LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 7/15 pp. 27-31
  • Ħerqanin li Naqdu lil Ġeħova, Ikun Fejn Ikun

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħerqanin li Naqdu lil Ġeħova, Ikun Fejn Ikun
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MILL-​KAMPANJA GĦALL-​BELT
  • NAQDU FLIMKIEN BĦALA KOPPJA MIŻŻEWĠA
  • SFIDA KBIRA U BARKA TAʼ VERU
  • GRATI GĦAL KULL PRIVILEĠĠ TAʼ SERVIZZ
  • ĠEĦOVA JAF X’NEĦTIEĠU
  • Ħarbu Minn Dilluvju!
    Stenbaħ!—2004
  • “It-Tjieba Tiegħek Aħjar mill-Ħajja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġeħova Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 7/15 pp. 27-31

BIJOGRAFIJA

Ħerqanin li Naqdu lil Ġeħova—Ikun Fejn Ikun

KIF RAKKONTATA MINN MARKUS U JANNY HARTLIEF

Qatt ma kont ippritkajt waħdi. Tant kont eċċitat li saqajja kienu jirtogħdu kull darba li kont noħroġ. Biex tgħaxxaq, in-​nies fit-​territorju xejn ma kienu juru interess. Xi wħud kienu aggressivi ħafna u heddew li jsawtuni. Matul l-​ewwel xahar li qdejt bħala pijunier, qassamt ktejjeb wieħed biss! —Markus.

DAN kien fl-​1949, iktar minn 60 sena ilu, imma l-​istorja tiegħi tibda ħafna snin qabel. Missieri, Hendrik, kien skarpan u ġardinar f’Donderen, raħal żgħir fit-​Tramuntana taʼ Drenthe, l-​Olanda. Jien twilidt hemmhekk fl-​1927, ir-​rabaʼ wieħed minn sebat itfal. Id-​dar tagħna kienet fi trejqa mħarbta f’post rurali. Il-​biċċa l-​kbira mill-​ġirien tagħna kienu bdiewa, u kienet togħġobni l-​ħajja tal-​biedja. Fl-​1947, meta kelli 19-​il sena, sirt naf bil-​verità mingħand wieħed mill-​ġirien tagħna, Theunis Been. Niftakar li meta l-​ewwel iltqajt maʼ Theunis ma tantx kelli grazzja miegħu. Imma wara li sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, jien innotajt li sar ħafna iktar dħuli milli kien qabel. Din il-​bidla fil-​personalità qanqlitli l-​kurżità, allura qgħadt nisimgħu meta kellimni dwar il-​wegħda t’Alla t’art magħmula ġenna. Ma domtx m’aċċettajt il-​verità, u sirna ħbieb għal għomorna.a

Bdejt nipprietka f’Mejju tal-​1948, u x-​xahar taʼ wara, fl-​20 taʼ Ġunju, tgħammidt f’konvenzjoni f’Utrecht. Fl-​1 taʼ Jannar, 1949, bdejt naqdi bħala pijunier u ġejt inkarigat Borculo, fil-​Lvant tal-​Olanda, fejn kien hemm kongregazzjoni żgħira. Kelli nivvjaġġa xi 130 kilometru biex nasal hemm, allura ddeċidejt li mmur bir-​rota. Ħsibt li kien se jiħodli xi 6 sigħat, imma minħabba x-​xita qalila u r-​riħ qawwi minn faċċata, ħadli 12-​il siegħa, avolja l-​aħħar 90 kilometru għamilthom bil-​ferrovija! Wasalt tard filgħaxija fid-​dar taʼ familja li kienu Xhieda. Dan hu fejn għext waqt li qdejt bħala pijunier f’dan il-​post.

Fis-​snin taʼ wara l-​gwerra, in-​nies ftit kellhom affarijiet. Jien kelli biss libsa waħda u qalziet wieħed—il-​libsa kienet kbira wisq, u l-​qalziet kien qasir wisq! Kif semmejt fil-​bidu, l-​ewwel xahar f’Borculo kien diffiċli, imma Ġeħova berikni b’diversi studji tal-​Bibbja. Wara disaʼ xhur, ġejt inkarigat naqdi f’Amsterdam.

MILL-​KAMPANJA GĦALL-​BELT

Wara li trabbejt fil-​kampanja, issa sibt ruħi f’Amsterdam, l-​akbar belt fl-​Olanda. In-​nies urew interess kbir fl-​aħbar tajba. Fl-​ewwel xahar, qassamt iktar letteratura milli kont qassamt fid-​disaʼ xhur taʼ qabel. Ma domtx ma kont qed nikkonduċi xejn inqas minn tmien studji tal-​Bibbja. Wara li nħtart bħala l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani, irċivejt inkarigu biex nagħti l-​ewwel taħdita pubblika tiegħi. Għalija din kienet xi ħaġa tal-​biżaʼ, allura ħadt ir-​ruħ meta ntbgħatt f’kongregazzjoni oħra eżatt qabel ma kien imissni nagħti t-​taħdita. Mur għidli dak iż-​żmien li matul is-​snin kont se nagħti iktar minn 5,000 taħdita!

Markus (l-​ewwel wieħed mil-​lemin) qed jagħti xhieda fit-​toroq ħdejn Amsterdam fl-​1950

F’Mejju tal-​1950, ġejt inkarigat naqdi f’Haarlem. Imbagħad irċivejt stedina biex nibda fix-​xogħol tas-​circuit. Għamilt tlett ijiem bilkemm stajt norqod. Għedt lil Robert Winkler, wieħed mill-​aħwa li kien qed jaqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa, li ma ħassejtnix kwalifikat, imma hu qalli: “Imla l-​formola. Issa titgħallem.” Allura wara xahar taħriġ, bdejt naqdi fix-​xogħol tas-​circuit. Waqt żjara f’waħda mill-​kongregazzjonijiet, iltqajt maʼ Janny Taatgen, pijuniera żagħżugħa ferriħija li kellha mħabba kbira għal Ġeħova u kienet tistinka ħafna fil-​ministeru. Iżżewwiġna fl-​1955. Imma qabel ma nkompli bl-​istorja tiegħi, Janny se tispjega kif saret pijuniera u kif qdejna flimkien wara li żżewwiġna.

NAQDU FLIMKIEN BĦALA KOPPJA MIŻŻEWĠA

Janny: Ommi saret Xhud fl-​1945 meta kelli 11-​il sena. Hi mill-​ewwel fehmet kemm kien importanti li tistudja l-​Bibbja mat-​tlett itfal tagħha, imma missieri kien jopponi l-​verità, allura kienet tgħallimna meta ma kienx ikun id-​dar.

L-​ewwel laqgħa li attendejt kienet konvenzjoni f’The Hague fl-​1950. Ġimgħa wara, attendejt l-​ewwel laqgħa tiegħi fis-​Sala tas-​Saltna lokali f’Assen (Drenthe). Missieri tant irrabja li keċċieni mid-​dar. Imma qabel ma tlaqt, ommi qaltli, “Taf fejn tistaʼ tmur tgħix.” Kont naf li kienet qed tirreferi għall-​aħwa tal-​kongregazzjoni. L-​ewwel mort ngħix maʼ familja taʼ Xhieda li kienu jgħixu viċin, imma missieri xorta kien qed jagħmilhieli diffiċli, allura mort fil-​kongregazzjoni taʼ Deventer (Overijssel), li kienet xi 95 kilometru ’l bogħod. Però, kont għadni taħt l-​età, allura missieri ġie fl-​inkwiet mal-​awtoritajiet ċivili talli ġegħelni nitlaq mid-​dar. Minħabba f’hekk, qalli li stajt immur lura d-​dar. Għalkemm missieri qatt m’aċċetta l-​verità, hu maż-​żmien ħallieni nattendi l-​laqgħat kollha u noħroġ nipprietka.

Janny (l-​ewwel waħda mil-​lemin) qed taqdi bħala pijuniera awżiljarja fl-​1952

Ftit wara li mort lura d-​dar, ommi mardet serjament u kelli nagħmel ix-​xogħol tad-​dar kollu. Minkejja dan, komplejt nagħmel progress spiritwali u tgħammidt fl-​1951 meta kelli 17-​il sena. Fl-​1952, wara li ommi rkuprat mill-​marda tagħha, għal xahrejn qdejt bħala pijuniera awżiljarja flimkien maʼ tliet aħwa nisa pijunieri. Konna ngħixu fuq dgħajsa u konna nippritkaw f’żewġt ibliet fi Drenthe. Sirt pijuniera regulari fl-​1953. Sena wara, indokratur tas-​circuit żagħżugħ żar il-​kongregazzjoni tagħna. Dan kien Markus. Iżżewwiġna f’Mejju tal-​1955, għax ħassejna li stajna naqdu lil Ġeħova aħjar bħala koppja.—Ekk. 4:9-​12.

Il-​ġurnata tat-​tieġ tagħna fl-​1955

Markus: Wara li żżewwiġna, għall-​ewwel ġejna inkarigati bħala pijunieri f’Veendam (Groningen). Konna ngħixu f’kamra żgħira ħafna li kienet biss xi żewġ metri bi tlieta. Kull filgħaxija, kien ikollna nċaqalqu l-​mejda u żewġ siġġijiet żgħar min-​nofs biex inkunu nistgħu nniżżlu s-​sodda li kienet mal-​ħajt. Minkejja dan, Janny għamlet il-​kamra sabiħa u komda.

Wara sitt xhur, ġejna mistidnin naqdu fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar fil-​Belġju. Fl-​1955, kien hemm biss xi 4,000 pubblikatur fil-​pajjiż. Issa hemm iktar minn 24,000 pubblikatur! Fi Flanders, fit-​Tramuntana tal-​Belġju, in-​nies jitkellmu l-​istess lingwa tal-​Olanda. Madankollu, l-​aċċent Belġjan hu differenti mhux ħażin, allura għall-​ewwel sibnieha diffiċli biex nifhmu lin-​nies.

Janny: Ix-​xogħol tal-​ivvjaġġar jirrikjedi li tkun lest taqdi lil Alla u tgħin lil oħrajn. Aħna konna nżuru l-​kongregazzjonijiet bir-​rota u konna noqogħdu fid-​djar tal-​aħwa. Peress li ma kellniex fejn noqogħdu, konna nibqgħu mal-​aħwa sat-​Tlieta filgħodu, meta mbagħad konna nivvjaġġaw lejn il-​kongregazzjoni li jmiss. Iffaċċjajna diffikultajiet, imma dejjem qisna s-​servizz tagħna bħala barka mingħand Ġeħova.

Markus: Għall-​ewwel, ma konna nafu lil ħadd mill-​aħwa fil-​kongregazzjonijiet, imma kienu qalbhom tajba u ospitabbli ħafna. (Ebr. 13:2) Matul is-​snin, żorna diversi drabi l-​kongregazzjonijiet kollha li jitkellmu bl-​Olandiż fil-​Belġju. Dan ġabilna bosta barkiet. Pereżempju, sirna nafu kważi lill-​aħwa kollha fid-​distrett Olandiż, u huma saru għeżież ferm għalina. Rajna mijiet taʼ tfal jikbru u jagħmlu progress fil-​verità, jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova, u jpoġġu s-​servizz tiegħu l-​ewwel. Verament inħossuna ferħanin meta naraw ħafna minnhom jaqdu lil Ġeħova lealment fis-​servizz full-​time. (3 Ġw. 4) Dan l-​inkuraġġiment li tajna lil xulxin għamilhielna faċli biex inkomplu fl-​inkarigu tagħna b’qalbna kollha.—Rum. 1:12.

SFIDA KBIRA U BARKA TAʼ VERU

Markus: Minn dakinhar li żżewwiġna, kienet ix-​xewqa tagħna li nattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad. Kuljum konna nistudjaw l-​Ingliż, imqar għal siegħa. Però, ma kienx faċli li nitgħallmu l-​Ingliż mill-​kotba biss, allura ddeċidejna li mmorru l-​Ingilterra waqt il-​vaganzi tagħna biex nipprattikaw il-​lingwa waqt li nippritkaw hemmhekk. Fl-​aħħar, fl-​1963 irċivejna envelop mill-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Kien fih żewġ ittri, waħda għalija u oħra għal Janny. L-​ittra tiegħi kienet stedina biex nattendi klassi speċjali taʼ Gilegħad għal għaxar xhur. Il-​kors kien se jiffoka l-​aktar fuq li jħarreġ lill-​aħwa rġiel fl-​organizzar tax-​xogħol tal-​ippritkar. Għalhekk, mill-​100 student li kienu mistidnin, 82 minnhom kienu aħwa rġiel.

Janny: Fl-​ittra li rċivejt dakinhar, ġejt mitluba nikkunsidra bit-​talb jekk kontx lesta li nibqaʼ l-​Belġju waqt li Markus imur Gilegħad. Irrid nammetti li għall-​ewwel ħassejtni diżappuntata. Ħassejt li l-​isforzi tiegħi biex nagħmel progress ma kinux qed jitbierku. Imma mbagħad ftakart li l-​iskop taʼ Gilegħad kien li jgħin lill-​istudenti biex iwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja. Allura aċċettajt li nibqaʼ l-​Belġju u naqdi bħala pijuniera speċjali f’Ghent flimkien maʼ Anna u Maria Colpaert, żewġ pijunieri speċjali b’ħafna esperjenza.

Markus: Peress li kelli ntejjeb l-​Ingliż, ġejt mistieden immur Brooklyn ħames xhur qabel ma bdiet l-​iskola. Ħdimt fid-​dipartimenti tax-​Shipping u tas-​Servizz. Sirt iktar konxju tal-​fratellanza internazzjonali tagħna hekk kif ħdimt fil-​kwartieri ġenerali u għent biex inlestu l-​letteratura biex tintbagħat l-​Asja, l-​Ewropa, u l-​Amerika t’Isfel. Niftakar speċjalment lil Ħuna A. H. Macmillan, li kien qeda bħala indokratur li jivvjaġġa fi żmien Ħuna Russell. Sa dan iż-​żmien kien xiħ u nieqes mis-​smigħ, iżda lealment attenda l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kollha. Dan ħalla impressjoni kbira fuqi u għallimni li dejjem għandna napprezzaw l-​assoċjazzjoni Kristjana tagħna.—Ebr. 10:24, 25.

Janny: Jien u Markus konna niktbu l-​ittri lil xulxin kull ġimgħa. Immissjajna lil xulxin ħafna! Però, Markus ħa pjaċir bit-​taħriġ li kien qed jingħata f’Gilegħad, u jien ħassejt ferħ kbir fil-​ministeru tiegħi. Sakemm Markus ġie lura mill-​Istati Uniti, kont qed nikkonduċi 17-​il studju tal-​Bibbja! Il-​fatt li konna ’l bogħod minn xulxin għal 15-​il xahar ċertament kien taʼ sfida, imma stajt nara li Ġeħova berikna għas-​sagrifiċċji li għamilna. Dakinhar li Markus ġie lura, l-​ajruplan ittardja għal diversi sigħat, allura meta sa fl-​aħħar wasal, bkejna hekk kif għannaqna lil xulxin. Minn dakinhar ’l hawn, konna inseparabbli.

GRATI GĦAL KULL PRIVILEĠĠ TAʼ SERVIZZ

Markus: Meta ġejt lura minn Gilegħad f’Diċembru tal-​1964, ġejna inkarigati naqdu f’Betel. Imma dan ma damx ma nbidel. Tliet xhur biss wara, ġejna inkarigati fix-​xogħol tad-​distrett fi Flanders. Meta Aalzen u Els Wiegersma ntbagħtu bħala missjunarji fil-​Belġju, huma ġew inkarigati fix-​xogħol tad-​distrett, u aħna morna lura Betel fejn ħdimt fid-​Dipartiment tas-​Servizz. Mill-​1968 sal-​1980, l-​inkarigu tagħna tbiddel diversi drabi milli naqdu f’Betel għal li naqdu fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Finalment, mill-​1980 sal-​2005, erġajt qdejt bħala indokratur tad-​distrett.

Għalkemm l-​inkarigu tagħna spiss tbiddel, qatt ma nsejna li konna ddedikajna ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Verament ħadna pjaċir f’kull inkarigu li ngħatajna, fiduċjużi li l-​iskop taʼ kwalunkwe bidla fis-​servizz tagħna kien biex jgħin ix-​xogħol tal-​ippritkar.

Janny: Kont eċċitata ħafna li mmur maʼ Markus fi Brooklyn fl-​1977 u f’Patterson fl-​1997 meta ngħata iktar taħriġ bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa.

ĠEĦOVA JAF X’NEĦTIEĠU

Markus: Fl-​1982, Janny kellha tagħmel operazzjoni u rkuprat tajjeb. Tliet snin wara, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni f’Louvain b’qalb tajba offrewlna appartament fuq is-​Sala tas-​Saltna tagħhom. Għall-​ewwel darba fi 30 sena, kellna post żgħir li kien tagħna. Nhar taʼ Tlieta, meta konna nippakkjaw biex inżuru lil xi kongregazzjoni, kelli nitlaʼ u ninżel l-​54 tarġa diversi drabi biex inniżżel il-​bagalji tagħna! Allura konna grati ħafna meta fl-​2002 saru arranġamenti biex ikollna appartament bla taraġ. Wara li għalaqt 78 sena, ġejna inkarigati bħala pijunieri speċjali fil-​belt taʼ Lokeren. Aħna ferħanin ħafna li nistgħu naqdu b’dan il-​mod u li għadna nistgħu noħorġu fis-​servizz kuljum.

“Tassew nemmnu li la fejn naqdu u lanqas liema inkarigu jkollna mhu importanti, imma, minflok, lil min naqdu”

Janny: B’kollox qattajna iktar minn 120 sena fis-​servizz full-​time! Rajna b’għajnejna stess kemm hi minnha l-​wegħda taʼ Ġeħova li ‘żgur ma jitlaqniex’ u li jekk naqduh lealment, ‘lanqas ħaġa waħda ma tonqosna.’—Ebr. 13:5; Dt. 2:7.

Markus: Meta konna żgħar, iddedikajna ruħna lil Ġeħova. Qatt ma fittixna ħwejjeġ kbar għalina nfusna. Aħna dejjem aċċettajna kull inkarigu li ngħatalna. Tassew nemmnu li la fejn naqdu u lanqas liema inkarigu jkollna mhu importanti, imma, minflok, lil min naqdu.

a Matul is-​snin, missieri, ommi, oħti akbar minni, u tnejn minn ħuti s-​subien ukoll saru Xhieda.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja