Ġeremija
25 Il-kelma li ġiet għand Ġeremija dwar il-poplu kollu taʼ Ġuda fir-rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim+ bin Ġosija, is-sultan taʼ Ġuda, jiġifieri, fl-ewwel sena taʼ Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja; 2 u li l-profeta Ġeremija tkellem dwar il-poplu kollu taʼ Ġuda u dwar l-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm, billi qal:
3 “Mis-sena tlettax taʼ Ġosija+ bin Amon, is-sultan taʼ Ġuda, sa llum, għal dawn it-tlieta u għoxrin sena, ġiet għandi l-kelma taʼ Ġeħova, u jien kellimtkom kemm-il darba, iva, kont inbakkar fil-għodu biex inkellimkom, imma intom ma smajtux.+ 4 U Ġeħova bagħtilkom il-qaddejja kollha tiegħu l-profeti, u kien ibakkar u jibgħathom, imma intom ma smajtux,+ lanqas mejjiltu widnitkom biex tisimgħu,+ 5 meta kienu jgħidulkom, ‘Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-ħażina u mill-ħażen taʼ l-għemejjel tagħkom,+ u tibqgħu tgħixu fl-art li Ġeħova ta lilkom u lil missirijietkom żmien twil ilu sabiex tgħixu fiha għal żmien twil.+ 6 U timxux wara allat oħrajn biex taqduhom u tmilu quddiemhom, sabiex ma toffendunix b’xogħol idejkom, u b’hekk ma nġibx ħsara fuqkom.’+
7 “‘Imma intom ma smajtux minni,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u offendejtuni b’xogħol idejkom, bi ħsara għalikom.’+
8 “Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘“Talli m’obdejtux minn kliemi, 9 ara, se nibgħat għall-familji kollha tat-tramuntana,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “anki għal Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, il-qaddej tiegħi,+ u nġibhom kontra dan il-pajjiż+ u l-abitanti tiegħu u kontra dawn il-ġnus kollha taʼ madwar;+ u niddedikahom għall-qerda* u nagħmilhom oġġett taʼ stagħġib u taʼ tisfir+ u ħerba għal żmien indefinit.+ 10 U neqred minn ġo fihom il-ħoss tal-ferħ u l-ħoss taʼ l-hena,+ leħen l-għarus u leħen l-għarusa,+ il-ħoss tal-mitħna taʼ l-idejn+ u d-dawl tal-musbieħ.+ 11 U dan il-pajjiż kollu jsir ħerba, oġġett taʼ stagħġib, u dawn il-ġnus ikollhom jaqdu lis-sultan taʼ Babilonja għal sebgħin sena.”’+
12 “‘U jiġri li meta jgħaddu sebgħin sena,+ nitlob kont mis-sultan taʼ Babilonja u minn dak il-ġens,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘għall-iżball tagħhom, iva, mill-art tal-Kaldin,+ u nagħmilha art abbandunata għal żmien indefinit.+ 13 U nġib fuq dak il-pajjiż kulma għedt kontrih, kulma hemm miktub f’dan il-ktieb li Ġeremija pprofetizza kontra l-ġnus kollha.+ 14 Għax anki huma, ħafna ġnus u slaten kbar,+ sfruttawhom bħala qaddejja;+ u jien se nħallashom t’għemilhom u taʼ xogħol idejhom.’”+
15 Għax hekk qalli Ġeħova, l-Alla taʼ Israel: “Ħu l-kies taʼ l-inbid tal-korla minn idi, u isqih lill-ġnus kollha għand min se nibagħtek.+ 16 U huma jixorbu u jixxenglu u jaġixxu qishom imġienen minħabba s-sejf li se nibgħat fosthom.”+
17 U jien ħadt il-kies minn id Ġeħova u sqejtu lill-ġnus kollha li kien bagħatni+ għandhom Ġeħova: 18 jiġifieri, Ġerusalemm u l-bliet taʼ Ġuda u s-slaten u l-prinċpijiet tiegħu, sabiex jagħmilhom ħerba, oġġett taʼ stagħġib+ u taʼ tisfir, u saħta, bħalma se jiġri issa;+ 19 il-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, u l-qaddejja u l-prinċpijiet u n-nies kollha tiegħu;+ 20 u l-kotra mħallta kollha mill-ġnus, u s-slaten kollha taʼ l-art t’Uż+ u taʼ l-art tal-Filistin+ u Askelon+ u Gaża+ u Għekron+ u l-fdal t’Asdod;+ 21 Edom+ u Mowab+ u wlied Għammon;+ 22 u s-slaten kollha taʼ Tir+ u taʼ Sidon+ u s-slaten tal-gżejjer* tal-baħar; 23 u Dedan+ u Tema+ u Buż u dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom;+ 24 u s-slaten kollha taʼ l-Għarab+ u tal-kotra mħallta li jgħammru fix-xagħri; 25 u s-slaten kollha taʼ Żimri u t’Għelam+ u tal-Medin;+ 26 u s-slaten kollha tat-tramuntana fil-viċin u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet l-oħrajn kollha taʼ l-art li huma fuq wiċċ l-art; u s-sultan taʼ Sesak*+ jixrob warajhom.
27 “U għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Ixorbu, iskru, irremettu, u aqgħu b’tali mod li ma terġgħux tqumu+ minħabba s-sejf li se nibgħat fostkom.”’+ 28 U jiġri li jekk ma jkunux iridu jieħdu l-kies minn idek biex jixorbu, għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Tixorbu bilfors.+ 29 Għax, ara, se nġib gwaj+ u se nibda mill-belt li ssejjaħ ismi fuqha; allura qed taħsbu li intom b’xi mod se teħilsu mill-kastig?”’+
“‘Ma teħilsuhiex, għax se nsejjaħ sejf kontra l-abitanti kollha taʼ l-art,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati.
30 “U int ipprofetizzalhom dan il-kliem kollu, u għidilhom, ‘Ġeħova se jgħajjat+ mill-għoli, u mill-post qaddis fejn jgħammar se jsemmaʼ leħnu.+ Żgur se jgħajjat għal fuq il-post fejn jgħammar. Bħal dawk li jkunu qed jgħaffġu fil-magħsar taʼ l-inbid, hekk se jgħanni u jgħajjat kontra l-abitanti kollha taʼ l-art.’+
31 “‘Se jasal ħoss sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art, għax Ġeħova qiegħed f’kontroversja mal-ġnus.+ Hu se jkollu xi jgħid mal-bnedmin kollha,+ u lill-ħżiena jagħtihom għas-sejf,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
32 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘Ara! Se jgħaddi gwaj minn ġens għal ġens,+ u tempesta kbira se tqum mill-ibgħad partijiet taʼ l-art.+ 33 U dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-tarf l-ieħor taʼ l-art.+ Ma jibkuhomx, lanqas jiġbruhom jew jidfnuhom.+ Bħal demel fuq wiċċ l-art isiru.’+
34 “Newħu rgħajja, u għajtu!+ Tmiegħku+ kbarat tal-merħla,+ għax waslilkom iż-żmien biex tinqatlu u tixterdu,+ u taqgħu bħal reċipjent sabiħ!+ 35 U r-rgħajja m’għadx għandhom fejn jaħarbu, u l-kbarat tal-merħla m’għadx għandhom mezz taʼ ħelsien.+ 36 Ismaʼ! L-għajat tar-rgħajja u t-tinwiħ tal-kbarat tal-merħla, għax Ġeħova qed iħarbtilhom il-mergħa. 37 U l-postijiet fejn kienu jgħammru fil-paċi spiċċaw bla ħajja minħabba r-rabja taħraq taʼ Ġeħova.+ 38 Hu ħareġ mill-moħba tiegħu bħal iljun b’saħħtu,+ u pajjiżhom sar oġġett taʼ stagħġib minħabba l-ħruxija tas-sejf u minħabba r-rabja taħraq tiegħu.”+