Segwi l-Eżempju li Ħalla Ġesù
1. Liema eżempju ħalla Ġesù?
1 Meta nieħdu sehem fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, aħna għandna nżommu f’moħħna li l-eżempju tagħna jistaʼ jħalli effett qawwi fuq dawk li josservawna. Ġesù għallem bil-kliem u bl-għemil. Dawk li osservawh setgħu jaraw iż-żelu tiegħu, l-imħabba tiegħu għan-nies, ix-xewqa li kellu u li żammitu ffokat fuq li jqaddes isem Missieru, u d-determinazzjoni tiegħu biex iwettaq ir-rieda taʼ Missieru.—1 Pt. 2:21.
2. B’liema modi jistaʼ l-eżempju tagħna jeffettwa lil dawk li jaħdmu magħna fil-ministeru?
2 Waqt il-Ministeru minn Dar għal Dar: L-istess bħal fil-każ taʼ Ġesù, l-eżempju tagħna jeffettwa lil dawk li jkunu qed jaħdmu magħna. Pubblikaturi iktar ġodda u taʼ inqas esperjenza li jarawna nieħdu sehem bil-ħeġġa fil-ministeru se jaħsbu dwar il-kwalità tas-sehem tagħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Meta josservaw il-ferħ tagħna u l-interess ġenwin li nuru f’oħrajn, huma se jiġu mfakkrin fl-importanza taʼ li juru kwalitajiet bħal dawn fil-ministeru tagħhom. Meta jinnotaw kemm inħabirku biex nużaw l-Iskrittura, nagħmlu żjajjar lura, u nikkonduċu studji tal-Bibbja, huma se jitqanqlu biex jagħmlu l-istess.
3. Kif jistaʼ l-eżempju tagħna jgħallem lill-istudenti tal-Bibbja, u x’jistgħu jitgħallmu?
3 Meta Nikkonduċu Studji tal-Bibbja: L-istudenti tagħna tal-Bibbja se jinnotaw b’mod speċjali l-imġiba tagħna. Per eżempju, għalkemm għandna mnejn nispjegawlhom l-importanza taʼ li jippreparaw għall-istudju, ifittxu l-iskritturi, u jimmarkaw il-punti prinċipali, huma se jinnotaw jekk aħniex preparati. (Rum. 2:21) Jekk inkunu puntwali għall-appuntament tagħna biex nistudjaw magħhom, huma se jkunu inqas inklinati li jħallu attivitajiet oħrajn itellfulhom l-istudju tal-Bibbja tagħhom. Ukoll, huma żgur li se jinnotaw l-attitudni tagħna li nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċju għall-ministeru u l-fidi soda tagħna. Mhux taʼ b’xejn li l-istudenti taʼ dawk li jsegwu mill-qrib l-eżempju taʼ Ġesù spiss isiru evanġelizzaturi żelużi u produttivi.
4. Meta nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, x’ngħallmu permezz taʼ l-eżempju tagħna?
4 Meta Nattendu l-Laqgħat tal-Kongregazzjoni: Dawk kollha li jagħmlu parti millkongregazzjoni Kristjana għandhom sehem f’li jgħallmu bl-eżempju fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Uħud interessati li jibdew jattendu l-laqgħat jibbenefikaw mill-eżempju tajjeb li josservaw fil-kongregazzjoni. Huma se jinnotaw il-fratellanza kollha mħabba, l-unità Kristjana, u l-ilbies u d-dehra modesta. (Salm 133:1) L-eżempju tagħna t’attendenza leali għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u d-dikjarazzjoni pubblika tal-fidi tagħna waqt li nkunu hemm se jiġu notati wkoll. Wieħed li żar waħda mil-laqgħat tagħna osserva kif tifla żgħira rnexxielha ssib malajr vers ċitat mill-Bibbja tagħha stess u kemm kienet attenta hi u ssegwi l-qari. L-eżempju tagħha qanqlu biex jitlob għal studju tal-Bibbja.
5. Għala qatt m’għandna nċekknu l-valur taʼ l-eżempju tagħna?
5 L-Iskrittura tinkuraġġina biex nimitaw l-eżempju pożittiv taʼ xulxin. (Flp. 3:17; Ebr. 13:7) Għalhekk, għandna niftakru li jekk insegwu mill-qrib l-eżempju li ħallielna Ġesù, oħrajn se josservawna u se jiġu influwenzati b’mod pożittiv. Meta nirrealizzaw dan, nistgħu nieħdu bis-serjetà l-kliem misjub fl-1 Timotju 4:16: “Oqgħod attent il-ħin kollu għalik innifsek u għat-tagħlim tiegħek.”