Ħarsa Lejn id-Dinja
AIDS mad-Dinja Kollha
Skond rapport ġdid mill-Ġnus Magħquda, mad-dinja kollha “iktar minn 50 miljun ruħ ġew infettati bl-HIV-AIDS—daqs il-popolazzjoni tar-Renju Unit—u 16-il miljun ruħ mietu,” tgħid The Globe and Mail tal-Kanada. “Ir-riċerka f’disaʼ pajjiżi Afrikani wriet li 20 fil-mija iktar nisa milli rġiel issa huma infettati b’din il-marda” u li “tfajliet adolexxenti [għandhom] madwar ħames darbiet iktar ċans li jiġu infettati bl-HIV-AIDS minn ġuvintur adolexxenti.” Peter Piot, direttur eżekuttiv tal-Programm Konġunt tal-Ġnus Magħquda għall-HIV/AIDS, jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant bħala ‘li qed tisplodi.’ Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni li “r-rata taʼ infezzjoni taʼ l-HIV fl-ex-Unjoni Sovjetika żdiedet b’iktar mid-doppju f’dawn l-aħħar sentejn, l-iktar żjieda qawwija fid-dinja.” L-esperti jgħidu li din is-sitwazzjoni tirrifletti ż-żjieda taʼ l-użu taʼ drogi injettati f’dik il-parti tad-dinja. Madwar id-dinja iktar minn nofs dawk infettati bl-HIV-AIDS “jieħdu l-marda sakemm ikollhom 25 sena u s-soltu jmutu qabel ma jagħlqu 35 sena.”
Trabi tat-Twelid bl-HIV
“Nofs it-trabi kollha fl-Afrika jitwieldu bl-HIV, il-virus li jiżviluppa f’AIDS,” tirrapporta l-United Press International. Id-direttur eżekuttiv tal-Programm Konġunt tal-Ġnus Magħquda għall-HIV/AIDS, Dr. Peter Piot, qal li l-HIV u l-AIDS naqqsu t-tul mistenni taʼ ħajja b’25 sena f’xi partijiet taʼ l-Afrika. Ir-rapport iżid: “Il-21 pajjiż bl-iktar każi taʼ infezzjoni bl-HIV jinsabu kollha fl-Afrika, u f’10 minn dawn il-pajjiżi, minn taʼ l-inqas 10 fil-mija tal-popolazzjoni hija infettata.” Mill-imwiet kollha konnessi maʼ l-AIDS fid-dinja kollha, madwar 80 fil-mija ġraw fl-Afrika.
It-Tfal u l-Irqad
Lit-tfal li jkunu għadhom imorru l-iskola, il-ġenituri mhux biss għandhom jagħmlulhom regoli dwar kemm jistgħu jdumu mqajmin imma wkoll dwar x’jistgħu jagħmlu qabel ma jmorru jorqdu, tgħid ir-rivista Parents. Din tkompli tgħid li jekk it-tfal joqogħdu jaraw it-televixin, jilagħbu bil-kompjuter u b’xi video games, u jqallbu fl-Internet, moħħhom jibqaʼ attiv iktar milli suppost peress li dawn huma attivitajiet stimulanti. Tgħid ukoll li jekk ikollhom skeda mimlija daqs bajda b’attivitajiet oħra wara l-iskola, ma jkunux jistgħu jlestu l-ħowmwerk f’ħin raġunevoli. Ir-riċerka turi li n-nuqqas taʼ rqad taʼ spiss ikollu effett differenti fuq iż-żgħar milli jkollu fuq il-kbar. Iż-żgħar jispiċċaw ma jkollhomx kwiet f’ġisimhom u ma jkunux jistgħu jiġu kontrollati, filwaqt li l-kbar ġeneralment jaqbadhom in-ngħas u jikkwitaw. Ir-riżultat ikun li waqt li jkunu l-iskola, it-tfal li jkunu neqsin mill-irqad, la jkunu jistgħu jikkonċentraw ħafna, la joqogħdu attenti, la jiftakru dak li jitgħallmu, u lanqas jaħdmu s-somom tal-matematika. Skond l-esperti, il-ġenituri għandhom ikollhom regola taʼ x’ħin it-tfal iridu jmorru jorqdu u din jagħtuha prijorità—mhux xi ħaġa li ssir meta t-tfal ikunu nfilġu u ma jibqgħalhom xejn iktar x’jagħmlu.
Il-Kremi Protettivi u l-Kanċer
The Times of London tirrapporta li n-nies li jidilku kremi li jipprovdu livell għoli taʼ protezzjoni mix-xemx ikun mingħalihom li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw, però jkunu qed iżidu r-riskju taʼ kanċer fil-ġilda. Din tgħid: “Dan hu minħabba li jdumu iktar fix-Xemx u jixorbu iktar radjazzjoni.” Ir-riċerkaturi mill-Istitut Ewropew taʼ l-Onkoloġija f’Milan, l-Italja, sabu li min kien juża krema bi protezzjoni taʼ 30 kien iqattaʼ 25 fil-mija iktar ħin fix-xemx minn min kien juża krema bi protezzjoni taʼ 10. Philippe Autier, l-awtur taʼ dan l-istudju, jgħid li għad ma ntweriex kemm dawn il-kremi għandhom effett protettiv kontra l-kanċer tal-ġilda, b’mod partikulari l-melanoma, fil-popolazzjoni ġenerali. Imma hemm informazzjoni konvinċenti li turi kemm hemm konnessjoni bejn id-dewmien fix-xemx għal skopijiet taʼ rikreazzjoni u l-kanċer tal-ġilda. L-esperti tas-saħħa issa qed iwissu lin-nies biex ma joqogħdux ħafna fix-xemx, tkun kemm tkun qawwija l-krema li jidilku. Christopher New, direttur tal-kampanja dwar il-kanċer mill-Awtorità taʼ l-Edukazzjoni dwar is-Saħħa fil-Britannja, jagħti dan il-parir: “Tiqafx tuża l-kremi protettivi, imma ftakar li m’għandekx tużahom biex tkun tistaʼ tixxemmex iktar.”
Rapporti taʼ Gwerer
“Issa hawn 27 gwerra attiva mad-dinja kollha,” tiddikjara r-rivista Psychology Today. Bħalma hu rapportat mill-Istitut tar-Riċerka għall-Paċi Internazzjonali fi Stokkolma, iktar minn 150,000 Liberjan għebu fil-gwerra ċivili tagħhom li damet sejra 7 snin, u 500,000 ruħ mietu fil-konflitt ċivili fl-Angola li dam sejjer 15-il sena. Il-ġlied fit-Turkija ħa 37,000 ruħ mill-1984 ’l hawn, u l-gwerra fis-Sri Lanka qatlet xi 60,000 ruħ mill-1983 s’issa. “B’kollox, iktar minn 20 miljun ruħ—il-biċċa l-kbira minnhom pajżani—mietu fil-gwerer minn mindu spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija,” tgħid ir-rivista. Din tgħid ukoll kif il-gwerra għandha mnejn tibqaʼ għaddejja mingħajr ma tkun tistaʼ tiġi evitata, u dan minħabba kwistjoni taʼ ekonomija. Il-gwerra hija waħda mill-akbar industriji fid-dinja, billi permezz tagħha issa jintefqu sa Lm308 elef miljun kull sena, u wkoll tipprovdi priża kbira. L-editorjal jinnota kemm aħna speċi stramba ferm biex inkunu daqshekk ħorox maʼ bnedmin bħalna. Il-Ġnus Magħquda ddikjarat din is-sena bħala sena internazzjonali taʼ paċi.
Tfal Traskurati u Abbużati
Il-każi rapportati t’abbuż tat-tfal fil-Ġappun żdiedu bi 30 fil-mija matul is-sena fiskali 1998, meta tqabbilhom mas-sena taʼ qabel, tgħid il-gazzetta Asahi Evening News. L-esperti jgħidu li dan hu minħabba li ħafna ommijiet jinsabu taħt pressjoni qawwija ferm, li ħafna minnhom kellhom jerfgħu t-tagħbija kollha waħedhom f’li jrabbu lil uliedhom, kif ukoll minħabba li issa n-nies huma iżjed konxji dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jirrapportaw każ t’abbuż jew traskuraġni. The Daily Yomiuri ssemmi li l-Ġappun ra wkoll żjieda fl-għadd taʼ mwiet taʼ tfal żgħar li tħallew waħedhom id-dar jew f’karozzi pparkjati. F’xi każi l-ġenituri taʼ dawn it-tfal kienu qed jilagħbu bil-magni tal-logħob taʼ l-ażżard. Sa ftit ilu, ftit ġenituri biss kienu jinstabu ħatja b’mod kriminali f’każi bħal dawn. Madankollu, issa l-awtoritajiet bi ħsiebhom iżidu t-taħrik taʼ ġenituri li jittraskuraw lil uliedhom serjament.
Posta li Ħadd Ma Jiħdilha Postha
Sal-ġurnata tal-lum, “it-teknoloġija ma rnexxilhiex issib x’jieħu post l-effett qawwi li għandha ittra,” tirrapporta l-gazzetta Le Figaro. Fl-1999 is-servizz postali Franċiż qassam għadd li qatt ma ntlaħaq qabel taʼ 25 elf miljun ittra. Minn dawn, 90 fil-mija kienu ittri taʼ negozju, u 10 fil-mija biss kienu korrispondenza persunali. Kważi nofs il-posta kollha li ntbagħtet kien fiha xi tip taʼ reklam, u 98 fil-mija taʼ dawk li rċivewha u li ġew mistħarrġa qalu li kienu qrawha sew. Kuljum, id-90,000 pustier li hemm fi Franza, 40 fil-mija minnhom nisa, jagħmlu iktar minn 72,000 ronda biex iqassmu s-60 miljun ittra li jiġu impostati kuljum.
“Xita Ħażina”
Fenomenu naturali, magħruf bħala xita ħażina, iseħħ f’Turpan, fir-Reġjun Awtonomu taċ-Ċina Sinkiang Uighur. Anki meta jkun għaddej sħab iswed tax-xita fl-ajru, it-temp jistaʼ jibqaʼ sħun u l-art tibqaʼ niexfa, tirrapporta China Today. Ix-xita tidher nieżla mis-sema, u dak li jkun jistaʼ saħansitra jħossha x-xita jekk jgħolli idejh ’il fuq fl-ajru. Madankollu, f’din il-klima xotta għall-aħħar taʼ Turpan, l-evaporazzjoni sseħħ b’rata mgħaġġla iktar milli tinżel ix-xita. B’hekk, ix-“xita ħażina” tevapora qabel tilħaq tmiss maʼ l-art.
Dieta Qattiela
Veterinarju taʼ l-annimali fid-distrett taʼ Kutch fil-punent taʼ l-Indja dan l-aħħar neħħa 45 kilo boroż tal-plastik mill-istonku taʼ baqra marida, tirrapporta The Week, rivista f’Kerala, l-Indja. Minbarra l-boroż, hu sab ukoll drapp, qxur tal-ġewż taʼ l-Indji, wajer imkebbeb, u vit. Baqar li jiġġerrew barra fl-Indja jgħixu primarjament billi jieklu ż-żibel, u l-basktijiet tal-plastik mormijin huma perikolużi għalihom. Anki baqar li jitrabbew privatament għall-ħalib taʼ spiss jieklu żibel li jkun mal-ġenb tat-triq huma u sejrin fil-postijiet fejn jirgħu. Il-veterinarju, Dr. Jadeja, jgħid li t-tieni l-akbar problema għall-baqar wara l-mard taʼ l-ilsien u d-dwiefer, hi li jieklu l-plastik. Dan il-materjal li ma jistax jiġi diġerit jimblokka ż-żaqq, u mbagħad il-baqra ma tkunx tistaʼ ttellaʼ l-ikel biex tixtarru. Dawn il-baqar taʼ spiss jitħallew imutu. Kienu xi skrapan li għarrfu lil Dr. Jadeja b’dan meta sabu qabda plastik fl-istonku taʼ baqar mejtin, huma u jqaxxru l-ġilda taʼ dawn l-annimali.