Tfal—Intom il-Ferħ Tagħna!
1 Tfal subjien u bniet, familjari intom mal-kmand taʼ Jehovah li tiġu inklużi fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni? (Dt. 31:12; Salm 127:3) Iġibilna ferħ li jkollna lilkom maʼ ġenbna fil-waqt li nqimu lil Jehovah flimkien! Intom tqanqlulna qlubna meta toqogħdu bil-qiegħda kwieti fil-laqgħat u tagħtu widen bl-attenzjoni. Nithennew speċjalment meta tipprovaw tikkummentaw fi kliemkom stess. Il-kongregazzjoni kollha tieħu pjaċir meta tippreżentaw il-partijiet assenjati lilkom fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, meta bil-ħerqa tingħaqdu magħna fis-servizz taʼ l-għalqa, u meta nisimgħu li bi qlubija tagħtu xiehda lil sħabkom taʼ l-iskola u lill-għalliema.—Salm 148:12, 13.
2 Irridukom tkunu tafu li aħna kburin bikom meta naraw il-manjieri tajbin tagħkom, id-dehra pulita tagħkom, il-kondotta nadifa tagħkom, u r-rispett tagħkom lejn l-adulti. Nifirħu bil-wisq iktar meta turu li intom qegħdin ‘tiftakru f’min ħalaqkom’ billi tpoġġu miri teokratiċi għalikom infuskom.—Koħ. 12:1; Salm 110:3, Saydon.
3 Għidulna bil-Miri Tagħkom: Tifel taʼ tmien snin qal lil indokratur tad-distrett: ‘L-ewwel nixtieq nitgħammed, imbagħad nixtieq naqdi fil-kongregazzjoni billi ngħin fis-sound u ngħaddi l-mikrofoni, inkun attendant, ngħin fil-kamra tal-letteratura, u naqra fl-istudji tal-ktieb u fl-Istudji tat-Torri taʼ l-Għassa. Imbagħad nixtieq insir qaddej ministerjali, u wara anzjan. Nixtieq ukoll insir pijunier u mmur l-iskola tal-pijunieri. Imbagħad nixtieq immur Betel, insir indokratur tas-circuit jew tad-distrett.’ X’apprezzament mill-aħjar wera għall-privileġġ li jaqdi lil Alla!
4 Waqt li tipprogressaw fiżikament u spiritwalment, aħna nifirħu meta narawkom tilħqu l-miri tagħkom. (Qabbel Luqa 2:52.) Kull sena, eluf minnkom isiru pubblikaturi mhux mgħammdin u mbagħad jikkwalifikaw għall-magħmudija bħala qaddejja dedikati taʼ Jehovah. Il-ferħ tagħna jikber meta mbagħad narawkom tirsistu biex issiru pijunieri awżiljarji u saħansitra tidħlu fis-servizz full-time. Tassew, tfal, intom il-ferħ tagħna u sors meraviljuż taʼ tifħir lil Missierna tas-sema. Jalla Jehovah jberikkom bil-kbir!—Prov. 23:24, 25.