Uri Rispett għall-Post taʼ Qima taʼ Jehovah
1 Meta nkunu mistednin għand xi ħadd, nuru rispett għall-propjetà taʼ dik il-persuna, billi ma nagħmlu xejn li jġib il-ħsara, u ma nfixklux ir-rutina u l-ordni taʼ dawk fid-dar. Kemm iktar għandu jkun dan meta nkunu l-mistednin taʼ Jehovah! Aħna għandna nkunu nafu kif inġibu ruħna fid-dar tiegħu. (Salm 15:1; 1 Tim. 3:15) Sew jekk il-laqgħa Kristjana tagħna tinżamm fis-Sala tas-Saltna, f’dar privata, jew f’post pubbliku, il-maġġuranza l-kbira minna dejjem nuru rispett għall-post tagħna taʼ qima bħallikieku hu d-dar taʼ Jehovah, li “sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!”—Salm 148:13.
2 Xi aħwa juru nuqqas taʼ rispett fil-laqgħat billi jagħmlu l-istorbju jew jaġixxu b’tali mod li donnha l-informazzjoni ppreżentata m’hijiex importanti. Xi adulti joqogħdu jpaċpċu bla bżonn fl-intrata, f’xi kuritur, fit-toilet, jew barra s-Sala tas-Saltna waqt li l-laqgħa tkun għaddejja. Meta tifel imfarfar jitħalla jieħu ħsieb lil xi ħadd iżgħar, xi drabi t-tnejn li huma jibdew jilagħbu u ftit li xejn jibbenefikaw mill-programm. Xi żgħażagħ intlemħu barra s-Sala tas-Saltna wara l-laqgħat, jilagħbu, jagħmlu partita storbju, saħansitra jagħmlu taʼ bir-ruħhom li qed jilagħbu l-karatè. F’xi każi huma dejqu lill-ġirien jew fixklu t-traffiku fil-post għall-ipparkjar jew fit-triq.
3 Kif Tevita li ma Turix Rispett: Jekk ikollna apprezzament lejn id-dinjità u l-qdusija tal-qima tagħna, bla dubju m’aħniex se nkunu rridu nfixklu lil oħrajn billi nfesfsu, nieklu, nomogħdu ċ-chewing gum, inħaxwxu l-karti, noqogħdu ġejjin u sejrin bla bżonn it-toilet, jew kull darba naslu tard għal-laqgħat. Ġenituri li għandhom rispett u apprezzament ma jħallux lit-tfal tagħhom iħammġu t-tapit, it-tapizzerija, jew il-ħitan tas-Sala tas-Saltna jew tad-dar li fiha jinżamm l-istudju tal-ktieb. U bla ebda dubju lkoll kemm aħna naqblu li ma hemm ebda lok għal kwalunkwe xorta taʼ kondotta indiċenti, kliem iblah, jew ċajt oxxen fil-laqgħat tagħna.—Efes. 5:4.
4 Jekk dejjem niftakru l-iskop tal-laqgħat Kristjani tagħna, se nkunu ċerti li kemm aħna kif ukoll uliedna se nuru r-rispett li jixraq lejn il-qima taʼ Jehovah fil-post fejn aħna ‘għażilna li nieqfu.’—Salm 84:10, NW.