Nippreżentaw L-Aħbar Tajba B’Sens T’Urġenza
1 Aħna nuru l-apprezzament profond tagħna lejn il-wegħdi t’Alla dwar is-Saltna billi nieħdu sehem b’qalb sħiħa fil-ministeru Kristjan. Hemm bżonn li nipparteċipaw f’dan ix-xogħol b’sens t’urġenza. Għala? Għaliex il-ħaddiema huma ftit, it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar t’affarijiet qiegħed joqrob, u hemm involuti l-ħajjiet taʼ dawk fit-territorju tagħna. (Eżek. 3:19; Matt. 9:37, 38) Responsabbiltà kbira bħal din titlob minna l-aħjar sforz fil-ministeru. Kif nistgħu nuru sens t’urġenza rigward l-attività tagħna fis-servizz taʼ l-għalqa? Billi nippreparaw preżentazzjonijiet tajbin minn qabel, billi nkunu diliġenti f’li nfittxu n-nies kulfejn jistgħu jinstabu, billi nżommu rekord eżatt taʼ dawk kollha li juru interess billi mmorru lura fil-pront biex inkomplu nibnu fuq dak l-interess, u billi niftakru li, peress li hemm il-ħajjiet involuti, għandna nieħdu l-ministeru tagħna bis-serjetà. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jkunu t’għajnuna hekk kif nippreparaw biex nippreżentaw l-aħbar tajba b’sens t’urġenza matul Frar. L-offerta se tkun il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex.
2 Jistaʼ jirnexxilek tibda konversazzjoni billi ssemmi fil-qosor xi problemi li l-komunità lokali qiegħda tiffaċċja, u mbagħad tistaʼ tgħid:
◼ “Kif taħseb int li dawn għandhom jeffettwawna bħala Kristjani? Il-Bibbja tgħidilna biex nimitaw l-eżempju stabbilit mill-aqwa bniedem tad-dinja. Għal min taħseb li qegħdin nirreferu?” Ħalli ħin għal tweġiba. Mur fil-Werrej tal-ktieb L-Aqwa Bniedem u aqra paragrafi 1 u 4. Staqsi lill-inkwilin jekk jaqbilx li Ġesù kien l-aqwa bniedem li qatt għex. Imbagħad, mur fit-titlu “Ibbenefika Billi Titgħallem Dwaru” u aqra l-ewwel paragrafu. Jekk l-inkwilin juri l-interess, jistaʼ jkun xieraq li tfittex u taqra Ebrej 12:2, 3. Offri l-ktieb. Jekk l-inkwilin jistaqsi dwar il-ħlas, kun ċert li tispjega li x-xogħol tagħna huwa appoġġjat minn donazzjonijiet minn madwar id-dinja. Irranġa ħin konvenjenti biex terġaʼ tmur ħalli tkompli d-diskursata.
3 Tistaʼ tkompli d-diskussjoni taʼ l-aħħar darba fuq Ebrej 12:2, 3 b’din il-preżentazzjoni qasira:
◼ “Fl-aħħar żjara tiegħi, tkellimna dwar Ġesù bħala li hu l-aqwa bniedem li qatt għex. Tiftakar li qrajna flimkien Ebrej 12:2, 3? X’taħseb jekk nerġgħu naqraw dawk il-versi mill-ġdid? [Aqra] Innotajt li l-appostlu Pawlu stedinna biex ‘nikkunsidraw mill-qrib’ il-ħajja taʼ Ġesù? Dan il-ktieb ikopri l-ġrajjiet kbar kollha fil-ħajja taʼ Ġesù. Ħalli nurik kif nistgħu niksbu l-iktar benefiċċju minn dan il-ktieb.” Mur f’Kapitlu 1. Aqra l-mistoqsijiet fl-aħħar tal-kapitlu u uri kif jistgħu jinstabu t-tweġibiet billi wieħed jaqra l-kapitlu u jfittex l-iskritturi ċċitati. Offri li terġaʼ tmur il-ġimgħa d-dieħla biex tiddiskuti l-kapitlu li jmiss u b’hekk tibda studju tal-Bibbja fid-dar.
4 Peress li ħafna huma mħassbin dwar il-problemi li dejjem jikbru u li qiegħda tiffaċċja l-umanità in ġenerali, tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk fl-ewwel żjara:
◼ “Kulmin niltaqaʼ miegħu hu mħasseb dwar il-problemi li niffaċċjaw fil-komunità tagħna. [Semmi xi ftit.] Għal għexur taʼ snin il-politikanti wegħdu li jġibu soluzzjonijiet permanenti, u xi wħud ipprovaw jagħmlu hekk. Min taħseb li jistaʼ jipprovdi soluzzjoni li tirnexxi għal dawn il-problemi? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Ikunu kemm ikunu sinċieri dawn in-nies, ħadd minnhom ma jistaʼ joffri t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, hux tassew? Madankollu innota jekk jogħġbok x’jintqal fi Ġwann 17:3. [Aqra] Qatt ikkunsidrajt kif Ġesù wera l-qawwa tiegħu meta kien fuq l-art?” Mur f’kapitlu 23 u semmi fil-qosor xi ftit mill-mirakli taʼ Ġesù. Jekk jidher li hemm interess ġenwin, offri l-ktieb, u irranġa biex terġaʼ tmur ħalli turi kif Ġesù kapaċi jsolvi problemi oħrajn li jeffettwaw lill-umanità llum.
5 Jekk wegħedt li terġaʼ tmur biex tispjega kif Alla se jsolvi l-problemi tal-lum, tistaʼ tipprova dan il-mod:
◼ “Għamilt sforz speċjali biex nerġaʼ niġi sabiex inkunu nistgħu nkomplu d-diskussjoni tagħna dwar is-soluzzjoni vera għall-problemi li l-umanità qiegħda tiffaċċja. Fl-aħħar żjara tiegħi, rajna li Ġesù kellu l-abbiltà li jfejjaq kull tip taʼ mard. Issa jekk jogħġbok innota x’tgħid il-Bibbja dwar l-istat taʼ ħakma tiegħu bħala sultan.” Aqra u spjega Isaija 9:6, 7 u Rivelazzjoni 21:3, 4. Billi tuża kapitlu addattat fil-ktieb L-Aqwa Bniedem jew billi turi l-istampa f’paġni 4-5 tal-ktieb Għarfien, uri kif se jkunu l-kundizzjonijiet taħt l-istat taʼ ħakma taʼ Kristu. Offri studju tal-Bibbja u ipprova ibdieh dak il-ħin stess.
6 B’tant nies interessati fl-ambjent, tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk biex tibda diskursata:
◼ “Sibna li kważi kulħadd imħasseb dwar it-tniġġis taʼ l-arja, l-ilma, u l-ikel li nieħdu. F’xi pajjiżi l-qagħda taʼ l-ambjent diġà hi taʼ periklu għall-ħajja. Peress li Alla hu l-Ħallieq taʼ l-art, x’taħseb int li se jagħmel dwar dan? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Il-Bibbja tgħid li Alla se jitlob rendikont għall-mod taʼ kif aħna nużaw il-pjaneta. [Aqra Rivelazzjoni 11:18b.] Immaġina li tgħix fuq art li hi ħielsa mit-tniġġis!” Iġbed l-attenzjoni lejn il-wegħda t’Alla għal Ġenna, kif indikat f’Rivelazzjoni 21:3, 4. Uri l-istampa f’kapitlu 133 tal-ktieb L-Aqwa Bniedem. Jekk l-ammont taʼ interess jitlob dan, offri l-ktieb u irranġa biex terġaʼ tmur. Agħti opportunità lill-persuna biex tagħmel donazzjoni jekk tistaqsik kif jiġi appoġġjat ix-xogħol tagħna madwar id-dinja.
7 Meta tmur lura għand xi ħadd li wera interess fl-art magħmula ġenna, tistaʼ tgħid:
◼ “Fl-aħħar żjara tiegħi, qbilna li, biex tissolva l-problema taʼ l-art imniġġsa, Alla jkollu jindaħal fil-kwistjonijiet tal-bniedem. Imma tqum il-mistoqsija, X’irridu nagħmlu biex nibqgħu ħajjin għal ġod-dinja ġdida taʼ tjieba li se jagħmel Alla?” Aqra Ġwann 17:3. Uri kif il-ktieb L-Aqwa Bniedem jgħin lil nies taʼ qalb onesta biex isiru jafu lil Alla u lil Ġesù Kristu. Stieden lill-inkwilin biex japprofitta ruħu mill-kors b’xejn tagħna taʼ studju mill-Bibbja biex jikseb dan l-għarfien speċjali.
8 Ftakar li għalkemm li noffru l-ktieb L-Aqwa Bniedem jistaʼ tabilħaqq jattira l-interess taʼ ħafna nies, m’huwiex maħsub li nistudjaw dan il-ktieb. Il-mira tagħna għadha li nistabbilixxu studji tal-Bibbja fid-dar fil-ktieb bażiku tagħna Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Kemm hu taʼ privileġġ li nintużaw bħala ħaddiema tal-ħsad fi żmienna u li nagħmlu xogħol taʼ ppridkar li jsalva l-ħajjiet! Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu biżlin f’li nippreżentaw l-aħbar tajba b’sens t’urġenza, ‘billi nafu li l-ħidma tagħna m’hijiex għalxejn.’—1 Kor. 15:58.