LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 12 pp. 140-153
  • “Mhux Għax Kien Jafni Għamel Hekk?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Mhux Għax Kien Jafni Għamel Hekk?”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI JFISSER LI TKUN TAF LIL ALLA
  • “IL-​QALB TAJBA BL-​IMĦABBA TIEGĦU HI GĦAL DEJJEM!”
  • “DAQSKEMM ĠEĦOVA HU ĦAJ . . . FIL-​ĠUSTIZZJA!”
  • “M’INIEX SE NIBQAʼ NŻOMM F’QALBI GĦAL DEJJEM”
  • “Obdi, Jekk Jogħġbok, Minn Leħen Ġeħova”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Jaqdi “fl-​Aħħar Parti tal-​Jiem”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 12 pp. 140-153

Kapitlu Tnax

“Mhux Għax Kien Jafni Għamel Hekk?”

1, 2. Għala ma kienx għaqli li Ġeħojakim jibda l-​proġett tal-​bini tiegħu?

IS-​SULTAN ĠEĦOJAKIM kien qed jibni dar, u kellha tkun impressjonanti. Ippjana li jibni kmamar spazjużi fuq minn tal-​inqas żewġ sulari. Twieqi kbar kienu se jħallu r-​raġġi tax-​xemx jidħlu kif ukoll żiffa kontinwa t’arja friska ħalli s-​sultan u l-​familja tiegħu jkunu komdi. Il-​ħitan kellhom jinksew biċ-​ċedru jfuħ tal-​Libanu. Il-​vermilju, żebgħa importata, kien se jagħti kisja ħamra u rikka fuq ġewwa, xi ħaġa popolari fost il-​kbarat t’artijiet oħra.—Ġer. 22:13, 14.

2 Dan il-​proġett kien se jqum somma flus ġmielha. Madwar dak iż-​żmien, id-​difiża tal-​ġens u l-​insistenza mill-​Eġittu għall-​flus kienu kważi żvojtaw it-​teżorerija. (2 Slat. 23:33-​35) Imma Ġeħojakim sab mezz kif iħallas għall-​palazz ġdid tiegħu. Hu żamm lura l-​pagi tal-​ħaddiema! Ġeħojakim ittrattahom bħal skjavi billi uża l-​għaraq taʼ ġbinhom bħala kontribuzzjoni għall-​ħakma tiegħu.

3. X’kuntrast kien hemm bejn Ġeħojakim u missieru, u għala?

3 Permezz taʼ Ġeremija, Alla kkundanna lil Ġeħojakim għall-​egoiżmu tiegħu.a Hu fakkar lis-​sultan li missieru, is-​Sultan Ġosija, kien wera qalb tajba u ġenerożità straordinarji lejn in-​nies komuni u l-​foqra. Ġosija kien saħansitra ddefenda l-​każi legali tagħhom fil-​qorti. Billi ġibed l-​attenzjoni taʼ Ġeħojakim lejn kif Ġosija kien iħossu lejn il-​batut, Ġeħova staqsa: “Mhux għax kien jafni għamel hekk?”—Aqra Ġeremija 22:15, 16.

4. Għaliex għandu jkun importanti għalik li tkun taf lil Ġeħova?

4 Hekk kif il-​kundizzjonijiet fid-​dinja taʼ Satana jmorru mill-​ħażin għall-​agħar, aħna neħtieġu l-​għajnuna u l-​protezzjoni li Ġeħova jagħti lil dawk li jafuh b’mod intimu. Għalhekk, għandna nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova. Ukoll, irridu nimitaw il-​kwalitajiet mill-​aħjar tiegħu biex ikollna suċċess fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba. Iżda, forsi taħseb, ‘Kristjan kif jistaʼ jsir jaf lil Ġeħova daqskemm kien jafu s-​Sultan Ġosija?’

XI JFISSER LI TKUN TAF LIL ALLA

5, 6. (a) X’influwenza jkollu missier tajjeb fuq uliedu? (b) Kif għandna nirreaġixxu għal li nsiru nafu l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova, b’kuntrast għal Ġeħojakim?

5 Aħseb dwar il-​modi kif missier tajjeb jinfluwenza l-​ħajjiet taʼ wliedu. Pereżempju, meta jaraw kif jaqsam dak li jkollu m’oħrajn li huma inqas fortunati, x’aktarx huma jitqanqlu biex ikunu idhom miftuħa. Il-​fatt li jaraw kif jittratta lil ommhom bi mħabba u b’rispett wisq probabbli se jgħinhom juru konsiderazzjoni lejn dawk tas-​sess oppost. Huma jisimgħu li missierhom hu magħruf bħala bniedem ġust u onest fejn jidħlu l-​flus, u dan għandu jqanqalhom ikunu ġusti u onesti. Iva, billi jsiru jafu l-​mogħdijiet u l-​kwalitajiet taʼ missierhom, dawn iż-​żgħar x’aktarx se jikbru bix-​xewqa li jittrattaw lil oħrajn bħalma jagħmel missierhom.

6 B’mod simili, Kristjan li jaf lil Ġeħova bħalma kien jafu Ġosija ma jirrikonoxxihx sempliċement bħala s-​Sovran Universali. Permezz tal-​qari tal-​Bibbja, il-​Kristjan isir jaf kif Alla jittratta lil oħrajn, u mbagħad ikun irid jimita lil Missieru tas-​sema. Imħabbtu għal Ġeħova toktor hekk kif jum wara l-​ieħor jimita lil Alla f’dak li jħobb u f’dak li jobgħod. B’kuntrast, bniedem li jinjora l-​liġijiet u t-​tfakkiriet t’Alla, u b’hekk jirrifjuta l-​influwenza divina f’ħajtu, ma jsirx jaf lill-​Alla l-​veru. Hu simili għal Ġeħojakim, li tefaʼ fin-​nar il-​kelma taʼ Ġeħova li ntqalet permezz taʼ Ġeremija.—Aqra Ġeremija 36:21-​24.

Stampi f’paġna 143

Ġosija u Ġeħojakim wieġbu b’modi differenti għall-​kliem t’Alla

7. Għaliex għandek tkun trid taf lil Ġeħova kif kien jafu s-​Sultan Ġosija?

7 Is-​suċċess tagħna fis-​servizz sagru u t-​tama tagħna għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida jiddependu milli nkunu nafu tassew lil Ġeħova. (Ġer. 9:24) Ejja neżaminaw xi ftit mill-​kwalitajiet t’Alla kif jidhru fil-​kitbiet taʼ Ġeremija. Matul din il-​konsiderazzjoni tal-​personalità t’Alla, fittex għal modi kif int personalment tistaʼ tkun tafu u timitah, kif għamel is-​Sultan Ġosija.

Għaliex nistgħu ngħidu li s-​Sultan Ġosija kien jaf lil Ġeħova b’mod intimu? X’hemm involut f’li tkun taf lil Ġeħova kif kien jafu Ġosija?

“IL-​QALB TAJBA BL-​IMĦABBA TIEGĦU HI GĦAL DEJJEM!”

8. X’inhi l-​qalb tajba bl-​imħabba?

8 L-​aspett tal-​personalità t’Alla magħruf bħala qalb tajba bl-​imħabba, jew imħabba leali, ma jistax jiġi spjegat b’mod eżatt b’ħafna lingwi. Skont dizzjunarju tal-​Bibbja, it-​terminu Ebrew involut jinkludi taħlita taʼ saħħa, sodizza, u mħabba. Dan id-​dizzjunarju jkompli jgħid: “Kwalunkwe spjegazzjoni tal-​kelma li ma tinkludix dawk it-​tliet kwalitajiet kollha ma ġġorrx it-​tifsir sħiħ.” Għaldaqstant, xi ħadd li juri qalb tajba bl-​imħabba hu iktar minn persuna minn tagħna. Bi tħassib profond, hu jipprova jgħin lil oħrajn jissodisfaw il-​bżonnijiet tagħhom, speċjalment il-​bżonnijiet spiritwali, bl-​aħjar mod li jistaʼ. Ir-​raġuni prinċipali għala jaġixxi b’tant nuqqas taʼ egoiżmu hi x-​xewqa tiegħu li jogħġob lil Alla li Jistaʼ Kollox.

9. Il-​mod kif Ġeħova ttratta lil Iżrael taʼ xiex jagħti prova?

9 L-​aħjar mod biex tifhem it-​tifsir kollu tal-​espressjoni Biblika “qalb tajba bl-​imħabba” hu billi tistudja kif Alla ttratta lill-​aduraturi veri tiegħu matul il-​medda tas-​snin. Ġeħova pproteġa u temaʼ lill-​Iżraelin waqt li qattgħu 40 sena fix-​xagħri. Fl-​Art Imwiegħda, Alla pprovda mħallfin biex isalvawhom mill-​għedewwa tagħhom u biex ireġġgħuhom lura għall-​qima vera. Peress li Ġeħova baqaʼ magħhom kemm fil-​maltemp u kemm fil-​bnazzi matul dawk is-​sekli kollha, hu setaʼ jgħid lill-​ġens: “Bi mħabba dejjiema ħabbejtek. Huwa għalhekk li ġbidtek bil-​qalb tajba bl-​imħabba.”—Ġer. 31:3.b

10. Bħalma jidher fil-​każ tal-​Lhud f’Babilonja, Ġeħova kif juri l-​qalb tajba bl-​imħabba fil-​mod kif jismaʼ t-​talb?

10 Fi żmienna, Alla jkompli juri l-​qalb tajba bl-​imħabba b’modi li huma taʼ benefiċċju dirett għall-​aduraturi tiegħu. Ikkunsidra l-​kwistjoni tat-​talb. Ġeħova jagħti kas it-​talb sinċier kollu, imma jagħti attenzjoni speċjali meta l-​qaddejja dedikati tiegħu jitolbuh. Anke jekk għal snin nibqgħu nitolbu dwar l-​istess problemi kroniċi, hu ma jitlifx il-​paċenzja magħna; lanqas ma jegħja jismaʼ talbna. Darba, Ġeħova qabbad lil Ġeremija jibgħat messaġġ lil grupp Lhud li diġà kienu fil-​jasar f’Babilonja. Huma kienu iktar minn 800 kilometru ’l bogħod mit-​tempju, imbegħdin mill-​familja u l-​ħbieb f’Ġuda. Madanakollu, il-​fatt li kienu ’l bogħod mit-​tempju ma żammx lil Ġeħova milli jismaʼ t-​talb tagħhom għall-​approvazzjoni tiegħu u l-​espressjonijiet tagħhom taʼ tifħir. Waqt li żżomm f’moħħok it-​talb sinċier tiegħek, aħseb dwar il-​faraġ li l-​Lhud ħassew meta semgħu l-​kliem t’Alla, kif imniżżel f’Ġeremija 29:10-​12.—Aqra.

Stampi f’paġna 144

11, 12. (a) Ġeħova x’offra lin-​nies taʼ Ġerusalemm? (b) X’għajnuna hemm disponibbli għal dak li rċieva d-​dixxiplina meħtieġa?

11 Naraw evidenza oħra tal-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova fil-​ħarsa pożittiva tiegħu. Hekk kif qorbot il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm u l-​abitanti tal-​belt komplew bir-​ribelljoni tagħhom, li fil-​fatt kienet ribelljoni kontra Alla, x’kien hemm lest għalihom fil-​futur? Forsi mewt bil-​ġuħ jew b’xi sejf Babiloniż? L-​iktar l-​iktar, setgħu esperjenzaw eżilju twil u mewt f’art barranija. Però, Ġeħova offra “kelma tajba” u pożittiva għal dawk li nidmu u biddlu ħajjithom. Hu wiegħed li ‘jiftakar’ fihom. Hu kien se ‘jġibhom lura f’dan il-​post,’ art twelidhom, minn Babilonja mbiegħda. (Ġer. 27:22) Minħabba f’hekk, huma kienu se jgħajtu: “Faħħru lil Ġeħova taʼ l-​armati, għax Ġeħova hu tajjeb; il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem!”—Ġer. 33:10, 11.

12 Minħabba l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, Ġeħova hu Sors taʼ inkuraġġiment għal dawk li huma f’sitwazzjonijiet diffiċli mill-​ħarsa umana. Hemm xi wħud illum li darba kienu parti mill-​kongregazzjoni Kristjana imma li rċivew dixxiplina meħtieġa u ġusta. Huma għandhom mnejn iħossuhom mifnijin bil-​ħtija u issa jżommu lura milli jerġgħu jibdew jissieħbu man-​nies t’Alla. Forsi jaħsbu jekk Ġeħova hux qatt se jkun jistaʼ jaħfrilhom u jilqagħhom lura. Alla li Jistaʼ Kollox għandu “kelma tajba” għall-​uħud kollha bħal dawn. Huma jistgħu jirċievu l-​għajnuna b’qalb tajba biex jagħmlu l-​bidliet meħtieġa fi ħsibijiethom u fil-​prattiki tagħhom. U l-​prinċipju taʼ dak li qrajna fil-​paragrafu li għadda jistaʼ japplika għalihom—Ġeħova se ‘jġibhom lura f’posthom’ fost in-​nies henjin tiegħu.—Ġer. 31:18-​20.

13. L-​appoġġ li Ġeħova ta lil Ġeremija għala għandu jinkuraġġik?

13 Bħala l-​Alla taʼ qalb tajba bl-​imħabba, Ġeħova wkoll jappoġġa lealment lill-​qaddejja leali tiegħu. F’dawn l-​aħħar żminijiet tad-​dinja taʼ Satana, aħna għandna kull raġun nafdaw li Ġeħova ħa jsostni u jipproteġi lil dawk kollha li jfittxu s-​Saltna tiegħu l-​ewwel. Żomm f’moħħok li matul l-​aħħar jiem taʼ Ġerusalemm, Ġeremija straħ fuq Ġeħova għall-​ikel u l-​protezzjoni. Alla qatt ma naqas milli jgħin lill-​profeta. (Ġer. 15:15; aqra Lamentazzjonijiet 3:55-​57.) Jekk issib ruħek taħt kwalunkwe tip taʼ pressjoni kbira, serraħ moħħok li Ġeħova jiftakar fl-​atti taʼ lealtà tiegħek. Minħabba l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, hu jixtieq li jappoġġak sabiex int ma ‘tintemmx.’—Lam. 3:22.

Liema aspett tal-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova jiġbdek l-​iktar lejh? Għala tħossok hekk?

“DAQSKEMM ĠEĦOVA HU ĦAJ . . . FIL-​ĠUSTIZZJA!”

14. X’inġustizzji rajt dan l-​aħħar?

14 Xi nies iqattgħu snin il-​ħabs minħabba delitti li m’għamlux. Saħansitra kien hemm każi meta qorti kkundannat lil raġel għall-​mewt u kien biss wara l-​esekuzzjoni li nqalgħet evidenza dwar l-​innoċenza tiegħu. Ġenituri f’xi pajjiżi tant ikunu bil-​ġuħ li jbigħu lil uliedhom bħala skjavi ħalli l-​familja jkollha xi ħaġa x’tiekol. Kif tħossok meta tismaʼ b’inġustizzji bħal dawn illum? Kif taħseb li jħossu Ġeħova? Il-​Bibbja tagħmilha ċara li hu jrid ineħħi kull kaġun taʼ tbatija. Hu l-​uniku Wieħed li kapaċi jagħmel dan. Għalhekk, il-​foqra u l-​innoċenti li jbatu llum jistgħu jagħmlu l-​qalb. Ġeħova, l-​Alla tal-​ġustizzja, qed jieħu l-​passi biex isalvahom mit-​tbatija li għaddejjin minnha bħalissa.—Ġer. 23:5, 6.

Stampi f’paġna 146

15, 16. (a) Ġeremija enfasizza liema realtà dwar Ġeħova? (b) Għaliex tistaʼ tafda fil-​liġijiet u l-​wegħdi t’Alla?

15 Fi żmien Ġeremija, xi wħud kienu konxji tal-​kwalità superjuri tal-​ġustizzja t’Alla. Pereżempju, il-​profeta qajjem il-​possibbiltà li Iżrael forsi jindem minn dnubietu u jagħmel stqarrija, biex ngħidu hekk, li tagħti xhieda taʼ din il-​bidla, u jgħid: “Daqskemm Ġeħova hu ħaj fil-​verità, fil-​ġustizzja u fis-​sewwa!” (Ġer. 4:1, 2) Dan hu veru għax l-​inġustizzja m’għandhiex post fl-​iskop taʼ Ġeħova. Imma hemm provi oħra li Ġeħova hu wieħed li jħobb il-​ġustizzja.

16 M’hemm l-​ebda dubju li Alla jżomm kelmtu u żgur mhuwiex ipokrita. Waqt li ħafna bnedmin jiksru l-​wegħdi li jagħmlu lil oħrajn, Ġeħova ma jagħmilx dan. Anke l-​liġijiet tan-​natura, li hu stabbilixxa u li aħna nibbenefikaw minnhom, huma eterni u ma jinbidlux. (Ġer. 31:35, 36) Aħna wkoll nistgħu nistrieħu fuq il-​wegħdi u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu, għax dawn dejjem huma tajbin.—Aqra Lamentazzjonijiet 3:37, 38.

17. (a) Ġeħova x’jagħmel meta jiġġudika xi kwistjoni? (b) Għala tistaʼ tafda l-​mod kif l-​anzjani jittrattaw maʼ problemi fil-​kongregazzjoni? (Ara l-​kaxxa “Jiġġudikaw Għal Ġeħova,” f’paġna 148.)

17 Meta Ġeħova jiġġudika, hu qatt ma jkun sodisfatt b’dak li sempliċement jidher minn barra. Hu jara lil hinn minn dak li hu ovvju u jikseb il-​fatti kollha. Ukoll, jeżamina l-​motivi taʼ min hu involut. It-​tobba issa jistgħu jużaw tagħmir u tekniki speċjalizzati biex jeżaminaw qalb il-​pazjent waqt li tkun qed tippompja d-​demm, u b’hekk jakkwistaw informazzjoni dwar il-​kundizzjoni tagħha. Jew jistgħu jeżaminaw il-​kliewi, li xogħolhom hu li jnaddfu d-​demm. Ġeħova jistaʼ jagħmel ħafna iktar minn hekk. Hu jeżamina l-​qalb figurattiva u jgħarbel il-​motivi taʼ dak li jkun u l-​kliewi figurattivi, li juru s-​sentimenti l-​iktar ġewwinin tal-​persuna. B’hekk, jistaʼ jivverifika x’qanqal lil persuna biex taġixxi b’ċertu mod u kif tħossha dwar dak li għamlet. U Dak li Jistaʼ Kollox ma jħossux mgħobbi bl-​abbundanza taʼ dettalji li jinkixfu fl-​eżaminar tiegħu mill-​qrib. Qabel ma Ġeħova jiġġudikana Hu juża dik l-​informazzjoni kollha b’mod korrett u bilanċjat, aħjar mill-​iktar imħallef uman kollu dehen.—Aqra Ġeremija 12:1a; 20:12.

JIĠĠUDIKAW GĦAL ĠEĦOVA

Permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu u l-​kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova ħarreġ lill-​anzjani fil-​metodi tiegħu taʼ kif jiġġudika. Hu tahom l-​awtorità biex jirrappreżentawh meta jieħdu ħsieb problemi fil-​kongregazzjoni. Dawn l-​aħwa rġiel huma imperfetti, u ma jistgħux jaqraw il-​qalb, kif jistaʼ Ġeħova. Imma huma jixtiequ jittrattaw lill-​aduraturi sħabhom fi qbil mal-​eżempju li jagħti Alla li Jistaʼ Kollox. Huma jitolbu għall-​gwida divina u jistinkaw biex japplikaw prinċipji tal-​Bibbja rilevanti, u b’hekk ifittxu li ‘jiġġudikaw bis-​sewwa,’ kif jagħmel Ġeħova nnifsu. (Ġer. 11:20) Għalhekk, għandek kull raġun biex tafda lill-​anzjani, “għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont.”—Ebr. 13:17.

18, 19. Il-​fatt li nkunu nafu l-​kwalità t’Alla taʼ ġustizzja, kif jistaʼ jeffettwana?

18 B’hekk, int għandek bażi soda biex tafda f’Ġeħova, anke jekk xi kultant tħoss ftit tingiż tal-​kuxjenza minħabba żbalji li għamilt fil-​passat. Qatt tinsa li Ġeħova mhuwiex xi prosekutur stinat li jfittex għal xi raġuni biex jikkastiga, imma minflok, hu Mħallef kollu mogħdrija li jrid jgħin. Jekk għadek qed tħossok inkwetat minħabba kif aġixxejt fil-​passat jew minħabba xi kwistjoni li tinvolvi lil ħaddieħor, itlob lil Ġeħova biex ‘jieħu f’idejh il-​kawża tiegħek,’ jew l-​inkwiet emozzjonali tiegħek, ħalli tkun tistaʼ tħalli l-​kwistjoni warajk.c Bl-​għajnuna tiegħu, tistaʼ tara kemm Alla jqisu taʼ valur is-​sehem li tkompli tieħu f’servizz sagru.—Aqra Lamentazzjonijiet 3:58, 59.

19 Nistgħu nifhmu li l-​Alla taʼ ġustizzja perfetta jixtieq li dawk li qed ifittxu l-​approvazzjoni tiegħu jipprattikaw il-​ġustizzja huma nfushom. (Ġer. 7:5-​7; 22:3) Li nippritkaw l-​aħbar tajba mingħajr preġudizzju hu mod importanti kif nuru l-​ġustizzja divina. Meta int tkun kuxjenzjuż f’li tagħmel iż-​żjajjar lura u tikkonduċi l-​istudji tal-​Bibbja, int tkun timita l-​livell superjuri taʼ ġustizzja t’Alla b’mod tassew taʼ ġid. Dan kif? Hu jixtieq li nies taʼ kull xorta jitgħallmu dwaru u jiksbu s-​salvazzjoni. (Lam. 3:25, 26) Xi privileġġ għandek li tkun ħaddiem bi sħab m’Alla, u timita l-​ġustizzja tiegħu f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet!

Il-​ġustizzja taʼ Ġeħova kif tfarrġek? Kif tistaʼ tfarraġ lil oħrajn billi timita l-​ġustizzja t’Alla?

“M’INIEX SE NIBQAʼ NŻOMM F’QALBI GĦAL DEJJEM”

20. (a) Ġeremija enfasizza liema aspett tal-​mod kif Alla jittratta man-​nies? (b) Il-​fatt li ‘ħass dispjaċir’ x’għandu x’jaqsam mal-​maħfra taʼ Ġeħova? (Ara l-​kaxxa “Ġeħova f’Liema Sens ‘Jiddispjaċih’?”)

20 Ħafna jħarsu lejn il-​kotba taʼ Ġeremija u l-​Lamentazzjonijiet bħala sempliċement kundanni tal-​ħażen. Din il-​ħarsa tinjora l-​maħfra li tferraħ il-​qalb u li Ġeħova offra lil niesu, kif imniżżel f’dawn il-​kotba. Hu ħeġġeġ lil-​Lhud: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-​ħażina, u rranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom.” Darb’oħra, Ġeremija ħeġġiġhom: “Irranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom, u obdu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom, u Ġeħova jiddispjaċih mill-​gwaj li ddikjara kontrikom.” (Ġer. 18:11; 26:13) Fi żmienna, Ġeħova jkompli jaħfer lil dawk kollha li sinċerament juru rimors u jieqfu mill-​prattiki ħżiena.

21. Ġeħova xi jrid iwettaq meta jaħfer lil xi ħadd?

21 Madanakollu, Ġeħova jagħmel iktar milli sempliċement jitkellem dwar il-​maħfra. Hu jaġixxi fi qbil maʼ li jgħid. Ġeħova uża lil Ġeremija biex iħeġġeġ: “Erġaʼ lura, O Israel ir-​ribelluża . . . Ma nħarisx iktar b’wiċċ irrabjat lejkom . . . M’iniex se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem.” (Ġer. 3:12) Alla ma jżomm fil-​komma kontra ħadd mill-​poplu tiegħu li jkun ħafirlu. Minflok, għalkemm saret xi ħaġa ħażina, Ġeħova jrid jirranġa r-​relazzjoni mxellfa. Minkejja d-​dnubiet li dak li jkun setaʼ għamel, jekk dak il-​midneb tassew jindem u jfittex il-​maħfra t’Alla, Ġeħova se ‘jreġġgħu lura’ għall-​favur u l-​barka Tiegħu. (Ġer. 15:19) Din l-​assiguranza għandha tinkuraġġixxi lil kull min bħalissa hu mbiegħed mill-​Alla l-​veru biex jerġaʼ lura għandu. Ma taqbilx int li l-​maħfra taʼ Ġeħova tiġbidna lejh?—Aqra Lamentazzjonijiet 5:21.

ĠEĦOVA F’LIEMA SENS ‘JIDDISPJAĊIH’?

Nistgħu nifhmu ftit iktar il-​kobor tal-​maħfra t’Alla meta nqisu l-​mod kif jittratta maʼ dawk li pprattikaw id-​dnub imma li mbagħad biddlu l-​attitudni tagħhom. Meta hu jara li huma daru lura mid-​dnub u qed jobduh, hu ‘jiddispjaċih.’ (Ġer. 18:8; 26:3) F’liema sens?

Alla hu perfett u qatt ma jiżbalja fil-​ġudizzju tiegħu, allura ma jfissirx li hu jiddispjaċih bħalma jagħmel wieħed li jinduna li ġġudika kwistjoni b’mod żbaljat għall-​aħħar. Minflok, Ġeħova jiddispjaċih billi jaġġusta l-​mod kif jittratta maʼ dak li jkun u billi jirreaġixxi għall-​bidla li jara fil-​qalb.

Dan mhuwiex sempliċement xi rtirar biered taʼ sentenza. Is-​sentimenti taʼ Ġeħova lejn il-​midneb niedem jinbidlu. Skont xi studjużi, l-​oriġini tal-​verb Ebrew li jiġi tradott ‘jiddispjaċih’ fil-​versi ċitati hawn fuq hi maħsuba li tagħti l-​idea taʼ li wieħed “jieħu nifs fil-​fond,” forsi bi tnehida. Dan jistaʼ jindika li meta Ġeħova jara sogħba ġenwina f’qalb umana, b’mod figurattiv jieħu nifs fil-​fond, bħallikieku ħa r-​ruħ. Alla jistaʼ juri lill-​individwu niedem l-​attenzjoni kollha mħabba gawduta minn dawk li għandhom l-​approvazzjoni Tiegħu. Il-​midneb għandu mnejn xorta jiffaċċja ċerti konsegwenzi, però Alla hu ferħan bil-​bidla fil-​qalb. Hu jtaffi l-​“gwaj,” jew, id-​dixxiplina divina li kieku din kienet tkun mistħoqqa. (Ġer. 26:13) Liema mħallef uman hu kapaċi jagħraf l-​indiema vera b’dan il-​mod? Ġeħova jitgħaxxaq jagħmel dan.—Ġer. 9:24.

Stampi f’paġna 152

22, 23. Hekk kif timita lil Ġeħova fil-​kwistjoni tal-​maħfra, x’għandha tkun il-​mira tiegħek?

22 Meta xi ħadd iweġġgħek bi kliem u b’azzjonijiet bla ħsieb, se timita int lil Ġeħova? Rigward il-​Lhud tal-​qedem, Alla qal li hu kien se ‘jsaffi’ lil dawk li ħafer. (Aqra Ġeremija 33:8.) Hu jistaʼ jsaffi, jew inaddaf, fis-​sens li jitfaʼ wara dahru l-​ħtijiet taʼ dawk li nidmu, u b’hekk jagħti lil dawn bidu ġdid fis-​servizz Tiegħu. Veru, il-​fatt li wieħed jikseb il-​maħfra t’Alla ma jfissirx li ġie msoffi mill-​imperfezzjoni li wiret, u b’hekk sar perfett, bla dnub. Xorta waħda, hemm lezzjoni għalina minn dak li Alla qal dwar li jsaffi l-​bnedmin. Aħna nistgħu nistinkaw biex nitfgħu wara daharna l-​iżball jew l-​offiża tal-​persuna l-​oħra, li b’mod figurattiv ifisser li nsaffu l-​ħarsa li għandna f’qalbna lejn dik il-​persuna. Dan kif?

23 Immaġina li rċivejt ġojjell bħala wirt tal-​familja. Li kieku kellu jitħammeġ jew jitlef il-​lostru, kont taqbad u tarmih? X’aktarx li le. Probabbilment, int tagħmel sforz biex tnaddfu b’attenzjoni, u tneħħi kwalunkwe tebgħa jew ħmieġ u terġaʼ toħroġlu l-​lostru. Int trid tara s-​sbuħija tiegħu, il-​mod kif ileqq fid-​dawl tax-​xemx. Bl-​istess mod, tistaʼ taħdem iebes biex tneħħi kull traċċa taʼ mrar jew sentiment taʼ irritazzjoni lejn il-​ħu jew l-​oħt li weġġgħetek. Iġġieled kontra t-​tendenza li toqgħod thewden fuq kliem jew azzjonijiet li weġġgħuk. Hekk kif jirnexxilek tinsiehom, int issaffi l-​ħarsa li għandek f’qalbek lejn dak li ħfirtlu u ssaffi l-​memorji li għandek tiegħu. Peress li qalbek tkun tnaddfet minn ħsibijiet negattivi lejn it-​tali, int tkun iktar lest biex terġaʼ tgawdi r-​relazzjoni mill-​qrib li kienet tidher mitlufa għal dejjem.

24, 25. Liema benefiċċji se tikseb jekk issir taf lil Ġeħova bħalma għamel is-​Sultan Ġosija?

24 Hekk kif insiru nafu lil Ġeħova aħjar aħna nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet tiegħu u l-​modi kif jittratta man-​nies. Aħna eżaminajna biss ftit minn dawn. Nistgħu naraw li l-​benefiċċji persunali li jiġu milli nkunu nafu lil Ġeħova b’mod intimu huma motivazzjoni b’saħħitha biex inqimuh b’mod aċċettabbli. Jekk insiru nafu lil Ġeħova b’mod intimu bħas-​Sultan Ġosija, ħajjitna tfur bl-​hena, li hu aspett ieħor tal-​personalità t’Alla.

25 Li nkunu nafu aħjar lil Ġeħova se jsaħħaħ ir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn. Billi nħabirku biex nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba, il-​ġustizzja, u l-​maħfra kif jurihom Ġeħova, il-​ħbiberiji tagħna fil-​kongregazzjoni Kristjana se jissaħħu u jsiru iktar prezzjużi. Iktar minn hekk, se nsibu ruħna iktar kapaċi ngħallmu hekk kif nagħmlu żjajjar lura fit-​territorju tagħna u nikkonduċu studji tal-​Bibbja progressivi. Uħud interessati se jħossuhom iktar komdi bil-​mod t’għajxien Kristjan li jaraw fina. Għaldaqstant, se nkunu iktar kapaċi ngħinuhom iqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli u biex isegwu “t-​triq it-​tajba.”—Ġer. 6:16.

X’messaġġ tieħu minn Lamentazzjonijiet 5:21?

a Rigward it-​tmiem traġiku taʼ Ġeħojakim, ara Kapitlu 4, paragrafu 12 taʼ dan il-​ktieb.

b The New English Bible tittraduċi dan il-​kliem taʼ Ġeħova hekk: “Bi mħabba mill-​qalb ħabbejtkom sa mill-​qedem, u għadni nieħu ħsiebkom bla ma nonqos.”

c Jekk ħu jew oħt tkun ħadet sehem f’kondotta li biċ-​ċar tmur kontra l-​liġi t’Alla, għandha tinġibed l-​attenzjoni tal-​anzjani tal-​kongregazzjoni sabiex ikunu jistgħu jittrattaw mal-​kwistjoni u jipprovdu l-​għajnuna Skritturali.—Ġak. 5:13-​15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja