Il-Fidi Tagħna Tqanqalna għal Għemejjel Tajbin
1 Il-fidi qanqlet lil Noè, lil Mosè, u lil Raħab biex jaġixxu. Noè bena l-arka. Mosè ħalla warajh il-vantaġġi temporanji tal-ħajja fil-palazz tal-Fargħun. Raħab ħbiet l-ispiji u mbagħad obdiet id-direzzjonijiet tagħhom, u b’dan il-mod salvat lill-familja tagħha. (Lhud 11:7, 24-26, 31) Illum il-fidi tagħna liema għemejjel tajbin tqanqalna nagħmlu?
2 L-Għoti taʼ Xiehda: Il-fidi tqanqalna nitkellmu dwar dak Alla tagħna meraviljuż u l-provvedimenti tiegħu biex jagħtina l-ferħ taʼ dejjem. (2 Kor. 4:13) Xi kultant nistgħu nħossuha bi tqila biex nagħtu xiehda. Iżda meta ‘nżommu lil [Jehovah] dejjem quddiemna,’ se nissaħħu u l-biżaʼ jonqos. (Salm 16:8) Imbagħad il-fidi tagħna tqanqalna biex naqsmu l-aħbar tajba mal-qraba, mal-ġirien, maʼ sħabna tax-xogħol, maʼ sħabna taʼ l-iskola, u maʼ oħrajn f’kull okkażjoni xierqa.—Rum. 1:14-16.
3 Niltaqgħu Flimkien: L-attendenza regulari għal-laqgħat hija għemil tajjeb ieħor li jitqanqal mill-fidi. Dan kif? Għaliex turi l-konvinzjoni tagħna li Ġesù jinsab preżenti magħna permezz taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla meta niltaqgħu flimkien fil-laqgħat Kristjani. (Mt. 18:20) Din turi x-xewqa tagħna li ‘nisimgħu x’jgħid l-Ispirtu lill-[kongregazzjonijiet].’ (Apk. 3:6) It-tagħlim li ningħataw niħduh bis-serjetà għaliex l-għajnejn tal-fidi tagħna jagħrfu li l-wieħed li qed jgħallimna hu l-Istruttur Grandjuż tagħna, Jehovah.—Is. 30:20.
4 L-Għażliet li Nagħmlu: Konvinzjoni qawwija mill-affarijiet reali li ma narawx tqanqalna biex f’ħajjitna nagħtu prijorità lill-affarijiet spiritwali. (Lhud 11:1) Dan spiss jirrikjedi li nissagrifikaw affarijiet materjali. Per eżempju, anzjan irrifjuta li jaċċetta pożizzjoni ogħla fix-xogħol sekulari tiegħu li kienet se tħalli qligħ tajjeb għaliex dan kien se jġagħlu jitlef il-laqgħat, ikun ’il bogħod mill-familja, u jieqaf milli jaqdi bħala pijunier. Jalla bl-istess mod inqiegħdu fiduċja sħiħa f’dak li tiżgurana l-Bibbja li Jehovah se jipprovdi għal dawk li ‘jfittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.’—Mt. 6:33.
5 L-effett qawwi li l-fidi tħalli f’ħajjitna jiġi notat minn oħrajn. Verament, il-fidi tagħna hija magħrufa madwar id-dinja kollha. (Rum. 1:8) Għalhekk, jalla lkoll kemm aħna nuru bl-għemejjel tajbin li l-fidi tagħna hija ħajja.—Ġak. 2:26.