Ibbenefika bis-Sħiħ mil-Laqgħat għas-Servizz taʼ l-Għalqa
1. Kif jistgħu jgħinuna l-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa?
1 Laqgħat effettivi għas-servizz taʼ l-għalqa huma tassew inkuraġġanti u jipprovdulna tagħlim prattiku qabel ma mmorru fil-ministeru. Dawn jippermettulna nieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda bħala grupp sabiex inkunu nistgħu naħdmu m’oħrajn biex nappoġġaw u nħarrġu lil xulxin. (Prov. 27:17; Koħ. 4:9, 10) X’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn il-laqgħat?
2. X’inhuma xi affarijiet li jistaʼ jikkunsidra l-wieħed li jikkonduċi?
2 Dak li Jikkonduċi: Ġeneralment ma jkunx hemm imniżżel minn qabel liema informazzjoni speċifika tkun se tiġi kunsidrata f’dawn il-laqgħat. Għalhekk, hemm bżonn taʼ preparazzjoni tajba jekk int tkun se tikkonduċi. Tagħmilhiex xi ħaġa awtomatika li dejjem tikkunsidra l-iskrittura tal-jum, għalkemm tistaʼ tagħżel li tinkludiha fid-diskussjoni jekk tkun konnessa direttament mal-ministeru. Aħseb dwar x’jistaʼ jipprovdi għajnuna prattika lil dawk li se jkunu qed jagħtu xiehda dakinhar. Per eżempju, għandek mnejn tkun trid tiddiskuti turija jew tirreċtaha. Tistaʼ tagħżel li tirrivedi xi ħaġa mill-ktieb Reasoning, mill-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, mill-ktieb Ministry School, jew minn xi parti reċenti mil-Laqgħa tas-Servizz. Drabi oħra, forsi tikkunsidra kif tiġi trattata problema li tistaʼ tqum fit-territorju tiegħek, jew inkella, tistaʼ tiddiskuti kif jistaʼ jiġi kultivat l-interess u jinbdew studji tal-Bibbja, speċjalment jekk ħafna jkunu se jagħmlu ż-żjajjar lura. Minkejja dak li jkun qed jiġi kunsidrat, tkellem bl-entużjażmu u kun pożittiv.
3. Kemm għandha ddum il-laqgħa, u x’għandu jsir matulha?
3 Ibda l-laqgħa fil-ħin, anki jekk tkun taf li xi wħud se jaslu tard. Uża l-għaqal meta torganizza l-gruppi, u pprovdi t-territorju lil dawk li jistaʼ jkollhom bżonnu. It-tul tal-laqgħa m’għandux ikun iktar minn 10 sa 15-il minuta u iqsar jekk tkun wara laqgħa tal-kongregazzjoni. Qabel ma ttemm il-laqgħa, kulħadd għandu jkun jaf maʼ min u fejn sejjer jaħdem. Il-laqgħa għandha tikkonkludi b’talba.
4. X’se jgħin lil kulħadd biex jibbenefika bis-sħiħ mil-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa?
4 Intom Tistgħu Tgħinu: L-istess bħal fil-każ tal-laqgħat tal-kongregazzjoni, aħna nuru rispett lil Ġeħova u konsiderazzjoni lil oħrajn billi naslu fil-ħin. Ħu sehem fid-diskussjoni. Tistaʼ tħalli lil dak li jikkonduċi jinkarigak taħdem maʼ xi ħadd, jew tistaʼ tagħżel li tagħmel l-arranġamenti tiegħek qabel il-laqgħa. Jekk tippreferi tagħmel l-arranġamenti tiegħek għalik innifsek, agħmel ħiltek biex ‘twessaʼ qalbek’ billi taħdem maʼ pubblikaturi differenti, minflok ma taħdem biss maʼ ftit ħbieb tal-qalb kull darba. (2 Kor. 6:11-13) Ladarba l-laqgħa tispiċċa, evita li tbiddel l-arranġamenti, u itlaq mill-ewwel fuq it-territorju.
5. X’inhu l-iskop tal-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa?
5 L-iskop tal-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa hu l-istess bħal taʼ laqgħat oħrajn tal-kongregazzjoni. Dawn huma mħejjijin sabiex aħna nkunu nistgħu “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24, 25) Jekk nistinkaw biex nibbenefikaw minn dawn il-laqgħat, se niġu megħjunin biex inwettqu l-ministeru tagħna—‘għemil tajjeb’ tabilħaqq!