Jehovah Jagħti Qawwa Iktar Min-normal
1 Privileġġ prezzjuż tas-servizz sagru—il-ministeru Kristjan—ġie fdat lid-dixxipli kollha taʼ Ġesù. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Imma l-imperfezzjoni umana u l-pressjonijiet taʼ din is-sistema taʼ affarijiet xi kultant jistgħu jġagħluna nqisu lilna nfusna bħala xi ftit inadegwati.
2 Meta jiġri hekk nistgħu nsibu faraġ fl-ittra taʼ l-appostlu Pawlu lill-Kristjani midlukin f’Korintu. Hu kiteb: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar.” (2 Kor. 4:7) Pawlu kien fiduċjuż: “Ladarba . . . għandna dan il-ministeru, ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:1) Veru, hija sfida għal kull wieħed u waħda minna, kemm jekk mill-midlukin u kemm jekk min-“nagħaġ oħra,” li nibqgħu niddikjaraw l-aħbar tajba u “ma naqtgħux qalbna.” Għandna bżonn is-saħħa mingħand Alla, li jipprovdi “l-qawwa iktar min-normal.”—Ġw. 10:16; 2 Kor. 4:7b, New World Translation.
3 Inkuraġġanti huwa l-fatt li ħafna Xhieda huma evanġelizzaturi żelużi minkejja li jkollhom jiffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa, problemi serji tas-saħħa, jew finanzi limitati. Ilkoll kemm aħna rridu nirrealizzaw li l-inkarigu tagħna biex nippridkaw għandu l-approvazzjoni taʼ Jehovah. Minflok ma nħallu l-iskuraġġiment jew il-biżaʼ jdgħajfu d-determinazzjoni tagħna li nippridkaw, ejjew ‘inkomplu nitwettqu fil-Mulej u nissaħħu bil-qawwa tiegħu.’—Efes. 6:10; Prov. 24:10.
4 Kif Tikseb il-Qawwa taʼ Alla: Ippersevera fit-talb, billi titlob lil Alla għall-għajnuna u s-saħħa. (Rum. 12:12; Flp. 4:6, 7) Imbagħad, b’qalbek kollha, afda f’Jehovah biex jipprovdilek qawwa iktar min-normal. (Prov. 3:5) Aqra l-esperjenzi taʼ żmienna fir-rivisti tagħna, għaliex dawn jagħtu evidenza li llum Jehovah qiegħed jgħin lill-qaddejja tiegħu jissaportu l-provi. Żomm qrib taʼ l-aħwa fil-kongregazzjoni, u tabbandunax il-laqgħat tal-kongregazzjoni.—Rum. 1:11, 12; Lhud 10:24, 25.
5 Jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex inkunu f’qagħda li nirċievu l-qawwa taʼ Jehovah—qawwa li hija iktar min-normal u li se tgħinna ma naqtgħux qalbna f’dan ix-xogħol mill-iktar importanti taʼ l-ippridkar tas-Saltna.