Barkiet Meta Nuru Apprezzament għall-Imħabba taʼ Jehovah—It-Tieni Parti
1 Fil-parti tax-xahar li għadda dwar dan is-suġġett, enfasizzajna erbaʼ modi kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-imħabba taʼ Jehovah fil-ministeru. (1 Ġw. 4:9-11) Issa se nżidu ħames modi oħra biex nagħmlu dan. Meta nagħtu sehem sħiħ f’li ngħinu lil oħrajn spiritwalment niġu mberkin.
2 Permezz taʼ Xiehda Informali: Dan huwa mod effettiv kemm biex insibu lin-nies li huma bil-ġuħ u bl-għatx għat-tajjeb kif ukoll biex inħallu magħhom letteratura li tistaʼ tgħinhom. Huwa xieraq li ‘ngħożżu ż-żmien’ u nagħtu xiehda f’kull okkażjoni maʼ kulmin niltaqgħu. (Efes. 5:16) Jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu l-kuraġġ biex nagħtu xiehda b’dan il-mod, iżda jekk napprezzaw l-imħabba t’Alla u l-bżonnijiet tan-nies, se nagħtu xiehda f’kull opportunità.—2 Tim. 1:7, 8.
3 Wieħed missjunarju ġie mbierek bil-kbir talli qabad konversazzjoni maʼ passiġġier li kien miegħu f’taxi. Ir-raġel wera interess. Saru żjajjar lura, u nbeda studju tal-Bibbja. Dak ir-raġel ġie fil-verità u għamel progress sal-punt li sar anzjan fil-kongregazzjoni!
4 Niktbu l-Ittri: Forsi ma nistgħux immorru minn dar għal dar minħabba xi nuqqas taʼ saħħa fiżika jew minħabba temp kiefer. Nistgħu niktbu l-ittri, nagħtu xiehda fil-qosor bil-posta lil uħud li nafu, lil dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt, jew lil dawk li ma kinux id-dar meta ħdimna t-territorju. Nistgħu ninkludu wieħed mill-fuljetti tagħna, li jkun addattat għalihom u għandu messaġġ mill-Bibbja li jolqot u jqanqal lil dak li jkun biex jikkuntattjana jekk ikollu xi mistoqsijiet. Uża l-indirizz persunali tiegħek jew dak tas-Sala tas-Saltna biex l-inkwilin ikun jistaʼ jikkuntattjana; jekk jogħġbok tużax l-indirizz taʼ l-uffiċċju tas-Soċjetà.
5 Xiehda bit-Telefon: Dan huwa mod ideali kif nilħqu lin-nies li ma nistgħux niltaqgħu magħhom fl-attività tagħna minn dar għal dar. Jekk nagħmlu dan bi prudenza, b’qalb tajba, bit-tattika, u bis-sengħa, jistaʼ jkollna riżultat tajjeb ħafna. Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 2001, f’paġni 5-6, jipprovdi suġġerimenti prattiċi li bihom jistaʼ jkollna l-aħjar riżultati.
6 Meta oħt kienet qed tagħti xiehda bit-telefon, staqsiet lill-mara jekk qatt ħasbet bis-serjetà dwar x’hemm lest fil-futur għaliha u għall-familja tagħha. Il-mara qaltilha li ġieli ħasbet. Stqarret magħha li minħabba n-niket tagħha, hi iżolat lilha nfisha d-dar. Peress li tqanqlet mill-interess ġenwin li wriet l-oħt, il-mara qablet li tiltaqaʼ magħha ħdejn suq fil-qrib. Bħala riżultat, il-mara aċċettat studju tal-Bibbja mill-ewwel!
7 Nagħtu Merħba lill-Istranġieri: Jekk aħna nħobbu lill-għajrna, se noqogħdu attenti li ninnotaw lil kull stranġier li jżurna fil-laqgħat u ngħinuh iħossu milqugħ. (Rum. 15:7) Ħallieh jara li qiegħed fost uħud li huma interessati sinċerament fis-saħħa spiritwali tiegħu. It-tħassib ġenwin u l-offerta tagħna taʼ studju tal-Bibbja persunali jistgħu jqanqluh biex jaċċetta l-għajnuna tagħna.
8 Il-Kondotta Tajba Tagħna: Bil-kondotta tajba tagħna, tidher iktar is-sbuħija tal-verità. (Titu 2:10) Meta wħud fid-dinja jgħidu affarijiet tajbin dwarna bħala x-Xhieda taʼ Jehovah, ikunu qed jagħtu unur lil Alla tagħna. (1 Pt. 2:12) Dan ukoll jistaʼ jgħin lil oħrajn jibdew fit-triq li twassal għall-ħajja.
9 Mela għax ma tirrivedix dawn il-ħames modi kif nuru l-apprezzament tagħna lejn l-imħabba kbira taʼ Jehovah għalina u taġixxi fuqhom? (1 Ġw. 4:16) Hekk kif tagħmel dan se taħsad barkiet kbar.