Il-manipulazzjoni fil-ġenetika tal-bniedem wasslet biex il-bniedem isib is-sigriet biex jgħix ħajja twila?
It-tfittxija għall-ħajja itwal
“U rajt l-attività li Alla ta lil ulied il-bnedmin biex ikunu okkupati biha. Kulma għamel għamlu sabiħ u f’waqtu. Saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-eternità.”—Ekkleżjasti 3:10, 11.
DAN il-kliem tal-qedem mis-sultan għaref Salamun jiddeskrivi bl-eżatt kif iħossu l-bniedem dwar il-ħajja. Matul is-sekli, il-bniedem jistaʼ jkun li xxennaq għal xi ħaġa aħjar għax il-ħajja qasira wisq u l-mewt hi inevitabbli. L-istorja fiha ħafna rakkonti u leġġendi dwar bnedmin li fittxew is-sigriet biex jgħixu ħajja twila.
Ħu, pereżempju, lil Gilgamesh, sultan Sumerjan. Dwar ħajtu ġew ivvintati ħafna leġġendi. Fl-Epic of Gilgamesh, li hi waħda minnhom, jingħad li hu mar fuq vjaġġ perikoluż biex isir jaf kif jiskansa l-mewt. Hu falla fit-tfittxija tiegħu.
Alkemist taʼ żmien il-Medju Evu fil-laboratorju tiegħu
Madwar 2,400 sena ilu, alkemisti fiċ-Ċina pprovaw jagħmlu “eliżir” li kienu jemmnu li jtawwal il-ħajja. Allura vvintaw sustanza li kien fiha l-merkurju u l-arseniku. Hu maħsub li dan l-eliżir ikkaġuna l-mewt taʼ diversi imperaturi Ċiniżi. Fl-Ewropa medjevali, xi alkemisti ppruvaw joħolqu metodu biex id-deheb ikun diġestibbli. Dan għax ħasbu li d-deheb ma jistax jinqered u għaldaqstant il-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu iktar.
Illum, xi xjentisti tal-bijoloġija u l-ġenetika qed jipprovaw isibu r-raġuni għala l-bnedmin jixjieħu. L-isforzi tagħhom jagħtu prova li n-nies illum għad għandhom l-istess tama qawwija li jsibu mod kif ma jixjiħux u jmutu. Imma x’kienu r-riżultati taʼ riċerki bħal dawn?
ALLA POĠĠA “F’QALBHOM L-ETERNITÀ.”—EKKLEŻJASTI 3:10, 11
IFITTXU X’JIKKAWŻA X-XJUĦIJA
Ix-xjentisti li jistudjaw iċ-ċelluli tal-bniedem taw iktar minn 300 teorija biex jispjegaw għala nixjieħu u mmutu. Fi snin reċenti, ix-xjentisti kienu kapaċi jagħmlu xi ħaġa biex iċ-ċelluli tal-annimali u tal-bnedmin jgħixu iktar. Minħabba dawn l-avvanzi, xi nies sinjuri ffinanzjaw ir-riċerka biex isiru jafu għala mmutu. X’għamlu x-xjentisti?
Jipprovaw itawlu l-ħajja. Xi xjentisti jaħsbu li aħna nixjieħu minħabba dak li jiġri lit-telomeres, li huma t-truf tal-kromożoni. It-telomeres jipproteġu l-informazzjoni tal-ġenetika taċ-ċelluli tagħna hekk kif dawn jinqasmu. Imma kull darba li ċ-ċelluli jinqasmu, it-telomeres jiqsaru. Eventwalment, iċ-ċelluli ma jibqgħux jinqasmu u aħna nibdew nixjieħu.
Ir-rebbieħa tal-premju Nobel fix-xjenza, Elizabeth Blackburn, u t-tim tagħha, identifikaw enzima li tgħin biex it-telomeres idumu iktar biex jiqsaru u, minħabba f’hekk, iċ-ċelluli jdumu iktar ħajjin. Madankollu, ir-rapport tagħhom jirrikonoxxi li t-telomeres ma jtawlux il-ħajja.
L-ipprogrammar mill-ġdid taċ-ċelluli hu mod ieħor kif qed jippruvaw iwaqqfu l-effetti koroh tax-xjuħija. Meta ċ-ċelluli tagħna jixjieħu wisq biex jerġgħu jinqasmu, huma jistgħu jibagħtu sinjali żbaljati liċ-ċelluli fil-viċin li jkunu reżistenti. Dawn imbagħad jikkawżaw infjammazzjoni, uġigħ kroniku, u mard. Riċentement, xi xjentisti fi Franza rnexxielhom jipprogrammaw mill-ġdid ċelluli li ttieħdu min-nies anzjani u li xi wħud minnhom kellhom iktar minn 100 sena. Il-Professur Jean-Marc Lemaître, li mexxa r-riċerka, qal li x-xogħol tagħhom wera li x-xjuħija fiċ-ċelluli tistaʼ titreġġaʼ lura.
TISTAʼ X-XJENZA TTAWLILNA L-ĦAJJA?
Mhux ix-xjentisti kollha jaqblu li l-kuri kontra x-xjuħija jistgħu jtawlu l-ħajja tal-bniedem iktar minn dak li diġà nkiseb illum. Hu minnu li mis-seklu 19 ’l hawn, il-bniedem beda jgħix iktar. Imma r-raġuni ewlenija hi li l-bniedem sar iktar konxju li jżomm ruħu nadif u hemm iktar mediċini disponibbli li jipprevienu u li jikkuraw il-mard. Xi xjentisti tal-ġenetika jemmnu li l-bniedem, bejn wieħed u ieħor, laħaq il-limitu taʼ kemm jistaʼ jgħix.
Madwar 3,500 sena ilu, Mosè, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, qal: “B’kollox jiemna huma sebgħin sena; u jekk minħabba xi setgħa speċjali jkunu tmenin, xorta jinsistu li jġibu l-inkwiet u l-uġigħ; u dawn jgħaddu malajr, u aħna ntiru magħhom.” (Salm 90:10) Minkejja l-isforzi kollha tal-bniedem biex itawwal il-ħajja, il-ħajja tibqaʼ bażikament kif iddeskrivieha Mosè.
Mill-banda l-oħra, xi ħlejjaq jistgħu jgħixu mijiet taʼ snin u xi siġar eluf taʼ snin. Meta nqabblu ħajjietna maʼ dawn, aktarx li naħsbu, ‘Dil-ħajja taʼ 70 jew 80 sena biss kulma hemm?’