LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 2/00 pp. 3-6
  • Nippridkaw l-Aħbar Tajba b’Konvinzjoni Qawwija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nippridkaw l-Aħbar Tajba b’Konvinzjoni Qawwija
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Materjal Simili
  • Esprimi Konvinzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Ieqfu Sħaħ b’Konvinzjoni Soda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kun Konvint li Għandek il-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Sila—Sors taʼ Inkuraġġiment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2000
km 2/00 pp. 3-6

Nippridkaw l-​Aħbar Tajba b’Konvinzjoni Qawwija

1 Kmieni fl-​ewwel seklu, Ġesù Kristu inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u ‘jagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.’ (Mt. 24:14; 28:​19, 20) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ħadu l-​istruzzjoni tiegħu bis-​serjetà, u huwa għalhekk li sa tmiem is-​seklu 20, il-​fratellanza Kristjana tagħna żdiedet għal iktar minn 5,900,000 dixxiplu f’234 art. Kemm huwa tifħir qawwi dan għal Missierna tas-​sema!

2 Issa dħalna fis-​seklu 21. L-​Avversarju tagħna qed jipprova jindaħal bil-​moħbi fix-​xogħol prinċipali tagħna li nippridkaw is-​Saltna u nagħmlu dixxipli. Hu juża pressjonijiet minn din is-​sistema t’affarijiet sabiex jipprova jiżvija l-​attenzjoni tagħna, jaħlilna l-​ħin, u jixorbilna l-​enerġiji tagħna b’ħafna ħsibijiet u interessi mhux essenzjali. Minflok ma nħallu lil din is-​sistema tgħidilna x’inhu importanti fil-​ħajja, aħna nagħtu prova lilna nfusna mill-​Kelma t’Alla x’inhi l-​aqwa ħaġa—li nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. (Rum. 12:2) Dan ifisser li nobdu t-​twissija Skritturali biex ‘inxandru l-​kelma f’waqtu u barra minn waqtu u biex naqdu sewwa l-​ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:2, 5.

3 Żviluppa Konvinzjoni Soda: Il-​Kristjani jridu ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-​rieda kollha t’Alla.’ (Kol. 4:​12, NW) Il-​kelma “konvinzjoni” hi definita bħala “persważjoni soda jew twemmin sod; l-​istat taʼ li tkun konvint.” Bħala Kristjani rridu nkunu konvinti li l-​kelma profetika t’Alla hi taʼ min joqgħod fuqha u li issa qegħdin ’il ġewwa sew fiż-​żmien taʼ l-​aħħar. Irid ikollna twemmin sod sewwa sew bħal dak taʼ l-​appostlu Pawlu, li qal li l-​aħbar tajba hi “qawwa taʼ Alla għas-​salvazzjoni taʼ dawk kollha li jemmnu.”—Rum. 1:16.

4 Sabiex jinfluwenzaw u jqarrqu b’oħrajn, ix-​Xitan juża nies mill-​agħar u imposturi, li huma stess huma mqarrqin. (2 Tim. 3:13) Billi ġejna mwissijin minn qabel dwar dan, aħna nistgħu nieħdu passi biex insaħħu l-​konvinzjoni tagħna li tassew għandna l-​verità. Minflok ma nħallu l-​ansjetajiet tal-​ħajja jmewtulna ż-​żelu tagħna, aħna nibqgħu npoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel. (Mt. 6:​33, 34) Lanqas ma rridu ninsew l-​urġenza taż-​żminijiet, forsi billi naħsbu li t-​tmiem taʼ din is-​sistema għadu ’l bogħod. Dan dejjem qed joqrob iktar. (1 Pt. 4:7) Għalkemm nistgħu naħsbu li t-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba ftit li xejn għandu effett f’xi artijiet minħabba x-​xiehda li diġà ngħatat, ix-​xogħol taʼ twissija jrid jibqaʼ jsir.—Eżek. 33:​7-9.

5 Il-​mistoqsijiet fundamentali f’dawn l-​aħħar jiem huma: ‘Nieħu jien bis-​serjetà l-​inkarigu taʼ Ġesù biex nagħmel dixxipli? Meta nippriedka l-​aħbar tajba, nuri jien konvinzjoni soda li s-​Saltna hija realtà? Determinat jien li nieħu sehem kbir kemm jistaʼ jkun f’dan il-​ministeru li jsalva l-​ħajja?’ Billi nirrealizzaw kemm wasalna fi stadju avanzat taʼ l-​aħħar żminijiet, aħna rridu noqogħdu attenti għalina nfusna u għall-​inkarigu tagħna taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim. Billi nagħmlu hekk se nsalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna. (1 Tim. 4:16) Kif nistgħu lkoll insaħħu l-​konvinzjoni tagħna bħala ministri?

6 Imita lit-​Tessalonikin: L-​appostlu Pawlu, biex jerġaʼ jfakkar ix-​xogħol iebes taʼ l-​aħwa ġewwa Tessalonika, qalilhom: “L-​Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-​kliem, imma wkoll bil-​qawwa, bl-​Ispirtu s-​Santu u b’persważjoni sħiħa [“b’konvinzjoni qawwija,” “NW”]; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-​ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-​Mulej, billi lqajtu l-​kelma fost ħafna taħbit bil-​ferħ taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Korsiv tagħna.) (1 Tess. 1:​5, 6) Iva, Pawlu faħħar lill-​kongregazzjoni tat-​Tessalonikin għax minkejja ħafna tribulazzjoni huma ppridkaw b’żelu u b’konvinzjoni qawwija. X’għenhom biex jagħmlu dan? Fil-​biċċa l-​kbira, iż-​żelu u l-​konvinzjoni li kienu raw f’Pawlu u f’ħaddiema sħabu kellhom effett pożittiv fuqhom. Kif?

7 Il-​ħajjiet infushom taʼ Pawlu u taʼ sħabu li vvjaġġaw miegħu taw prova li huma kellhom l-​ispirtu t’Alla fuqhom u li kienu jemmnu b’qalbhom kollha f’dak li kienu jippridkaw. Qabel ma marru ġewwa Tessalonika, Pawlu u Sila kienu ġew trattati b’mod insolenti ġewwa Filippi. Mingħajr m’għaddew xi ġuri, huma ġew imsawtin, mitfugħin il-​ħabs, u saqajhom ġew maqfulin fiċ-​ċippijiet. Madankollu, din l-​esperjenza diffiċli ma mewtitx iż-​żelu tagħhom għall-​aħbar tajba. Il-​ħelsien tagħhom ġie effettwat permezz taʼ intervent divin, li wassal biex il-​ħabsi u n-​nies taʼ daru jikkonvertu, u għamilha possibbli biex dawn l-​aħwa jkomplu bil-​ministeru tagħhom.—Atti 16:​19-34.

8 Bis-​saħħa taʼ l-​ispirtu t’Alla, Pawlu wasal ġewwa Tessalonika. Hemmhekk hu ħadem biex jikseb in-​neċessitajiet tiegħu stess u mbagħad intefaʼ bis-​sħiħ fuq li jgħallem il-​verità lit-​Tessalonikin. Hu ma żammx lura milli jiddikjara l-​aħbar tajba f’kull opportunità. (1 Tess. 2:9) Il-​fatt li Pawlu ppriedka b’konvinzjoni qawwija, tant kellu effett qawwi fuq in-​nies tal-​lokal li xi wħud minnhom abbandunaw il-​qima idolatruża li kellhom qabel u saru qaddejja tal-​veru Alla, Jehovah.—1 Tess. 1:​8-10.

9 Il-​persekuzzjoni ma żammitx lill-​kredenti ġodda milli jippridkaw l-​aħbar tajba. Imqanqlin mill-​fidi ġdida li sabu u bil-​konvinzjoni sħiħa li se jkollhom barkiet dejjiema, it-​Tessalonikin ġew imqanqlin jipproklamaw il-​verità li kienu ħaddnu b’entużjażmu kbir. Tant kienet saret attiva dik il-​kongregazzjoni, li l-​aħbar tal-​fidi u taż-​żelu tagħhom inxterdet lejn partijiet oħrajn tal-​Maċedonja u saħansitra ġewwa l-​Akaja. Għaldaqstant, meta Pawlu kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lit-​Tessalonikin, ix-​xogħlijiet tajbin tagħhom diġà kienu magħrufin sew. (1 Tess. 1:7) X’eżempju taʼ l-​għaġeb!

10 Motivati mill-​Imħabba għal Alla u għan-​Nies: Kif nistgħu aħna, bħat-​Tessalonikin, inżommu konvinzjoni persunali qawwija meta nippridkaw l-​aħbar tajba llum? Dwarhom, Pawlu kiteb: “Niftakru fil-​ħidma li hi ġejja mill-​fidi tagħkom u fit-​taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom.” (Korsiv tagħna.) (1 Tess. 1:3) Huwa ovvju li dawn kellhom imħabba profonda u sinċiera għal Alla Jehovah u għan-​nies li kienu jippridkawlhom. Kienet din l-​istess imħabba li qanqlet lil Pawlu u lil sħabu biex jagħtu lit-​Tessalonikin ‘mhux biss l-​Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjithom stess.’—1 Tess. 2:8.

11 B’mod simili, l-​imħabba profonda tagħna għal Jehovah u għal bnedmin sħabna tqanqalna li nkunu rridu nipparteċipaw bis-​sħiħ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar li Alla tana biex nagħmlu. B’imħabba bħal din, aħna nirrikonoxxu li hija r-​responsabbiltà persunali tagħna mogħtija minn Alla li nxerrdu l-​aħbar tajba. Billi nimmeditaw b’mod pożittiv u b’apprezzament fuq dak kollu li Jehovah għamel għalina sabiex jidderiġina lejn “il-​ħajja vera,” aħna niġu mqanqlin biex ngħidu lil oħrajn l-​istess veritajiet meraviljużi li nemmnuhom b’qalbna kollha.—1 Tim. 6:19.

12 Hekk kif nibqgħu nħabirku fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, l-​imħabba tagħna għal Jehovah u għan-​nies għandha tibqaʼ tikber. Jekk isir hekk, aħna se niġu mqanqlin biex inkattru s-​sehem tagħna fil-​ministeru minn bieb għal bieb u biex insegwu l-​modi l-​oħrajn kollha taʼ xiehda disponibbli għalina. Aħna se nieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali lill-​qraba, lill-​ġirien, u lil dawk kollha li nafu. Għalkemm il-​biċċa l-​kbira tan-​nies għandhom mnejn jiċħdu l-​aħbar tajba li noffru u xi wħud jipprovaw itellfuna milli nipproklamaw is-​Saltna, aħna nesperjenzaw ferħ ġewwieni. Għala? Għax nafu li għamilna l-​aħjar li stajna biex nagħtu xiehda dwar is-​Saltna u biex ngħinu lin-​nies jiksbu s-​salvazzjoni. U Jehovah se jbierek l-​isforzi tagħna biex insibu wħud taʼ qalb retta. Saħansitra meta jiġu fuqna l-​pressjonijiet tal-​ħajja u Satana jipprova jdgħajjef il-​ferħ tagħna, aħna nkunu kapaċi nżommu l-​konvinzjoni qawwija tagħna u ż-​żelu tagħna f’li nagħtu xiehda lil oħrajn. Meta lkoll kemm aħna nagħmlu l-​parti tagħna, dan jirriżulta f’kongregazzjonijiet b’saħħithom u żelużi bħal dik ġewwa Tessalonika.

13 Qatt Taqtaʼ Qalbek taħt xi Prova: Il-​konvinzjoni hija bżonnjuża wkoll meta niltaqgħu maʼ diversi provi. (1 Pt. 1:​6, 7) Ġesù għamilha ċara lid-​dixxipli tiegħu li jekk kienu se jsegwuh, il-​‘ġnus kollha kienu se jsiru jobogħduhom.’ (Mt. 24:9) Pawlu u Sila esperjenzawh dan meta kienu ġewwa Filippi. Ir-​rakkont f’Atti kapitlu 16 jgħid li Pawlu u Sila ġew mitfugħin ’il ġewwanett fil-​ħabs u saqajhom ġew maqfulin fiċ-​ċippijiet. Ġeneralment, il-​ħabs prinċipali kien speċi taʼ bitħa magħluqa bil-​ħitan jew intrata kbira li madwarha kien ikun hemm iċ-​ċelel li kien fihom ħafna dawl u arja. Madankollu, in-​naħa taʼ ġewwanett tal-​ħabs ma kienx ikollha dawl u ftit li xejn arja. Pawlu u Sila kellhom jissaportu d-​dlam, is-​sħana, u l-​intiena taʼ dak il-​post miżerabbli u iżolat. Tistaʼ timmaġina l-​uġigħ li huma setgħu ħassew waqt li kienu maqfulin fiċ-​ċippijiet għal sigħat sħaħ b’daharhom misluħ u jnixxi d-​demm minħabba l-​ifflaġellar?

14 Minkejja dawn il-​provi, Pawlu u Sila baqgħu leali. Huma wrew konvinzjoni sinċiera, li saħħithom biex jaqdu lil Jehovah minkejja din il-​prova. Il-​konvinzjoni tagħhom hi enfasizzata fil-​vers 25 taʼ kapitlu 16, fejn jgħid li Pawlu u Sila kienu qegħdin “jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-​innijiet.” Fil-​fatt, għalkemm kienu ’l ġewwanett fil-​ħabs, tant kienu konvinti li kellhom l-​approvazzjoni t’Alla li għannew b’leħen għoli biżżejjed li setgħu jisimgħuh il-​priġunieri l-​oħra! Aħna għandu jkollna konvinzjoni simili llum meta niffaċċjaw provi tal-​fidi tagħna.

15 Il-​provi li x-​Xitan jitfaʼ fuqna huma ħafna. Għal xi wħud tistaʼ tkun persekuzzjoni mill-​familja. Ħafna minn ħutna jiffaċċjaw sfidi legali. Nistgħu niltaqgħu m’oppożizzjoni mill-​apostati. Hemm l-​ispejjeż finanzjarji u l-​ansjetà taʼ kif wieħed se jipprovdi l-​għajxien. Iż-​żgħażagħ jiffaċċjaw pressjoni minn dawk taʼ mparhom fl-​iskola. Kif nistgħu niffaċċjaw provi bħal dawn b’suċċess? X’hemm bżonn biex nuru konvinzjoni?

16 Qabel xejn, għandna bżonn inżommu relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Jehovah. Meta Pawlu u Sila kienu fin-​naħa taʼ ġewwanett tal-​ħabs, ma wżawx dak il-​ħin biex jilmentaw dwar is-​sitwazzjoni tagħhom jew biex iħossuhom dispjaċuti għalihom infushom. Huma mill-​ewwel daru lejn Alla bit-​talb u faħħruh b’għanja. Għala? Għax kellhom relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Missierhom tas-​sema. Huma rrealizzaw li kienu qed isofru minħabba t-​tjieba u li s-​salvazzjoni tagħhom kienet qegħda f’idejn Jehovah.—Salm 3:9 [3:​8, NW].

17 Meta llum niffaċċjaw xi provi, aħna wkoll għandna nduru lejn Jehovah. Pawlu jinkuraġġina biex bħala Kristjani ‘nuru lil Alla xi jkollna bżonn, u s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilna qalbna u moħħna sħaħ.’ (Flp. 4:​6, 7) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah mhux se jħallina ngħaddu mill-​provi waħedna! (Is. 41:10) Hu dejjem magħna sakemm naqduh b’konvinzjoni vera.—Salm 46:8 [46:​7, NW].

18 Għajnuna vitali oħra f’li nuru konvinzjoni hi li nibqgħu nħabirku fis-​servizz taʼ Jehovah. (1 Kor. 15:58) Pawlu u Sila ġew mitfugħin il-​ħabs għax kienu jħabirku f’li jippridkaw l-​aħbar tajba. Waqfu huma milli jippridkaw minħabba l-​provi tagħhom? Le, huma baqgħu jippridkaw saħansitra waqt li kienu l-​ħabs, u wara li nħelsu, ivvjaġġaw lejn Tessalonika u marru fis-​sinagoga tal-​Lhud biex ‘jiddiskutu magħhom fuq l-​Iskrittura.’ (Atti 17:​1-3) Meta jkollna persważjoni qawwija jew nemmnu f’Jehovah u nkunu konvinti li għandna l-​verità, xejn ‘ma jistaʼ qatt jifridna mill-​imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.’—Rum. 8:​35-39.

19 Eżempji Moderni taʼ Konvinzjoni Qawwija: Hemm ħafna eżempji taʼ l-​għaġeb taʼ wħud fi żmienna li, bħal Pawlu u Sila, urew konvinzjoni qawwija. Waħda oħt li baqgħet ħajja mill-​kamp tal-​konċentrament taʼ Auschwitz tgħid dwar il-​fidi u l-​konvinzjoni li ma titħarrikx taʼ l-​aħwa hemmhekk. Hi tirrakkonta: “Darba waħda waqt interrogazzjoni, wieħed uffiċjal ġie fuqi bil-​ponn magħfus sew. ‘X’se naqbdu nagħmlu bikom in-​nies?’ hu esklama. ‘Jekk narrestawkom, ma jimpurtakomx. Jekk nibagħtukom il-​ħabs, ma jinteressakom xejn. Jekk nibagħtukom fil-​kamp tal-​konċentrament, ma tinkwetawx. Meta nikkundannawkom għall-​mewt, tibqgħu hemm mingħajr ma tħabblu raskom. X’se naqbdu nagħmlu bikom?’” Kemm hi xi ħaġa li ssaħħaħ il-​fidi meta tara x’fidi kellhom ħutna taħt ċirkustanzi ħorox bħal dawn! Huma b’mod kostanti daru lejn Jehovah għall-​għajnuna biex jissaportu.

20 Żgur li niftakru fil-​konvinzjoni taʼ ħafna minn ħutna meta ffaċċjaw il-​mibegħda etnika li ntweriet fis-​snin reċenti. Minkejja li jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet perikolużi, l-​aħwa responsabbli huma determinati li jaraw li ħuthom qed jiġu mitmugħin spiritwalment. Kollha jibqgħu leali bil-​konvinzjoni qawwija li ‘ebda arma magħmula kontrihom ma tiswa.’—Is. 54:17.

21 Ħafna minn ħutna li għandhom is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ mhux fil-​verità wkoll juru fidi qawwija u sabar. Wieħed ħu fi Gwadalupe ltaqaʼ m’oppożizzjoni qawwija minn martu li ma temminx. Biex tiskuraġġih u tfixklu milli jattendi għal-​laqgħat Kristjani, hi ma kinitx tippreparalu l-​ikel jew taħsillu, tgħaddilu, u ssewwilu ħwejġu. Għamlet perijodu taʼ żmien twil ma tkellmux. Imma billi wera konvinzjoni sinċiera f’li jaqdi lil Jehovah u billi dar lejh bit-​talb għall-​għajnuna, dan il-​ħu kien kapaċi jissaporti dan kollu. Għal kemm żmien? Għal xi 20 sena—wara li mbagħad martu gradwalment kellha bidla f’qalbha. Eventwalment, hu setaʼ verament jifraħ għax hi aċċettat it-​tama tas-​Saltna t’Alla.

22 Fl-​aħħar, ma rridux ninsew il-​konvinzjoni qawwija taʼ ħutna ż-​żgħażagħ li jmorru l-​iskola kuljum u li jkampaw mal-​pressjoni minn dawk taʼ mparhom u maʼ sfidi oħrajn. Rigward il-​pressjoni li kellha fl-​iskola biex taqbel maʼ dawk taʼ mparha, waħda Xhud żagħżugħa stqarret: “Meta tkun l-​iskola, kulħadd jibda jinkuraġġik biex tkun ftit ribelluża. It-​tfal jirrispettawk iktar jekk tagħmel xi ħaġa li jkollha tendenza ribelluża.” Xi pressjoni jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ tagħna! Huma jridu jkunu deċiżi sew f’moħħhom u f’qalbhom sabiex jirreżistu t-​tentazzjoni.

23 Ħafna miż-​żgħażagħ tagħna sejrin tajjeb f’li jżommu l-​integrità tagħhom minkejja xi provi. Eżempju wieħed hu taʼ oħt li tgħix ġewwa Franza. Darba waħda wara l-​brejk, xi subien ipprovaw iġagħluha tbushom, imma hi talbet u rreżistiet b’sodizza, u għalhekk is-​subien telquha waħedha. Iktar tard, wieħed minnhom reġaʼ mar fuqha u qalilha li ammiraha għall-​kuraġġ li kellha. Hi kienet kapaċi tagħtih xiehda tajba dwar is-​Saltna, billi spjegatlu l-​livelli għoljin li Jehovah poġġa għal dawk kollha li jridu jieħdu sehem mill-​barkiet tagħha. Matul is-​sena skolastika, hi spjegat ukoll it-​twemmin tagħha lill-​klassi kollha.

24 Xi privileġġ prezzjuż għandna li nkunu fost dawk li Jehovah jogħġbu juża biex jitkellmu b’konvinzjoni soda dwar ir-​rieda tiegħu! (Kol. 4:12) Iżjed minn hekk, aħna għandna l-​opportunità meraviljuża li nuru li għandna integrità meta niġu attakkati mill-​Avversarju tagħna qisu ljun, Satana x-​Xitan. (1 Pt. 5:​8, 9) Qatt m’għandna ninsew li Jehovah qed juża l-​messaġġ tas-​Saltna biex iġib salvazzjoni kemm għalina li nippridkawh u kemm għal dawk li jisimgħuh. Jalla d-​deċiżjonijiet li nagħmlu u l-​mod taʼ ħajja tagħna taʼ kuljum jagħtu prova li qed inpoġġu s-​Saltna l-​ewwel. Ejja nibqgħu nippridkaw l-​aħbar tajba b’konvinzjoni qawwija!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja