Ir-Riżoluzzjoni Tagħna—Li Nsusu wara l-Mod taʼ Ħajja taʼ Jehovah
1 Fil-konvenzjonijiet “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” spikkat ir-riżoluzzjoni li ġiet adottata fl-aħħar taħdita. Din bdiet bl-istqarrija: “Aħna . . . b’qalbna kollha naqblu li l-mod t’Alla huwa l-aqwa mod taʼ ħajja.” Ftakar xi ftit punti importanti minn din ir-riżoluzzjoni li għalihom għedna, “IVA!”
2 Aħna riżoluti li nibqgħu nodfa quddiem Jehovah, u bla tebgħa mid-dinja. Se nkomplu npoġġu r-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajjitna. Billi nużaw il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, bħala l-gwida tagħna, m’aħniex se niżvijaw lejn il-lemin jew ix-xellug, u b’hekk nikkonfermaw li l-mod t’Alla huwa bil-wisq iktar superjuri għall-mod tad-dinja.
3 Fil-biċċa l-kbira, id-dinja ma tagħtix kas tal-mod taʼ ħajja t’Alla u taħsad il-konsegwenzi. (Ġer. 10:23) Għalhekk, għandna nkomplu nitgħallmu mill-Istruttur il-Kbir tagħna, Jehovah, li jgħid: “Din hi t-triq; għaddi minnha.” (Is. 30:21) Il-mod taʼ ħajja taʼ Jehovah, kif turina l-Iskrittura, huwa superjuri fi kwalunkwe aspett. Sabiex insusu wara dan il-mod, bilfors irridu nieħdu vantaġġ sħiħ minn dak kollu li jgħallimna Jehovah.
4 Il-Programm Superjuri taʼ Tagħlim taʼ Jehovah: Jehovah jgħallimna l-iskop veru tal-ħajja u kif nistgħu nużaw ħajjitna bl-aħjar mod. Jgħallimna kif intejbu l-kwalità taʼ ħajjitna mentalment, moralment, u spiritwalment. Jgħallimna kif ngħixu fil-paċi maʼ ħutna, mal-familja tagħna, u mal-proxxmu tagħna. Dan jagħmlu permezz tal-manwâl tiegħu, il-Bibbja, u permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu.
5 Il-laqgħat tagħna tal-kongregazzjoni huma importanti wisq f’dan ir-rigward. Hekk kif nattendu u nipparteċipaw regolarment fil-ħames laqgħat kollha, aħna nirċievu taħriġ komprensiv bħala ministri taʼ l-aħbar tajba u edukazzjoni bbilanċjata sew dwar l-għajxien Kristjan. (2 Tim. 3:16, 17) L-Istruttur Grandjuż tagħna jkompli jipprovdilna edukazzjoni teokratika permezz t’assembleat u konvenzjonijiet. Il-mira tagħna għandha tkun li qatt ma nitilfu xi laqgħa jew xi sessjoni jekk saħħitna u ċ-ċirkustanzi tagħna jippermettulna li nattendu.
6 Jalla nkomplu nsusu bir-reqqa wara l-mod taʼ ħajja t’Alla fil-jiem li ġejjin, billi dan kollu nagħmluh għat-tifħir taʼ Jehovah u għall-benefiċċju dejjiemi tagħna!—Is. 48:17.