L-Irtirar mix-Xogħol—Bieb Miftuħ għal Iktar Attività?
1 Ħafna nies li jaħdmu iebes iħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien meta l-irtirar mix-xogħol jeħlishom mit-taħbit u l-pressjonijiet tax-xogħol sekulari. Ħafna drabi, però, l-irtirar mix-xogħol iġib miegħu apatija, ħajja bla interess, u xjuħija qabel żmienha. Il-fatt li ma jkollhomx xi ħaġa taʼ skop x’jagħmlu jistaʼ jħallihom joqogħdu jinkwetaw dwarhom infushom. Gazzetta Brażiljana rrapportat li impjegati rtirati minn fost il-pubbliku lmentaw minħabba sensiela taʼ problemi li jvarjaw mill-fatt li ‘ma jħossuhom kuntenti b’xejn, iħossuhom inċerti u m’humiex bżonnjużi, u li jibda jdejjaqhom kollox, sa problemi akbar bħad-dipressjoni u li jħossu li ħajjithom m’għandha l-ebda skop.’
2 B’kuntrast, ħafna Kristjani jaraw din il-fażi ġdida f’ħajjithom bħala bieb miftuħ għal iktar attività spiritwali. Wieħed ħu li beda x-xogħol taʼ pijunier ġimagħtejn wara li għalaq 65 sena qal: “Qatt ma kelli perijodu f’ħajti li kien mimli b’daqstant barkiet bħalma kienu dawn l-aħħar għaxar snin bħala pijunier.” Koppja kitbet: “L-aqwa u l-aħjar snin taʼ ħajjitna bdew meta bdejna x-xogħol taʼ pijunier.” Iva, għal ħafna, l-irtirar mix-xogħol joffri opportunità tad-deheb biex iżidu fil-ministeru u jaħsdu ħafna barkiet mingħand Jehovah.
3 Ibqaʼ Ħabrieki u Produttiv: Ħafna li issa huma rtirati kibru mingħajr il-ħafna kumditajiet li għandna llum u tgħallmu jaħdmu iebes minn mindu kienu żgħar ħafna. Minkejja li forsi ma baqgħalhomx is-saħħa taʼ żgħożithom, xorta waħda għadhom ħaddiema produttivi ħafna. F’territorju taʼ fergħa minnhom, 22 fil-mija mill-pijunieri—xi 20,000 ħu u oħt—għandhom minn taʼ l-inqas 60 sena. Dawn l-uħud iktar avanzati jagħtu kontribut kbir fix-xogħol taʼ l-ippridkar. L-esperjenza u l-kwalitajiet spiritwali tagħhom jagħtu iktar saħħa lill-kongregazzjonijiet fejn jaqdu.—Ġak. 3:17, 18.
4 Meta wieħed jibqaʼ bieżel fil-ministeru Kristjan jistaʼ jkollu saħħa u kwalità taʼ ħajja aħjar. Oħt taʼ 84 sena li bdiet ix-xogħol taʼ pijunier meta rtirat qalet: “Li jkolli ħafna studji tal-Bibbja maʼ nies interessati għenni nibqaʼ attiva mentalment. Peress li m’għandix karozza, jien nimxi ħafna u dan iżommni f’saħħti.” Żewġ pijunieri miżżewġin li huma avanzati fl-età qalu: “Dan is-servizz iżommna f’saħħitna mentalment u fiżikament. Aħna dejjem inkunu flimkien, nidħqu ħafna u nieħdu pjaċir bil-ħajja.”
5 Jaqdu Fejn Hemm il-Bżonn: Xi aħwa Kristjani li huma rtirati u li għandhom ċirkustanzi finanzjarji favorevoli marru jaqdu fejn hemm iktar bżonn għal xandara tas-Saltna. Oħrajn kabbru l-ministeru tagħhom biex jaqdu f’qasam taʼ lingwa barranija. Bħall-appostlu Pawlu, dawn il-pubblikaturi żelużi ‘jagħmlu dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikollhom sehem minnu’ maʼ oħrajn.—1 Kor. 9:23.
6 Tnejn miżżewġin bdew ix-xogħol taʼ pijunier wara li rabbew liż-żewġ ulied subien tagħhom. Wara diversi snin fix-xogħol taʼ pijunier, huma bdew jitgħallmu l-lingwa Ċiniża. Issa li qabżu sew is-70 sena, dan l-aħħar kellhom il-ferħ li jaraw il-grupp biċ-Ċiniż li kienu qed jaħdmu fih isir kongregazzjoni. Koppji bħal dawn kemm juru li huma verament barka!
7 L-Ebda Rtirar mill-Ministeru: Filwaqt li l-maġġuranza tan-nies fl-aħħar mill-aħħar jirtiraw mix-xogħol sekulari tagħhom, m’hemm l-ebda rtirar mis-servizz t’Alla għal kwalunkwe Kristjan. Kulħadd irid jibqaʼ leali “sa l-aħħar.” (Mt. 24:13, 14) Ovvjament, minħabba l-età avanzata, xi wħud m’humiex kapaċi jagħmlu daqskemm kienu jagħmlu qabel fis-servizz taʼ Jehovah. Imma kemm hu inkuraġġanti li tarahom jagħmlu dak li jistgħu b’qalbhom kollha! Il-Kelma t’Alla tiżgurahom li Jehovah mhux se jinsa dak li jagħmlu u l-imħabba li juru għal ismu.—Lq. 21:1-4; Lhud 6:10.
8 Jekk int qiegħed toqrob l-età biex tirtira, għalfejn ma tikkunsidrax bit-talb kif tistaʼ tuża bl-aħjar mod iċ-ċirkustanzi mibdula tiegħek? Bl-għajnuna divina, tistaʼ ssib li l-irtirar mix-xogħol jiftaħlek bieb għal iktar attività li ġġib tifħir lil Jehovah kif ukoll ħafna barkiet.—Salm 148:12, 13.