji li kisru l-liġi t’Alla. Billi kielu l-frotta projbita, huma taw daharhom lit-tjubija divina.
Bħala riżultat, Alla indika li l-uġigħ tat-tqala kien se jiżdied. Eva kellha tixxennaq għal żewġha, u hu kellu jiddominaha. L-attentat tagħha biex taħtaf l-indipendenza taħt idejha b’hekk irriżulta fl-oppost preċiż. Adam issa kien se jiekol il-prodott taʼ l-art bl-uġigħ. Minflok ma jxabbaʼ l-ġuħ tiegħu mingħajr tbatija f’Għeden, kellu jissielet biex jaqlaʼ l-għajxien sakemm imur lura lejn it-trab li minnu kien issawwar.—Ġenesi 3:16-19.
Finalment, Adam u Eva tkeċċew ’il barra mill-ġnien taʼ Għeden. Jehovah qal: “Ara, il-bniedem sar bħal wieħed minna, jagħraf il-ġid u d-deni: u issa, li ma jmurx imidd idu, u jieħu wkoll il-frott mis-siġra tal-ħajja, u jiekol, u jgħix għal dejjem . . . ” “Is-sentenza titħalla nofs leħja,” jinnota l-istudjuż Gordon Wenham, u aħna jkollna nfornu l-bqija tal-ħsieb t’Alla—forsi, “ħa nkeċċih ’il barra mill-ġnien.” Ġeneralment, kittieb tal-Bibbja jirrapporta l-ħsieb komplet t’Alla. Imma hawnhekk, ikompli Wenham, “il-fatt li l-konklużjoni tħalliet barra juri l-ħeffa taʼ l-azzjoni t’Alla. Lanqas laħaq spiċċa l-kelma li ma tkeċċewx ’il barra mill-ġnien.” (Ġenesi 3:22, 23, KŻ) B’din l-azzjoni, il-komunikazzjoni kollha li kien hemm bejn Jehovah u l-ewwel koppja milli jidher waqfet.
Adam u Eva ma mitux fiżikament matul dak il-jum taʼ 24 siegħa. Madankollu, mietu f’sens spiritwali. Peress li nqatgħu darba għal dejjem mis-Sors tal-ħajja, qabdu n-niżla li kienet twassalhom għall-mewt. Min jaf kemm ġarrbu mrar meta ħabbtu wiċċhom għall-ewwel darba mal-mewt meta t-tieni iben tagħhom, Abel, inqatel minn Kajjin, l-ewwel imwieled tagħhom!—Ġenesi 4:1-16.
Wara dan, ftit li xejn huwa magħruf dwar l-ewwel koppja umana. It-tielet iben tagħhom, Set, twieled meta Adam kellu 130 sena. Adam miet 800 sena wara, fl-età taʼ 930 sena, wara li kellu “ulied subjien u bniet.”—Ġenesi 4:25; 5:3-5.
Lezzjoni Għalina
Ir-rakkont dwar l-ewwel koppja miżżewġa mhux biss jirrivela x’kien li kkaġuna l-kundizzjoni mwegħra tas-soċjetà umana llum, imma wkoll jgħallem lezzjoni fundamentali. Li nippretendu li nkunu indipendenti minn Alla Jehovah huwa biss bluha. Dawk li huma verament għorrief jeżerċitaw fidi f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu, mhux f’dak li jaħsbu huma li huwa għarfien suffiċjenti. Jehovah jiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u bażikament, li tagħmel dak li hu sewwa jfisser li tobdih. Li tagħmel dak li hu ħażin ifisser li tikser il-liġijiet tiegħu u tinjora l-prinċipji tiegħu.
Alla offra u għadu joffri dak kollu li l-bnedmin jistgħu possibbilment jixtiequ—ħajja taʼ dejjem, libertà, sodisfazzjon, hena, saħħa, sliem, riżq, u l-iskoperta t’affarijiet ġodda. Madankollu, biex ingawdu dan kollu rridu nirrikonoxxu l-fatt li aħna niddependu totalment minn Missierna tas-sema, Jehovah.—Koħèlet 3:10-13; Isaija 55:6-13.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 26]
Adam u Eva—Sempliċi Ħrafa?
It-twemmin f’ġenna taʼ l-art oriġinali li ntilfet minħabba d-dnub kien mifrux sew fost il-Babiloniżi, l-Assirjani, l-Eġizzjani, u oħrajn tal-passat. F’ħafna rakkonti nsibu siġra tal-ħajja li l-frott tagħha kellu jagħti ħajja eterna lil dawk li jikluh. Għalhekk, l-umanità tiftakar li xi ħaġa traġika seħħet f’Għeden.
Illum, ħafna jqisu r-rakkont Bibliku taʼ Adam u Eva bħala sempliċi ħrafa. Madankollu, il-biċċa l-kbira tax-xjenzati jirrikonoxxu li r-razza umana hija familja waħda b’oriġini komuni. Ħafna teoloġi jsibuha impossibbli li jiċħdu l-fatt li l-effetti tad-dnub oriġinali mwettaq minn antenat komuni kienu trasmessi lill-umanità. It-twemmin li l-bniedem żviluppa minn iktar minn sors wieħed jobbligahom jgħidu li d-dnub oriġinali twettaq minn diversi missirijiet tal-qedem. Mill-banda l-oħra, dan kien iġagħalhom jiċħdu li Kristu, ‘l-aħħar Adam,’ feda lill-umanità. Imma Ġesù u d-dixxipli tiegħu ma ħabbtux wiċċhom maʼ dilemma bħal din. Huma rrikonoxxew li r-rakkont tal-Ġenesi hu ġenwin.—1 Korintin 15:22, 45; Ġenesi 1:27; 2:24; Mattew 19:4, 5; Rumani 5:12-19.