LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/1 pp. 21-27
  • Aħbar Tajba għan-Nies tal-Ġnus Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħbar Tajba għan-Nies tal-Ġnus Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sat-​“Truf Kollha taʼ l-​Art”
  • “Għaxart Irġiel mill-​Ilsna Kollha”
  • “Bieb Kbir” Miftuħ għal Opportunitajiet Ġodda
  • Meta n-​Nies Ma Jwiġbux b’Mod Favorevoli
  • Meta l-​Messaġġ Ma Jintlaqax
  • Opponut mill-​Ispirtu t’Alla
  • David u Sawl
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Għala David Ikollu Jaħrab
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Nies “mill-Ilsna Kollha” Jisimgħu l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/1 pp. 21-27

Aħbar Tajba għan-​Nies tal-​Ġnus Kollha

“Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”—ATTI 1:8.

1. Bħala għalliema tal-​Bibbja, għal liema ħaġa noqogħdu attenti, u għala?

GĦALLIEMA li huma kapaċi joqogħdu attenti mhux biss għal dak li jgħidu lill-​istudenti tagħhom, imma wkoll kif jgħiduh. Bħala għalliema tal-​verità mill-​Bibbja, aħna nagħmlu l-​istess ħaġa. Aħna noqogħdu attenti kemm għall-​messaġġ li nippridkaw u kemm għall-​metodi li nużaw. Il-​messaġġ tagħna, l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, ma jinbidilx, imma l-​metodi li nużaw jinbidlu. Għala? Biex nilħqu kemm jistaʼ jkun nies.

2. Meta nadattaw il-​metodi tagħna taʼ ppridkar, lil min inkunu qed nimitaw?

2 Billi nadattaw il-​metodi tagħna taʼ l-​ippridkar skond iċ-​ċirkustanzi, aħna nimitaw lill-​qaddejja li Alla kellu fil-​qedem. Ikkunsidra, per eżempju, lill-​appostlu Pawlu. Hu qal: “Għal-​Lhud sirt bħal Lhudi . . . Għal dawk mingħajr liġi sirt bħal wieħed mingħajr liġi . . . Għad-​dgħajfin sirt dgħajjef, biex nirbaħ lid-​dgħajfin. Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud.” (1 Korintin 9:​19-​23) Il-​metodu li Pawlu uża biex jadatta skond iċ-​ċirkustanzi kien effettiv. Aħna wkoll se nkunu effettivi jekk naħsbu f’ħaddieħor u nadattaw il-​preżentazzjonijiet tagħna skond l-​individwi li nitkellmu magħhom.

Sat-​“Truf Kollha taʼ l-​Art”

3. (a) Liema sfida niffaċċjaw fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna? (b) Il-​kliem taʼ Isaija 45:22 kif qed jitwettaq illum?

3 Sfida ewlenija li jiffaċċjaw dawk li jippridkaw l-​aħbar tajba hija d-​daqs tat-​territorju​—“l-​art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Matul l-​aħħar seklu, ħafna qaddejja taʼ Ġeħova ħadmu iebes biex jilħqu artijiet ġodda ħalli jxerrdu l-​aħbar tajba. X’kien ir-​riżultat? Żjieda enormi madwar id-​dinja kollha. Fil-​bidu tas-​seklu 20, l-​ippridkar kien rapportat fi ftit pajjiżi biss, imma bħalissa x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma attivi f’235 art differenti! Tabilħaqq, l-​aħbar tajba tas-​Saltna qed tiġi proklamata saħansitra sat-​“truf kollha taʼ l-​art.”​—Isaija 45:22.

4, 5. (a) Min kellu rwol importanti biex ixerred l-​aħbar tajba? (b) Xi uffiċċji tal-​fergħa x’qalu dwar dawk minn pajjiżi oħra li jaqdu f’territorji tal-​fergħa?

4 X’jikkontribwixxi għal progress bħal dan? Diversi affarijiet. Il-​missjunarji li jitħarrġu fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) u iktar reċenti, l-​20,000 gradwat mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali taw kontribut kbir ħafna. L-​istess għamlu l-​għadd kbir taʼ Xhieda li bi spejjeż għalihom marru f’artijiet fejn kien hemm iktar ħtieġa għal pubblikaturi tas-​Saltna. Kristjani bħal dawn li jissagrifikaw lilhom infushom​—irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, miżżewġin jew le​—għandhom irwol importanti biex jippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna madwar id-​dinja. (Salm 110:3; Rumani 10:18) Huma apprezzati bil-​kbir. Ara x’kitbu xi uffiċċji tal-​fergħa dwar dawk li jaqdu fejn hemm iktar ħtieġa fit-​territorji tagħhom.

5 “Dawn ix-​Xhieda għeżież jieħdu t-​tmexxija taʼ l-​ippridkar f’postijiet iżolati, jgħinu biex jifformaw kongregazzjonijiet ġodda, u jikkontribwixxu biex l-​aħwa rġiel u nisa lokali jikbru spiritwalment.” (Ekwador) “Jekk il-​mijiet taʼ barranin li jaqdu hawnhekk ikollhom jitilqu, l-​istabbilità tal-​kongregazzjonijiet tiġi effettwata. Hija barka li jinsabu fostna.” (Repubblika Dominikana) “F’ħafna mill-​kongregazzjonijiet tagħna, hemm persentaġġ għoli t’aħwa nisa, f’ċerti kongregazzjonijiet anki sa 70 fil-​mija. (Salm 68:11) Ħafna minnhom huma ġodda fil-​verità, imma l-​aħwa nisa mhux miżżewġin li ġew minn pajjiżi oħra jipprovdu għajnuna li m’hawnx prezzha billi jħarrġu lil uħud ġodda bħal dawn. Dawn l-​aħwa nisa minn pajjiżi oħra huma rigal taʼ veru għalina!” (Pajjiż fl-​Ewropa tal-​Lvant) Ġieli ħsibt jekk tistax taqdi f’pajjiż ieħor?a​—Atti 16:​9, 10.

“Għaxart Irġiel mill-​Ilsna Kollha”

6. Żakkarija 8:​23 kif jalludi għall-​isfida tal-​lingwa fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna?

6 Sfida kbira oħra hija l-​lingwi differenti kollha li huma mitkellma fid-​dinja. Il-​Kelma t’Alla bassret: “F’dawk il-​jiem għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-​libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’” (Żakkarija 8:23) Fit-​twettiq taʼ żmienna taʼ din il-​profezija, l-​għaxart irġiel jirrappreżentaw lill-​folla kbira profetizzata f’Rivelazzjoni 7:9. Però, innota li skond il-​profezija taʼ Żakkarija, l-​“għaxart irġiel” jiġu mhux biss minn kull ġens imma wkoll “mill-​ilsna kollha.” Rajnieh aħna t-​twettiq taʼ dan id-​dettall importanti tal-​profezija? Iva, tabilħaqq.

7. Liema statistiki juru li nies “mill-​ilsna kollha” qed jintlaħqu bl-​aħbar tajba?

7 Ikkunsidra xi statistiki. Ħamsin sena ilu l-​letteratura tagħna kienet pubblikata f’90 lingwa. Illum, dak in-​numru telaʼ għal iktar minn 400. “L-​ilsir leali u għaqli” għamel dak kollu li setaʼ biex saħansitra jipprovdi letteratura b’lingwi mitkellma minn għadd relattivament żgħir taʼ nies. (Mattew 24:45) Per eżempju, il-​letteratura Biblika issa hija disponibbli bil-​lingwa taʼ Greenland (mitkellma minn 47,000 ruħ), Palauan (mitkellma minn 15,000 ruħ), u Yapese (mitkellma minn 7,000 ruħ).

“Bieb Kbir” Miftuħ għal Opportunitajiet Ġodda

8, 9. Liema żvilupp fetaħ “bieb kbir” għalina, u kif wieġbu eluf taʼ Xhieda?

8 Illum il-​ġurnata, però, mhux bilfors ikun hemm bżonn immorru f’pajjiż ieħor biex naqsmu l-​aħbar tajba maʼ nies taʼ l-​ilsna kollha. F’dawn l-​aħħar snin, bil-​wasla taʼ miljuni taʼ immigranti u refuġjati f’pajjiżi żviluppati ekonomikament inħolqu għadd taʼ komunitajiet taʼ immigranti li jitkellmu ħafna lingwi differenti. Per eżempju, f’Pariġi, ġo Franza, jiġu mitkellma xi 100 lingwa differenti. F’Toronto, il-​Kanada, hemm 125; u f’Londra, l-​Ingilterra, hemm iktar minn 300 lingwa barranija mitkellma! Dawn in-​nies minn pajjiżi oħra li jinsabu fit-​territorji taʼ ħafna kongregazzjonijiet jiftħu “bieb kbir” li jwassal għal opportunitajiet ġodda biex tinqasam l-​aħbar tajba maʼ nies mill-​ġnus kollha.​—1 Korintin 16:9.

9 Eluf taʼ Xhieda qed iwieġbu għal din l-​isfida billi jitgħallmu lingwa oħra. Għal ħafna minnhom, huwa diffiċli, imma l-​isfida tiġi premjata bil-​ferħ li jiġi meta tingħata l-​għajnuna lill-​immigranti u r-​refuġjati biex jitgħallmu l-​verità misjuba fil-​Kelma t’Alla. Ftit ilu, kważi 40 fil-​mija minn dawk kollha mgħammdin fil-​konvenzjonijiet distrettwali f’pajjiż fl-​Ewropa tal-​Punent kienu ġew minn pajjiżi barranin.

10. Kif użajt il-​ktejjeb Good News for People of All Nations? (Ara l-​kaxxa “Karatteristiki tal-​Ktejjeb Good News for People of All Nations,” f’paġna 26.)

10 Veru, ħafna minna m’aħniex f’pożizzjoni li nitgħallmu lingwa barranija. Però, jistaʼ jkollna sehem biex ngħinu lill-​immigranti jagħmlu użu tajjeb mill-​ktejjeb ġdid li ħareġ, Good News for People of All Nations,b li fih messaġġ sabiħ mill-​Bibbja b’ħafna lingwi differenti. (Ġwanni 4:​37) Qiegħed tużah dan il-​ktejjeb fil-​ministeru?

Meta n-​Nies Ma Jwiġbux b’Mod Favorevoli

11. Liema sfida oħra jkun hemm f’ċerti territorji?

11 Hekk kif l-​influwenza li jagħmel Satana tkompli tikber fuq l-​art, ikun hemm sfida oħra li spiss tiġi ffaċċjata​—ftit ikun hemm min iwieġeb b’mod favorevoli f’ċerti territorji. Ovvjament, din is-​sitwazzjoni ma tissorprendiniex, ladarba Ġesù kien bassar li se jkun hawn kundizzjoni bħal din. Dwar żmienna hu qal: “Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:12) Tabilħaqq, it-​twemmin f’Alla u r-​rispett għall-​Bibbja majnaw fost ħafna nies. (2 Pietru 3:​3, 4) Minħabba f’hekk, f’xi partijiet tad-​dinja, relattivament ftit individwi jsiru dixxipli ġodda taʼ Kristu. Madankollu, dan ma jfissirx li x-​xogħol taʼ ħutna rġiel u nisa Kristjani għeżież li jippridkaw f’territorji fejn ma tantx hemm min iwieġeb b’mod favorevoli huwa għalxejn. (Ebrej 6:​10) Għala le? Ikkunsidra dan li ġej.

12. Liema huma żewġ objettivi tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna?

12 L-​Evanġelju taʼ Mattew jenfasizza żewġ objettivi prinċipali taʼ l-​attivitajiet taʼ l-​ippridkar tagħna. Wieħed huwa li ‘nagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mattew 28:19) L-​ieħor huwa li l-​messaġġ tas-​Saltna jservi bħala ‘xiehda.’ (Mattew 24:14) Iż-​żewġ objettivi huma importanti, imma l-​aħħar wieħed huwa sinifikanti b’mod speċjali. Għala?

13, 14. (a) Liema hu fattur li jispikka fis-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù? (b) X’għandna nżommu f’moħħna, speċjalment meta nkunu qed nippridkaw f’territorji fejn ma tantx ikun hemm min iwieġeb b’mod favorevoli?

13 Mattew, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, kiteb li l-​appostli staqsew lil Ġesù: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u taʼ tmiem is-​sistema?” (Mattew 24:3) Bi tweġiba, Ġesù qal li fattur wieħed li jispikka taʼ dak is-​sinjal kellu jkun xogħol taʼ ppridkar globali. Kien hu qed jitkellem dwar li nagħmlu dixxipli? Le. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) B’hekk, Ġesù wera li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna fih innifsu kien se jkun fattur importanti tas-​sinjal.

14 Għalhekk, hekk kif nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna, aħna niftakru li anki jekk mhux dejjem nirnexxu f’li nagħmlu dixxipli, xorta qed jirnexxilna nagħtu “xiehda.” Minkejja kif iwieġbu n-​nies, huma jafu aħna x’qed nagħmlu, u għalhekk qed nieħdu sehem fit-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù. (Isaija 52:7; Rivelazzjoni 14:​6, 7) Jordy, Xhud żagħżugħ fl-​Ewropa tal-​Punent, qal hekk: “Il-​fatt li naf li qiegħed nintuża minn Ġeħova biex ikolli sehem fit-​twettiq taʼ Mattew 24:14 jagħtini ħafna ferħ.” (2 Korintin 2:​15-17) Bla dubju int tħossok bl-​istess mod.

Meta l-​Messaġġ Ma Jintlaqax

15. (a) Ġesù dwar liema ħaġa wissa bil-​quddiem lis-​segwaċi tiegħu? (b) X’jgħinna nippridkaw minkejja l-​oppożizzjoni?

15 L-​oppożizzjoni toħloq sfida oħra biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Ġesù avża minn qabel lis-​segwaċi tiegħu: “[Intom] tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mattew 24:9) Bħall-​Kristjani tal-​bidu, is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu mibgħudin, mhux milqugħin, u persegwitati. (Atti 5:​17, 18, 40; 2 Timotju 3:12; Rivelazzjoni 12:​12, 17) F’xi pajjiżi, fil-​preżent dawn qed jiffaċċjaw projbizzjonijiet mill-​gvern. Xorta waħda, sabiex jobdu lil Alla, il-​Kristjani veri f’pajjiżi bħal dawn jibqgħu jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Għamos 3:8; Atti 5:29; 1 Pietru 2:21) X’jgħin lil dawn ix-​Xhieda, u lil oħrajn madwar id-​dinja kollha, biex jagħmlu dan? Ġeħova jagħtihom il-​qawwa permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu.​—Żakkarija 4:6; Efesin 3:16; 2 Timotju 4:17.

16. Ġesù kif wera r-​rabta li hemm bejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u l-​ispirtu t’Alla?

16 Ġesù enfasizza r-​rabta soda li hemm bejn l-​ispirtu t’Alla u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar meta qal lis-​segwaċi tiegħu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8; Rivelazzjoni 22:17) L-​ordni taʼ kif jiġru dawn il-​ġrajjiet hija importanti. L-​ewwel, id-​dixxipli rċivew l-​ispirtu qaddis, u wara bdew ix-​xogħol globali taʼ għoti taʼ xiehda. Kien biss permezz taʼ l-​appoġġ taʼ l-​ispirtu t’Alla li ngħataw is-​saħħa biex jissaportu waqt li jagħtu “xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:​13, 14; Isaija 61:​1, 2) Għalhekk, b’mod xieraq Ġesù rrefera għall-​ispirtu qaddis bħala “l-​ajjutant.” (Ġwanni 15:26) Hu qal li l-​ispirtu t’Alla kien se jgħallem u jiggwida lid-​dixxipli tiegħu.​—Ġwanni 14:​16, 26; 16:13.

17. Meta niffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa, l-​ispirtu t’Alla kif jgħinna?

17 L-​ispirtu t’Alla b’liema modi jgħinna llum meta niffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa għall-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba? L-​ispirtu t’Alla jsaħħaħna, u jopponi lil dawk li jippersegwitawna. Biex nagħtu eżempju, ikkunsidra ġrajja mill-​ħajja tas-​Sultan Sawl.

Opponut mill-​Ispirtu t’Alla

18. (a) Liema bidla drammatika għall-​agħar għadda minnha Sawl? (b) Sawl liema metodi uża biex jippersegwita lil David?

18 Sawl kellu bidu tajjeb bħala l-​ewwel sultan t’Iżrael, imma iktar tard ma baqax jobdi lil Ġeħova. (1 Samwel 10:​1, 24; 11:​14, 15; 15:​17-23) Bħala riżultat, l-​ispirtu t’Alla ma baqax jappoġġa lis-​sultan. Sawl sar irrabjat b’mod vjolenti għal David, li kien midluk biex isir is-​sultan li jmiss u li kien qed igawdi l-​appoġġ taʼ l-​ispirtu t’Alla. (1 Samwel 16:​1, 13, 14) David kien jidher priża faċli. Wara kollox, hu ma kellu xejn f’idu ħlief arpa, filwaqt li Sawl żamm lanza f’idejh. Għalhekk, ġurnata waħda, waqt li David kien qed idoqq l-​arpa, ‘Sawl kellu f’idejh il-​lanza, u beda jxejjirha u jgħajjat: “Irrid noqtol lil David, u nwaħħlu mal-​ħajt!” Imma David żgiċċa minn quddiemu darbtejn.’ (1 Samwel 18:​10, 11) Wara, Sawl semaʼ minn ibnu Ġonatan, il-​ħabib taʼ David, u ħalef: “Daqs kemm hu ħaj il-​Mulej, [David] ma jmutx żgur.” Imma mbagħad, Sawl xorta reġaʼ “pprova jolqot lil David bil-​lanza u jsammru mal-​ħajt.” Madankollu, “David żgiċċa minn Sawl, u l-​lanza baqgħet imwaħħla mal-​ħajt.” David ħarab, imma Sawl mar għal warajh. F’dak iż-​żmien kritiku, l-​ispirtu t’Alla beda jopponi lil Sawl. B’liema mod?​—1 Samwel 19:​6, 10.

19. L-​ispirtu t’Alla kif ipproteġa lil David?

19 David ħarab għand il-​profeta Samwel, imma Sawl bagħat lill-​messaġġiera tiegħu biex jaqbdu lil David. Iżda, meta dawn waslu fil-​moħba taʼ David, “niżel l-​ispirtu taʼ Alla fuqhom u ntilfu f’estasi [taʼ profeti].” Tant ġew effettwati mill-​ispirtu t’Alla li nsew kompletament l-​iskop tal-​missjoni tagħhom. Għal darbtejn oħra Sawl reġaʼ bagħat irġiel għal David, imma kull darba reġgħet ġrat l-​istess ħaġa. Fl-​aħħar, is-​Sultan Sawl innifsu mar għand David, imma lanqas Sawl ma setaʼ jirreżisti l-​effett taʼ l-​ispirtu t’Alla. Fil-​fatt, l-​ispirtu qaddis tefgħu f’estasi u “baqaʼ fl-​art . . . il-​jum u l-​lejl kollu”​—u dan ta biżżejjed ħin lil David biex jaħrab.​—1 Samwel 19:​20-​24.

20. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont taʼ meta David ġie persegwitat minn Sawl?

20 Ir-​rakkont taʼ Sawl u David fih lezzjoni li ssaħħaħ: Dawk li jippersegwitaw lill-​qaddejja taʼ Ġeħova ma jistgħux jirnexxu meta jopponihom l-​ispirtu t’Alla. (Salm 46:11; 125:2) Ġeħova kien ippjana li David ikun sultan fuq Iżrael. Ħadd ma jistaʼ jbiddel dan il-​fatt. Għal żmienna, Ġeħova ddetermina li “l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata.” Ħadd ma jistaʼ jwaqqaf dan milli jiġri.​—Atti 5:​40, 42.

21. (a) Kif jaġixxu xi wħud li jopponuna llum? (b) Dwar xiex aħna fiduċjużi?

21 Xi mexxejja reliġjużi u politiċi jipprovaw jużaw il-​gideb u l-​vjolenza sabiex iwaqqfuna. Madankollu, bħalma Ġeħova pproteġa lil David spiritwalment, bl-​istess mod se jipproteġi lill-​poplu Tiegħu llum. (Malakija 3:6) Għalhekk, bħal David, aħna b’fiduċja ngħidu: “F’Alla nitma, m’għandix għax nibżaʼ; x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 56:12 [56:​11, NW]; 121:​1-8; Rumani 8:​31) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, jalla nkomplu niffaċċjaw l-​isfidi kollha hekk kif inwettqu l-​inkarigu li tana Alla biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil nies tal-​ġnus kollha.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​kaxxa “Sens Kbir taʼ Sodisfazzjon Persunali,” f’paġna 22.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tiftakar?

• Aħna għala nadattaw il-​metodi tagħna taʼ l-​ippridkar skond iċ-​ċirkustanzi?

• Għal liema opportunitajiet infetaħ “bieb kbir”?

• X’qiegħed jitwettaq permezz tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna, anki f’territorji fejn ma tantx ikun hemm min iwieġeb b’mod favorevoli?

• Għala ħadd minn dawk li jopponuna ma jistaʼ jwaqqaf l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna?

[Kaxxa f’paġna 22]

Sens Kbir taʼ Sodisfazzjon Persunali

“Ferħanin u jgawdu s-​servizz tagħhom lil Ġeħova flimkien.” Dan jiddeskrivi familja li minn Spanja marret toqgħod il-​Bolivja. Iben minn din il-​familja mar hemmhekk biex jgħin grupp li kien maqtugħ għalih waħdu. Il-​ġenituri tiegħu tant impressjonaw ruħhom bil-​ferħ li kien juri binhom li l-​familja kollha​—fosthom erbaʼ subien li kellhom bejn l-​14 u l-​25 sena—ma damitx ma marret taqdi hemmhekk. Tlieta mis-​subien qed jaqdu bħala pijunieri, u l-​iben li witta t-​triq għalihom dan l-​aħħar attenda l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali.

“L-​isfidi huma ħafna,” tgħid Angelica, li għandha 30 sena, mill-​Kanada, u li taqdi fl-​Ewropa tal-​Lvant, “imma nħossni sodisfatta mill-​fatt li ngħin lin-​nies fil-​ministeru. Il-​kummenti t’apprezzament mix-​Xhieda lokali li spiss jirringrazzjawni talli mort ngħinhom imissuli qalbi wkoll.”

“Tant kien hemm drawwiet differenti li ridna nidraw,” jgħidu żewġ aħwa mid-​demm mill-​Istati Uniti li għandhom qrib it-​30 sena u li jaqdu fir-​Repubblika Dominikana. “Madankollu, aħna komplejna nistinkaw fl-​inkarigu tagħna, u sebgħa mill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna issa qed jattendu l-​laqgħat.” Dawn iż-​żewġ aħwa servew taʼ għodda biex jiġi organizzat grupp taʼ pubblikaturi tas-​Saltna f’belt fejn ma kien hemm ebda kongregazzjoni.

Laura, oħt li għandha qrib it-​30 sena, ilha taqdi barra minn pajjiżha għal iktar minn erbaʼ snin. Hi tgħid: “Minn jeddi għażilt li nżomm ħajti sempliċi. Dan jgħin lill-​pubblikaturi jaraw li l-​fatt li tgħix bi ftit hija kwistjoni taʼ għażla u taʼ moħħ f’loku, mhux taʼ faqar. L-​għajnuna li stajt nagħti lil oħrajn, speċjalment liż-​żgħażagħ, għalija kienet sors taʼ ferħ li jpatti għad-​diffikultajiet kbar li jiġu meta taqdi f’art barranija. Is-​servizz tiegħi hawnhekk ma nbiddlu maʼ ebda tip taʼ ħajja oħra, u se nibqaʼ hawn sakemm jippermettili Ġeħova.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 26]

Karatteristiki tal-​Ktejjeb Good News for People of All Nations

Il-​ktejjeb Good News for People of All Nations fih messaġġ taʼ paġna waħda preżentat fi 92 lingwa differenti. Il-​messaġġ huwa miktub b’tali mod li meta jaqrah l-​inkwilin, ikun qisu qed tkellmu int.

Hekk kif tiftaħ il-​qoxra ssib mappa tad-​dinja. Uża din il-​mappa biex tibda tiftiehem maʼ l-​inkwilin. Forsi tistaʼ tipponta lejn il-​pajjiż fejn tgħix u turih li tixtieq tkun taf minfejn hu. B’dan il-​mod, tistaʼ tgħinu jikkomunika miegħek u toħloq atmosfera rilassata u taʼ ħbiberija.

Id-​daħla tal-​ktieb tagħti lista taʼ diversi passi li għandna nieħdu sabiex inkunu effettivi meta ngħinu lil dawk li jitkellmu lingwa li m’aħniex familjari magħha. Jekk jogħġbok, aqra dawn il-​passi sew u applikahom bir-​reqqa kemm jistaʼ jkun.

Il-​werrej ma jurix biss il-​lingwi imma wkoll is-​simboli tal-​lingwi. Din il-​karatteristika tgħinek tagħraf is-​simboli tal-​lingwa li jkunu stampati fuq il-​fuljetti tagħna u pubblikazzjonijiet oħrajn b’lingwi differenti.

[Stampa]

Qiegħed tużah dan il-​ktejjeb fil-​ministeru?

[Stampi f’paġna 23]

Il-​pubblikazzjonijiet Bibliċi tagħna issa huma disponibbli f’iktar minn 400 lingwa

IL-​GANA

LAPLAND (SVEZJA)

IL-​FILIPPINI

[Stampi f’paġna 24, 25]

Tistaʼ taqdi fejn hemm iktar ħtieġa għal proklamaturi tas-​Saltna?

EKWADOR

REPUBBLIKA DOMINIKANA

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja