Ester*
1 Issa ġara fi żmien Aħasweru,*+ jiġifieri, Aħasweru li kien isaltan mill-Indja sa l-Etjopja, fuq mija u sebgħa u għoxrin provinċja,+ 2 li f’dak iż-żmien meta s-Sultan Aħasweru kien bil-qiegħda fuq it-tron irjali+ tiegħu fil-kastell+ taʼ Susan,+ 3 fit-tielet sena tar-renju tiegħu, hu għamel ikla kbira+ għall-prinċpijiet u l-qaddejja kollha tiegħu, u quddiemu kien hemm il-qawwa militari tal-Persja+ u l-Medja,+ in-nobbli+ u l-prinċpijiet tal-provinċji.+ 4 Hu wriehom ir-rikkezzi+ tas-saltna glorjuża tiegħu u l-ġieħ+ u s-sbuħija tal-kobor tiegħu għal bosta jiem, għal mija u tmenin jum. 5 U meta għaddew dawn il-jiem, is-sultan għamel ikla kbira taʼ sebat ijiem għan-nies kollha li kienu fil-kastell taʼ Susan, mill-kbir saż-żgħir, fil-bitħa tal-ġnien tal-palazz tas-sultan. 6 Kien hemm purtieri taʼ l-għażel, taʼ qoton fin u taʼ materjal blu+ mdendlin bi ħbula taʼ drapp fin, u suf miżbugħ vjola ħamrani+ f’ħoloq tal-fidda u fuq kolonni taʼ l-irħam, u divani+ tad-deheb u tal-fidda fuq art miksija bil-porfirju,* bl-irħam abjad, bil-madriperla, u bl-irħam iswed.
7 U tqassam l-inbid għax-xorb f’reċipjenti tad-deheb;+ u r-reċipjenti kienu differenti minn xulxin, u kien hemm kwantità kbira taʼ nbid irjali,+ skond il-mezzi tas-sultan. 8 F’dik l-okkażjoni, ma kien hemm ħadd li jġegħelhom jixorbu skond il-liġi, għax hekk kien l-arranġament tas-sultan għall-kbarat kollha taʼ daru, biex kull wieħed jagħmel kif jogħġbu.
9 Is-Sultana Vasti+ wkoll għamlet ikla kbira għan-nisa fid-dar irjali tas-Sultan Aħasweru.
10 Fis-sebaʼ jum, meta qalb is-sultan kienet ferħana bl-inbid,+ hu qal lil Meħuman, Biżta, Ħarbona,+ Bigta u Abagta, Żetar u Karkas, is-sebaʼ uffiċjali tal-palazz li kienu jaqdu+ lis-Sultan Aħasweru nnifsu, 11 biex iġibu lis-Sultana Vasti bil-velu rjali quddiem is-sultan ħalli juri ġmielha lill-popli u lill-prinċpijiet; għax kienet sabiħa fl-għajn.+ 12 Imma s-Sultana Vasti baqgħet ma riditx+ tiġi meta s-sultan bagħat għaliha permezz taʼ l-uffiċjali tal-palazz. Minħabba dan, is-sultan għadab ferm u xegħel bil-korla.+
13 U s-sultan qal lill-għorrief+ li kienu jifhmu fl-użanzi taʼ dawk iż-żminijiet+ (għax hekk kienet titressaq il-kwistjoni tas-sultan quddiem dawk kollha li kienu midħla tal-liġi u l-kawżi legali, 14 u l-eqreb lejh kienu Karsena, Setar, Admata, Tarsis, Meres, Marsena, u Memukan, sebaʼ+ prinċpijiet tal-Persja u l-Medja li setgħu jersqu quddiem is-sultan+ u li kellhom l-ewwel pożizzjonijiet fis-saltna): 15 “Skond il-liġi x’għandu jsir mis-Sultana Vasti talli m’għamlitx dak li qalilha s-Sultan Aħasweru permezz taʼ l-uffiċjali tal-palazz?”
16 Għal dan, Memukan+ qal quddiem is-sultan u l-prinċpijiet: “Is-Sultana Vasti ma naqsitx+ biss lis-sultan imma wkoll lill-prinċpijiet kollha u l-popli kollha li qegħdin f’kull provinċja tas-Sultan Aħasweru. 17 Għax in-nisa miżżewġin kollha jsiru jafu b’dak li għamlet is-sultana, u b’hekk is-sidien+ tagħhom ikunu mistmerrin+ f’għajnejhom, meta jgħidu, ‘Is-Sultan Aħasweru qal biex iġibulu lis-Sultana Vasti quddiemu, u hi ma marritx.’ 18 U dakinhar il-prinċipessi tal-Persja u l-Medja, li jkunu semgħu x’għamlet is-sultana, ikellmu lill-prinċpijiet kollha tas-sultan bl-istess mod, u jkun hemm ħafna disprezz u għadab.+ 19 Jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb,+ ħa toħroġ mingħandu kelma rjali—u ħa tinkiteb mal-liġijiet+ tal-Persja u l-Medja sabiex ma titħassarx+—illi Vasti ma tidħolx quddiem is-Sultan Aħasweru; u ħa jagħti s-sultan id-dinjità rjali tagħha lil mara oħra, waħda aħjar minnha. 20 U d-digriet li jagħmel is-sultan irid jinstemaʼ mar-renju tiegħu kollu (għax hu kbir ferm), u n-nisa miżżewġin kollha jonoraw+ lis-sidien+ tagħhom, mill-kbir saż-żgħir.”
21 U l-ħaġa ntgħoġbot mis-sultan+ u l-prinċpijiet, u s-sultan għamel kif qal Memukan. 22 Għalhekk, bagħat dokumenti+ miktubin lill-provinċji kollha tas-sultan, lil kull waħda minn dawn il-provinċji+ skond il-kitba tagħha u lil kull poplu bl-ilsien tiegħu, sabiex kull raġel miżżewweġ jibqaʼ jkun prinċep f’daru+ u jitkellem bi lsien il-poplu tiegħu.
2 Wara dan, meta r-rabja tas-Sultan Aħasweru+ birdet, hu ftakar f’Vasti+ u f’dak li kienet għamlet+ u x’kien ġie deċiż kontriha.+ 2 Imbagħad il-qaddejja tas-sultan, il-ministri+ tiegħu, qalu: “Ħa jfittxu+ għas-sultan tfajliet verġni,+ sbieħ fl-għajn, 3 u ħa jaħtar is-sultan uffiċjali fil-provinċji+ kollha tar-renju tiegħu, u jiġbru flimkien it-tfajliet verġni kollha, sbieħ fl-għajn, fil-kastell+ taʼ Susan, fid-dar tan-nisa u jiġu fdati f’idejn Ħegaj,+ l-ewnuku+ tas-sultan li kien jieħu ħsieb in-nisa; u ħa jagħmlulhom il-massaġġi. 4 U dik it-tfajla li tingħoġob mis-sultan tkun sultana minflok Vasti.”+ U din il-ħaġa għoġbitu lis-sultan, u hekk għamel.
5 Fil-kastell taʼ Susan+ kien hemm ċertu raġel Lhudi, jismu Mordekaj,+ bin Ġajir, bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù taʼ Benjamin,+ 6 li minn Ġerusalemm ittieħed fl-eżilju+ man-nies li ġew eżiljati maʼ Ġekonija,+ is-sultan taʼ Ġuda li ttieħed fl-eżilju minn Nebukadnessar,+ is-sultan taʼ Babilonja. 7 U beda jieħu ħsieb+ lil Ħadassa,* jiġifieri, Ester, it-tifla taʼ ħu missieru,+ għax la kellha missier u lanqas omm; u t-tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu,+ u mal-mewt taʼ missierha u ommha Mordekaj ħadha b’bintu. 8 U ġara li, meta nstemgħu l-kelma u l-liġi tas-sultan, u meta fil-kastell taʼ Susan+ ġabru flimkien ħafna tfajliet li ġew fdati f’idejn Ħegaj,+ Ester ittieħdet fid-dar tas-sultan u ġiet fdata f’idejn Ħegaj li kien jieħu ħsieb in-nisa.
9 Issa t-tfajla għoġbitu, u għalhekk urieha qalb tajba bl-imħabba+ u ra li malajr jinbdewlha l-massaġġi+ u jingħatalha l-ikel adattat għaliha, u jingħatawlha sebaʼ tfajliet magħżulin minn dar is-sultan, u lilha u lit-tfajliet tagħha ħadhom fl-aħjar post li kien hemm f’dar in-nisa. 10 Ester ma kienet qalet xejn dwar il-poplu tagħha+ u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.+ 11 U jum wara l-ieħor Mordekaj kien jgħaddi quddiem il-bitħa taʼ dar in-nisa biex ikun jaf kif inhi Ester u x’kienu qed jagħmlulha.
12 U meta kien imiss lil kull waħda mit-tfajliet biex tidħol għand is-Sultan Aħasweru wara li jkun sarilha skond ir-regolament tan-nisa għal tnax-il xahar, għax hekk kien isir fiż-żmien tal-proċedura tal-massaġġi tagħhom, sitt xhur biż-żejt tal-mirra+ u sitt xhur biż-żejt tal-balzmu+ flimkien mal-massaġġi tan-nisa; 13 imbagħad wara dan kollu t-tfajla tidħol għand is-sultan. Kulma kienet titlob kien jingħatalha, biex tieħdu magħha mid-dar tan-nisa għad-dar tas-sultan.+ 14 Fil-għaxija kienet tidħol, u fil-għodu tmur lura fit-tieni dar tan-nisa fdata f’idejn Sagħasgaż, l-ewnuku+ tas-sultan li kien jieħu ħsieb il-konkubini. Ma kinitx terġaʼ tidħol għand is-sultan ħlief jekk hu jkollu pjaċir biha u jkun sejħilha b’isimha.+
15 U meta mess lil Ester, bint Abiħajl iz-ziju taʼ Mordekaj li kien ħadha b’bintu,+ biex tidħol għand is-sultan, hi ma talbet xejn+ ħlief dak li qalilha Ħegaj,+ l-ewnuku tas-sultan li kien jieħu ħsieb in-nisa (sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha).+ 16 Imbagħad Ester ittieħdet għand is-Sultan Aħasweru fid-dar irjali tiegħu fl-għaxar xahar, jiġifieri, fix-xahar taʼ Tebet, fis-sebaʼ sena+ tar-renju tiegħu. 17 U s-sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-nisa l-oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-imħabba iktar mill-verġni l-oħrajn kollha.+ U hu poġġa l-velu rjali fuq rasha u għamilha sultana+ minflok Vasti. 18 U s-sultan għamel ikla kbira għall-prinċpijiet u l-qaddejja tiegħu kollha, l-ikla t’Ester; u hu ta maħfra ġenerali+ lill-provinċji kollha, u kompla jagħti rigali skond il-mezzi tas-sultan.
19 Issa meta ġabru flimkien għat-tieni darba lit-tfajliet verġni,+ Mordekaj kien bil-qiegħda f’bieb is-sultan.+ 20 Ester ma kienet qed tgħid xejn dwar qrabatha u l-poplu tagħha,+ bħalma kien ikkmandaha+ Mordekaj;+ u Ester kienet qed tagħmel kulma qalilha Mordekaj, kif kienet tagħmel meta kien jieħu ħsiebha hu.+
21 F’dawk il-jiem meta Mordekaj kien bil-qiegħda f’bieb is-sultan, Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali tal-palazz tas-sultan, għassiesa tal-bibien, irrabjaw u bdew jaraw kif se jagħmlu l-ħsara+ lis-Sultan Aħasweru. 22 U Mordekaj sar jaf b’dan, u qal+ mill-ewwel lis-Sultana Ester. Min-naħa tagħha Ester tkellmet mas-sultan f’isem Mordekaj.+ 23 Allura meta sar stħarriġ dwar din il-kwistjoni u nstab li kienet minnha, it-tnejn li huma ġew imdendlin+ maʼ zokk;+ imbagħad dan inkiteb quddiem is-sultan fi ktieb il-ġrajjiet+ taż-żminijiet.
3 Wara dan, is-Sultan Aħasweru ta unur akbar lil Ħaman+ bin Ħammedata l-Agagi+ u eżaltah+ u għolla t-tron tiegħu ’l fuq mill-prinċpijiet l-oħrajn kollha li kienu miegħu.+ 2 U l-qaddejja kollha tas-sultan li kienu f’bieb is-sultan+ kienu jmilu u jinxteħtu fl-art quddiem Ħaman, għax hekk kien ikkmanda s-sultan dwaru. Imma Mordekaj la kien imil u lanqas jinxteħet fl-art quddiemu.+ 3 U l-qaddejja tas-sultan li kienu f’bieb is-sultan bdew jgħidu lil Mordekaj: “Għala qed tinjora l-kmand tas-sultan?”+ 4 U ġara li wara li kellmuh jum wara l-ieħor u hu ma tahomx widen, qalu b’dan lil Ħaman biex jaraw jekk l-attitudni taʼ Mordekaj kinitx se titħalla tibqaʼ għaddejja;+ għax hu kien qalilhom li kien Lhudi.+
5 Issa Ħaman ra li Mordekaj ma kienx qed imil u jinxteħet fl-art quddiemu,+ u Ħaman imtela bir-rabja.+ 6 Imma deherlu li ma kienx biżżejjed li jmidd idu fuq Mordekaj biss, għax kienu qalulu dwar il-poplu taʼ Mordekaj; u Ħaman beda jipprova jeqred+ lil-Lhud kollha li kienu fir-renju kollu t’Aħasweru, il-poplu taʼ Mordekaj.+
7 Fl-ewwel xahar,+ jiġifieri, ix-xahar taʼ Nisan, fis-sena+ tnax tas-Sultan Aħasweru, tefgħu l-Pur,*+ jiġifieri, ix-Xorti,+ quddiem Ħaman biex jiġi determinat il-jum u x-xahar, u x-xorti waqgħet fuq it-tnax-il wieħed, jiġifieri, ix-xahar t’Adar.+ 8 U Ħaman qal lis-Sultan Aħasweru: “Hemm ċertu poplu mxerred+ u separat fost il-popli fil-provinċji kollha tar-renju+ tiegħek; u l-liġijiet tagħhom huma differenti minn dawk tal-popli l-oħrajn kollha, u m’humiex qed iwettqu l-liġijiet tas-sultan,+ u m’huwiex xieraq li s-sultan iħalli dan għaddej. 9 Jekk hu tajjeb għas-sultan, ħa jkun miktub li dawn jinqerdu; u jien inħallas għaxart elef+ talent fidda f’idejn dawk li jagħmlu x-xogħol,+ sabiex dawn it-talenti jġibuhom fit-teżorerija tas-sultan.”
10 Imbagħad is-sultan neħħa ċ-ċurkett tas-siġill+ minn idu u tah lil Ħaman,+ bin Ħammedata l-Agagi,+ l-għadu tal-Lhud.+ 11 U s-sultan qal lil Ħaman: “Nagħtik il-fidda,+ u l-poplu wkoll, biex tagħmel minnhom dak li jidhirlek li hu tajjeb f’għajnejk.”+ 12 Imbagħad issejħu s-segretarji+ tas-sultan fl-ewwel xahar fit-tlettax-il jum tiegħu, u nkiteb+ dak kollu li Ħaman ikkmanda lis-satrapi* tas-sultan u lill-gvernaturi li kienu fuq id-diversi provinċji,+ u lill-prinċpijiet tal-popli differenti taʼ kull waħda minn dawn il-provinċji, skond il-kitba+ tagħha, u lil kull poplu bl-ilsien tiegħu; dan inkiteb f’isem+ is-Sultan Aħasweru u ġie mmarkat biċ-ċurkett tas-siġill+ tas-sultan.
13 U l-ittri ntbagħtu permezz tal-messaġġiera+ f’kull provinċja tas-sultan, biex jinġiebu fix-xejn, jinqatlu u jinqerdu l-Lhud kollha, iż-żgħażagħ kif ukoll ix-xjuħ, it-tfal u n-nisa, f’ġurnata waħda,+ fit-tlettax-il jum tat-tnax-il xahar, jiġifieri, ix-xahar t’Adar,+ u jaħtfulhom ġidhom.+ 14 Kopja tal-kitba, li kellha tingħata bħala liġi+ fil-provinċji differenti kollha,+ kienet qed titqassam lill-popli kollha sabiex huma jħejju ruħhom għal dan il-jum. 15 Il-messaġġiera ħarġu, u bdew iħaffu+ minħabba l-kelma tas-sultan, u din il-liġi ngħatat ukoll fil-kastell taʼ Susan.+ Inkwantu għas-sultan u Ħaman, dawn qagħdu bil-qiegħda jixorbu;+ filwaqt li l-belt taʼ Susan+ kienet f’konfużjoni.+
4 U meta Mordekaj+ sar jaf b’kulma kien sar,+ ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-ixkora+ u tefaʼ l-irmied+ fuqu, u mar f’nofs il-belt jgħajjat għajat kbir taʼ mrar.+ 2 Fl-aħħar wasal sa quddiem bieb is-sultan,+ għax ħadd ma setaʼ jgħaddi minn bieb is-sultan bl-ilbies taʼ l-ixkora. 3 U fil-provinċji differenti kollha,+ kulfejn kienu qed jaslu l-kelma u l-liġi tas-sultan, kien hemm ħafna niket+ fost il-Lhud, u sawm+ u biki u lfiq. U għal ħafna, l-ixkora+ u l-irmied+ saru bħal friex. 4 U t-tfajliet t’Ester u l-ewnuċi+ tagħha bdew ġejjin u jgħidulha b’dan. U s-sultana tnikktet għall-aħħar. Imbagħad bagħtet xi ħwejjeġ lil Mordekaj biex jilbishom u jneħħi minn fuqu l-ilbies taʼ l-ixkora. Iżda hu m’aċċettahomx.+ 5 Għal dan, Ester sejħet lil Ħatak,+ wieħed mill-ewnuċi li s-sultan kien taha biex jaqdiha, u hi kkmandatu u bagħtitu għand Mordekaj sabiex tkun taf x’kien ifisser dan u għaliex kien qed jagħmel hekk.
6 Għalhekk, Ħatak ħareġ ħdejn Mordekaj fil-pjazza tal-belt li kienet quddiem bieb is-sultan. 7 Imbagħad Mordekaj qallu b’kulma kien ġralu+ u spjegalu kollox dwar il-flus li Ħaman kien qal li se jħallas lit-teżorerija+ tas-sultan sabiex jeqred+ lil-Lhud. 8 U tah kopja+ tal-kitba tal-liġi li kienet ngħatat f’Susan+ biex jinqerdu l-Lhud. Din kellu juriha lil Ester u jgħidilha u jikkmandaha+ biex tidħol għand is-sultan, sabiex tissupplikah* juri ħniena+ u titolbu direttament għall-poplu tagħha.+
9 Issa Ħatak+ daħal u qal lil Ester x’kien qallu Mordekaj. 10 Imbagħad Ester qalet lil Ħatak u kkmandatu jgħarraf lil Mordekaj:+ 11 “Il-qaddejja kollha tas-sultan u n-nies fil-provinċji tiegħu jafu li liġi waħda+ hemm għal raġel jew mara li tidħol għand is-sultan fil-bitħa taʼ ġewwa+ bla ma tkun imsejħa, li tingħata l-mewt; ikun biss f’każ li s-sultan imidd ix-xettru tad-deheb lejha li hi tibqaʼ tgħix.+ Issa jien ili tletin jum ma nkun imsejħa biex nidħol għand is-sultan.”
12 U lil Mordekaj qalulu b’dak li qalet Ester. 13 Imbagħad Mordekaj bagħat jgħid lil Ester: “Ara ma taħsibx li dawk taʼ dar is-sultan se jeħilsuha iktar mil-Lhud l-oħrajn kollha.+ 14 Għax jekk int issa tibqaʼ siekta għalkollox, is-serħan u l-ħelsien għal-Lhud jiġu minn xi mkien ieħor;+ imma int u dar missierek tinqerdu. U min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?”+
15 Għaldaqstant Ester qalet bi tweġiba lil Mordekaj: 16 “Mur, iġbor lil-Lhud kollha li jinsabu f’Susan+ u sumu+ għalija; u tiklux u tixorbux għal tlett ijiem,+ la bil-lejl u lanqas bi nhar. Jien, flimkien mat-tfajliet+ tiegħi, se nsum ukoll, u wara dan nidħol għand is-sultan, għalkemm hi ħaġa kontra l-liġi; u fil-każ li għandi mmut,+ immut.” 17 Imbagħad Mordekaj telaq u għamel kulma kienet ikkmandatu Ester.
5 U ġara li fit-tielet jum+ Ester libset l-ilbies irjali.+ Imbagħad waqfet fil-bitħa+ taʼ ġewwa taʼ dar is-sultan faċċata taʼ dar is-sultan. Sadanittant is-sultan kien bil-qiegħda fuq it-tron irjali tiegħu fid-dar irjali faċċata tad-daħla tad-dar. 2 U ġara li, malli s-sultan ra lis-Sultana Ester wieqfa fil-bitħa, ħa pjaċir+ biha, u għalhekk is-sultan medd ix-xettru tad-deheb+ li kellu f’idu lejn Ester. Imbagħad Ester resqet u messet ras ix-xettru.
3 U s-sultan qalilha: “X’għandek, O Sultana Ester, u xi trid?+ Anki sa nofs is-saltna+ nagħtik!” 4 Imbagħad Ester qalet: “Jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb, ħa jiġi llum is-sultan maʼ Ħaman+ għall-ikla kbira+ li għamiltlu.” 5 Għaldaqstant is-sultan qal: “Morru għidu lil Ħaman biex jagħmel malajr+ kif qalet Ester.” Iktar tard is-sultan u Ħaman ġew għall-ikla kbira li għamlet Ester.
6 Matul il-festa taʼ l-inbid is-sultan qal lil Ester: “X’inhu dak li qed titlob?+ U jingħatalek! Xi trid? Anki sa nofs is-saltna lest li nagħtik!” 7 Għal dan Ester wieġbet u qalet: “Li qed nitlob u li rrid hu dan, 8 Jekk għoġobt lis-sultan,+ u jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb li jagħtini dak li rrid u jagħmel dak li nitlob, ħa jiġu għada s-sultan u Ħaman għall-ikla kbira li se nagħmlilhom, u għada nagħmel skond il-kelma tas-sultan.”+
9 Minħabba f’hekk, Ħaman dakinhar ħareġ kuntent+ u b’qalbu ferħana; imma malli lemaħ lil Mordekaj f’bieb is-sultan+ u ra li dan ma qamx+ u ma trigħedx minħabba fih,+ Ħaman mill-ewwel imtela bir-rabja+ għal Mordekaj. 10 Madankollu, Ħaman ikkontrolla ruħu u daħal f’daru. Imbagħad bagħat isejjaħ lil ħbiebu u lil martu Żeres;+ 11 u Ħaman qagħad jgħidilhom bil-glorja tar-rikkezzi+ tiegħu u bil-ħafna wlied+ li kellu. Qalilhom ukoll b’dak kollu li għamel is-sultan biex jagħtih unur akbar u kif eżaltah fuq il-prinċpijiet u l-qaddejja tas-sultan.+
12 U Ħaman kompla jgħid: “Iżjed minn hekk, is-Sultana Ester ma daħħlet lil ħadd ħliefi+ mas-sultan għall-ikla kbira li għamlet, u għada+ rġajt mistieden għandha mas-sultan. 13 Imma minkejja dan kollu, m’iniex kuntent sakemm nibqaʼ nara lil Mordekaj il-Lhudi bil-qiegħda f’bieb is-sultan.” 14 Għal dan, martu Żeres u ħbiebu kollha qalulu: “Ħa jagħmlu zokk+ għoli ħamsin kubitu. U fil-għodu+ għid lis-sultan li għandhom idendlu lil Mordekaj maz-zokk.+ Imbagħad mur ferħan mas-sultan għall-ikla.” U din il-ħaġa għoġbitu+ lil Ħaman, u ħa ħsieb li jitlesta z-zokk.+
6 Dak il-lejl is-sultan tarlu n-ngħas.+ Għalhekk, qalilhom biex iġibulu ktieb it-tifkiriet+ tal-ġrajjiet taż-żminijiet; u dawn inqraw quddiem is-sultan. 2 Fl-aħħar instab miktub dak li Mordekaj kien irrapporta+ dwar Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali+ fil-palazz tas-sultan, għassiesa tal-bibien, li kienu pprovaw jagħmlu l-ħsara lis-Sultan Aħasweru. 3 Imbagħad is-sultan qal: “Liema unur ngħata u liema ħaġa kbira saritlu lil Mordekaj għal dan?” Il-qaddejja tas-sultan, il-ministri tiegħu, wieġbu u qalu: “Xejn ma sarlu.”+
4 Iktar tard is-sultan qal: “Min hemm fil-bitħa?” Issa Ħaman innifsu kien ġie fil-bitħa+ taʼ barra taʼ dar is-sultan biex jgħid lis-sultan idendel lil Mordekaj maz-zokk+ li kien lestielu. 5 Għaldaqstant il-qaddejja tas-sultan qalulu: “Hawn Ħaman+ wieqaf fil-bitħa.” Allura s-sultan qal: “Ħalluh jidħol.”
6 Meta Ħaman daħal, is-sultan qallu: “X’għandu jsir lir-raġel li s-sultan jogħġbu jonorah?”+ Għal dan Ħaman qal f’qalbu: “Is-sultan lil min jogħġbu jonora iktar minni?”+ 7 Għalhekk Ħaman qal lis-sultan: “Lir-raġel li s-sultan tgħaxxaq jonorah, 8 ħa jġibulu lbies irjali+ li jilbes is-sultan stess u żiemel li jirkeb+ is-sultan u li fuq rasu libbsulu l-għata rjali. 9 U ħa jingħataw l-ilbies u ż-żiemel f’idejn wieħed mill-prinċpijiet+ nobbli tas-sultan; u lir-raġel li s-sultan tgħaxxaq jonorah għandhom ilibbsuh, irikkbuh iż-żiemel fil-pjazza+ tal-belt,+ u jgħajtu quddiemu, ‘Hekk isir lir-raġel li s-sultan tgħaxxaq jonorah.’”+ 10 Minnufih is-sultan qal lil Ħaman: “Iġri, ħu l-ilbies u ż-żiemel bħalma għedt, u agħmel hekk lil Mordekaj il-Lhudi li qiegħed bil-qiegħda f’bieb is-sultan. Qis li ma jkun hemm xejn li ma jsirx minn kulma għedt.”+
11 U Ħaman ħa l-ilbies+ u ż-żiemel u libbes lil Mordekaj+ u rikkbu ż-żiemel fil-pjazza+ tal-belt u għajjat quddiemu:+ “Hekk isir lir-raġel li s-sultan tgħaxxaq jonorah.”+ 12 Wara dan, Mordekaj mar lura f’bieb is-sultan.+ Min-naħa tiegħu, Ħaman ħaffef lejn daru, imnikket u b’rasu mgħottija.+ 13 U Ħaman irrakkonta lil martu Żeres+ u lil ħbiebu kollha kulma kien ġralu. Meta semgħu dan, l-għorrief+ tiegħu u martu Żeres qalulu: “Jekk Mordekaj li bdejt taqaʼ f’rovina quddiemu huwa min-nisel Lhudi, m’int se tagħmel xejn kontrih, iżda int żgur taqaʼ f’rovina quddiemu.”+
14 Waqt li kienu għadhom qed jitkellmu miegħu, waslu l-uffiċjali tal-palazz tas-sultan u ħadu malajr+ lil Ħaman għall-ikla kbira+ li kienet għamlet Ester.
7 Imbagħad is-sultan u Ħaman+ ġew għall-ikla għand is-Sultana Ester. 2 Issa fit-tieni jum is-sultan reġaʼ qal lil Ester matul il-festa taʼ l-inbid:+ “X’inhu dak li qed titlob,+ O Sultana Ester? Ħa jingħatalek!+ Xi trid? Anki sa nofs is-saltna+ lest li nagħtik!” 3 Imbagħad is-Sultana Ester wieġbet u qalet: “Jekk għoġobtok, O sultan, u jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb, dak li qed nitlob u dak li rrid hu li jingħatawli ħajti+ u l-poplu tiegħi.+ 4 Għax aħna ġejna mibjugħin,+ jien u l-poplu tiegħi biex ninġiebu fix-xejn, ninqatlu u ninqerdu.+ Issa kieku ġejna mibjugħin sempliċement bħala rġiel u nisa lsiera+ kont nibqaʼ siekta. Imma dan in-niket m’huwiex xieraq meta jkun bi ħsara għas-sultan.”
5 Fil-pront, is-Sultan Aħasweru tkellem u qal lis-Sultana Ester: “Min hu dan,+ u fejn hu dak li kellu l-wiċċ*+ jagħmel hekk?” 6 Imbagħad Ester qalet: “L-avversarju+ u l-għadu+ huwa dan ir-raġel ħażin Ħaman.”
Ħaman, min-naħa tiegħu, twerwer+ minħabba s-sultan u s-sultana. 7 U s-sultan qam b’rabja+ mill-festa taʼ l-inbid biex imur fil-ġnien tal-palazz; u Ħaman qam ukoll biex jitlob lis-Sultana Ester għal ħajtu,+ għaliex ra li s-sultan kien qatagħha li jagħmillu l-ħsara.+ 8 U s-sultan ġie lura mill-ġnien tal-palazz fid-dar fejn kienet qed issir il-festa taʼ l-inbid;+ u Ħaman kien mitfugħ fuq id-divan+ fejn kien hemm Ester. Għalhekk, is-sultan qal: “Se jistupra wkoll lis-sultana, waqt li hawn jien fid-dar?” Il-kelma ħarġet minn fomm is-sultan,+ u lil Ħaman għattewlu wiċċu. 9 Ħarbona,+ wieħed mill-uffiċjali+ tal-palazz li kienu quddiem is-sultan, issa qal: “Hemm ukoll iz-zokk+ li Ħaman għamel għal Mordekaj, li tkellem għall-ġid tas-sultan,+ wieqaf fid-dar taʼ Ħaman—għoli ħamsin kubitu.” Għal dan, is-sultan qal: “Morru dendluh miegħu.”+ 10 U dendlu lil Ħaman maz-zokk+ li hu kien lesta għal Mordekaj;+ u r-rabja tas-sultan birdet.
8 Dakinhar is-Sultan Aħasweru ta lis-Sultana Ester id-dar taʼ Ħaman,+ li kien l-għadu tal-Lhud;+ u Mordekaj daħal għand is-sultan, għaliex Ester kienet qalet x’kien jiġi minnha.+ 2 Imbagħad is-sultan neħħa ċ-ċurkett tas-siġill+ tiegħu li kien ħa mingħand Ħaman u tah lil Mordekaj; u Ester qiegħdet lil Mordekaj fuq id-dar taʼ Ħaman.+
3 Iżjed minn hekk, Ester reġgħet tkellmet quddiem is-sultan u nxteħtet f’riġlejh tibki u titolbu+ juri ħniena biex ineħħi l-ħażen+ taʼ Ħaman l-Agagi u l-pjan+ li kien fassal kontra l-Lhud.+ 4 Imbagħad is-sultan medd ix-xettru tad-deheb+ lejn Ester, u Ester qamet bil-wieqfa quddiem is-sultan. 5 U qalet: “Jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb, u jekk għoġobtu+ u huwa xieraq għas-sultan u jien tajba f’għajnejh, ħa jkun miktub li jitħassru d-dokumenti miktubin,+ il-pjan li Ħaman bin Ħammedata l-Agagi+ kiteb biex jeqred lil-Lhud+ fil-provinċji kollha tas-sultan.+ 6 Għax, kif nistaʼ nara l-gwaj li ġej fuq il-poplu tiegħi u l-qerda taʼ qrabati u ma nagħmel xejn?”
7 Għalhekk, is-Sultan Aħasweru qal lis-Sultana Ester u lil Mordekaj il-Lhudi: “Ara! Dar Ħaman tajtha lil Ester,+ u lilu diġà dendluh maz-zokk,+ minħabba li medd idu kontra l-Lhud. 8 Issa iktbu għan-nom tal-Lhud skond kif jidhrilkom li hu tajjeb f’għajnejkom f’isem+ is-sultan u mmarkawh biċ-ċurkett tas-siġill tas-sultan; għax dak li jinkiteb f’isem is-sultan u jiġi mmarkat biċ-ċurkett tas-siġill tas-sultan ma jistax jitħassar.”+
9 Għaldaqstant issejħu s-segretarji+ tas-sultan dak il-ħin fit-tielet xahar, jiġifieri, fix-xahar taʼ Siwan, fit-tlieta u għoxrin jum tiegħu; u nkiteb dak kollu li Mordekaj ikkmanda lil-Lhud u lis-satrapi*+ u lill-gvernaturi u lill-prinċpijiet tal-provinċji mill-Indja sa l-Etjopja, mija u sebgħa u għoxrin provinċja,+ lil kull provinċja skond il-kitba+ tagħha u lil kull poplu bl-ilsien+ tiegħu, u lil-Lhud skond il-kitba tagħhom u bl-ilsien tagħhom.+
10 U d-dokumenti kitibhom f’isem is-Sultan+ Aħasweru u mmarkahom+ biċ-ċurkett tas-siġill+ tas-sultan u bagħathom permezz tal-messaġġiera+ rekbin żwiemel li jġorru l-posta—żwiemel tal-ġiri użati fis-servizz tas-sultan. 11 Fihom inkiteb li s-sultan jippermetti lil-Lhud fil-bliet differenti kollha biex jinġabru+ u jiddefendu ruħhom, ħalli jġibu fix-xejn u joqtlu u jeqirdu lin-nies armati taʼ kull poplu+ u provinċja li kienu għedewwa tagħhom, kif ukoll lit-tfal u lin-nisa, u jaħtfulhom ġidhom.+ 12 Dan kellu jsir f’ġurnata waħda+ fil-provinċji kollha tas-Sultan Aħasweru, fit-tlettax-il jum+ tat-tnax-il xahar, jiġifieri, ix-xahar t’Adar.+ 13 Kopja+ tal-kitba kellha tingħata bħala liġi fil-provinċji differenti kollha u titqassam lill-popli kollha, sabiex il-Lhud iħejju ruħhom għal dan il-jum ħalli jitħallsu+ mill-għedewwa tagħhom. 14 Il-messaġġiera,+ rekbin żwiemel li jġorru l-posta għas-servizz irjali, ħarġu u bdew iħaffu u jgħaġġlu+ minħabba l-kelma tas-sultan; u din il-liġi ngħatat ukoll fil-kastell taʼ Susan.+
15 U Mordekaj ħareġ minn quddiem is-sultan bi lbies irjali+ taʼ materjal blu u għażel, b’kuruna kbira tad-deheb, u mantar taʼ drapp fin,+ jiġifieri, taʼ suf miżbugħ vjola ħamrani.+ U l-belt taʼ Susan infexxet fi twerżiq u ferħ kbir.+ 16 Għal-Lhud kien hemm dawl u hena+ u ferħ kbir u unur. 17 U fil-provinċji differenti kollha u fil-bliet differenti kollha kulfejn kienu qed jaslu l-kelma u l-liġi tas-sultan kien hemm hena u ferħ kbir għal-Lhud, ikla kbira+ u jum hieni; u ħafna min-nies+ tal-pajjiż kienu qed jiddikjaraw li huma Lhud,+ għax beżgħu+ mil-Lhud.
9 U fit-tnax-il xahar, jiġifieri, ix-xahar t’Adar,+ fit-tlettax-il jum tiegħu, meta l-kelma u l-liġi tas-sultan kienu waslu biex jitwettqu,+ fil-jum li l-għedewwa tal-Lhud kienu stennew sabiex jiddominawhom, ġara bil-kontra, jiġifieri, il-Lhud infushom iddominaw lil dawk li kienu jobogħduhom.+ 2 Il-Lhud inġabru+ fil-bliet tagħhom fil-provinċji kollha tas-Sultan Aħasweru+ biex imiddu idejhom fuq dawk li kienu qed jipprovaw jagħmlulhom il-ħsara,+ u ħadd ma kellu l-kuraġġ jiqfilhom, għax il-popli kollha beżgħu+ mil-Lhud. 3 U l-prinċpijiet+ kollha tal-provinċji u s-satrapi*+ u l-gvernaturi u dawk li jagħmlu x-xogħol+ tas-sultan kienu qed jgħinu lil-Lhud, għax beżgħu+ minn Mordekaj. 4 Għax Mordekaj kien kbir+ fid-dar tas-sultan u l-fama+ tiegħu kienet qed tixtered mal-provinċji kollha, għax Mordekaj kien qed ikompli jżid fil-kobor tiegħu.+
5 U l-Lhud ħabtu għall-għedewwa kollha tagħhom billi biċċruhom bis-sejf+ u qatluhom u qerduhom, u lil dawk li kienu jobogħduhom għamlulhom kif għoġobhom.+ 6 U fil-kastell taʼ Susan,+ il-Lhud qatlu u qerdu ħames mitt raġel. 7 Barra minn hekk, qatlu lil Parsandata, Dalfon, Asfata, 8 Porata, Adalja, Aridata, 9 Parmasta, Arisaj, Aridaj, u Vajżata, 10 l-għaxar ulied subien+ taʼ Ħaman+ bin Ħammedata, l-għadu tal-Lhud;+ imma ġidhom+ ma messewhx.
11 Dakinhar is-sultan sar jaf l-għadd taʼ dawk li nqatlu fil-kastell taʼ Susan.
12 U s-sultan qal lis-Sultana Ester:+ “Fil-kastell taʼ Susan,+ il-Lhud qatlu u qerdu ħames mitt raġel u lill-għaxar ulied taʼ Ħaman. X’għamlu fil-bqija tal-provinċji+ tas-sultan?+ U int x’qed titlob? U jingħatalek!+ Xi trid li jsir iktar?+ U jsir!” 13 Għalhekk, Ester qalet: “Jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb,+ ħa jippermetti li għada l-Lhud li hawn f’Susan jerġgħu jagħmlu skond il-liġi taʼ llum;+ u ħa jdendlu maz-zokk+ lill-għaxar ulied taʼ Ħaman.” 14 Għaldaqstant, is-sultan qal biex isir hekk.+ Imbagħad ħarġet liġi f’Susan, u l-għaxar ulied taʼ Ħaman ġew imdendlin maz-zokk.
15 U l-Lhud li kienu f’Susan reġgħu nġabru fl-erbatax-il+ jum tax-xahar t’Adar, u f’Susan qatlu tliet mitt raġel; imma ġidhom ma messewhx.+
16 Il-bqija tal-Lhud li kienu fil-provinċji+ tas-sultan inġabru u ddefendew ruħhom+ u tħallsu+ mill-għedewwa tagħhom. Qatlu ħamsa u sebgħin elf minn dawk li kienu jobogħduhom; imma ġidhom ma messewhx. 17 Dan ġara fit-tlettax-il jum tax-xahar t’Adar; u straħu fl-erbatax-il jum tiegħu, u dakinhar għamluh jum taʼ ikla kbira+ u ferħ.+
18 U l-Lhud li kienu f’Susan inġabru fit-tlettax-il+ jum tax-xahar u fl-erbatax-il jum tiegħu, u straħu fil-ħmistax-il jum tiegħu, u dakinhar għamluh jum taʼ ikla kbira u ferħ.+ 19 Kien għalhekk li l-Lhud, li kienu joqogħdu fil-bliet rurali barra l-belt kapitali, kienu qed jagħmlu l-erbatax-il jum tax-xahar t’Adar+ wieħed taʼ ferħ,+ ikla kbira u jum hieni+ li fih jibagħtu lil xulxin porzjonijiet+ taʼ ikel.
20 U Mordekaj+ kiteb dawn l-affarijiet u bagħat dokumenti miktubin lil-Lhud kollha f’kull provinċja+ tas-Sultan Aħasweru, dawk viċin u dawk ’il bogħod, 21 biex jimponi fuqhom l-obbligu+ li jħarsu regolarment l-erbatax-il jum tax-xahar t’Adar u l-ħmistax-il jum tiegħu kull sena. 22 Dan kien skond il-jiem li fihom il-Lhud straħu mill-għedewwa+ tagħhom u x-xahar li għalihom inbidel minn swied taʼ qalb għal ferħ u minn niket+ għal jum hieni. Kellhom iħarsuhom bħala ġranet taʼ ikla kbira u ferħ, li fihom jibagħtu porzjonijiet taʼ ikel lil xulxin+ u rigali lill-foqra.+
23 U l-Lhud aċċettaw dak li kienu bdew jagħmlu u dak li kien kitbilhom Mordekaj. 24 Għax Ħaman+ bin Ħammedata,+ l-Agagi,+ l-għadu+ tal-Lhud kollha, kien fassal pjan kontra l-Lhud sabiex jeqridhom,+ u kien tefaʼ l-Pur,+ jiġifieri, ix-Xorti,+ biex jaqlgħalhom l-inkwiet u jeqridhom. 25 Imma meta Ester daħlet għand is-sultan, hu qal permezz taʼ dokument miktub:+ “Ħalli l-pjan+ li fassal kontra l-Lhud jiġi lura fuqu”;+ u hu u wliedu ġew imdendlin maz-zokk.+ 26 Kien għalhekk li sejħu dawn il-jiem Purim, mill-isem tal-Pur.+ U kien għalhekk li, skond il-kliem kollu taʼ din l-ittra+ u dak li kienu raw b’konnessjoni maʼ dan u dak li kien ġralhom, 27 il-Lhud aċċettaw u imponew obbligu fuqhom infushom u fuq uliedhom u fuq dawk kollha li ngħaqdu magħhom.+ Dan l-obbligu, li ma kellux jitneħħa, kien li jħarsu regolarment dawn il-jumejn skond dak li nkiteb dwarhom u skond iż-żmien stabbilit għalihom kull sena. 28 U dawn il-jiem kellhom jiġu mfakkrin u mħarsin minn kull ġenerazzjoni, kull familja, kull provinċja u kull belt, u dawn il-jiem tal-Purim ma kellhomx jitneħħew minn fost il-Lhud u t-tifkira+ tagħhom ma kellhiex tintemm minn fost nisilhom.
29 U s-Sultana Ester, bint Abiħajl,+ u Mordekaj il-Lhudi kitbu b’saħħa kbira biex jikkonfermaw din it-tieni ittra rigward il-Purim. 30 Imbagħad hu bagħat dokumenti miktubin lil-Lhud kollha fil-mija u sebgħa u għoxrin provinċja,+ ir-renju t’Aħasweru,+ bi kliem taʼ paċi u verità.+ 31 Fihom ġie konfermat iż-żmien stabbilit taʼ dawn il-jiem tal-Purim, is-sawm+ u l-għajta tagħhom għall-għajnuna,+ bħalma kienu imponew fuqhom Mordekaj il-Lhudi u s-Sultana Ester, u bħalma kienu imponew+ fuqhom infushom u fuq uliedhom.+ 32 U l-kliem t’Ester ikkonferma dawn l-affarijiet tal-Purim,+ u kien miktub fi ktieb.
10 Is-Sultan Aħasweru inforza xogħol iebes+ fil-pajjiż u fil-gżejjer+ tal-baħar.
2 U x-xogħol enerġetiku tiegħu kollu u l-għemejjel setgħanin tiegħu u r-rakkont sħiħ u dettaljat tal-kobor taʼ Mordekaj+ li bih onorah+ is-sultan, m’humiex dawn miktubin fi Ktieb il-ġrajjiet+ taż-żminijiet tas-slaten tal-Medja u l-Persja?+ 3 Għax Mordekaj il-Lhudi kien it-tieni+ wara s-Sultan Aħasweru u kien kbir fost il-Lhud u approvat mill-kotra taʼ ħutu, jaħdem għall-ġid tal-poplu tiegħu u jgħid kliem taʼ paċi+ lil nisilhom kollu.
Dan il-ktieb hu msemmi għas-Sultana Ester.
Imsejjaħ Artaserse fis-Settanta. Hu mifhum li hu Serse I, bin Darju l-Kbir (Darju Istaspi).
Tip taʼ blata iebsa ferm, ġeneralment taʼ lewn aħmar skur, imnaqqxa bl-abjad u stmata ħafna.
Ħadassa hu l-isem Ebrajk għal Ester, li jfisser “Riħana.”
Tfisser “Xorti.” “Purim,” il-plural, hu minfejn ħadet isimha l-festa Lhudija ċelebrata fit-tnax-il xahar tal-kalendarju sagru.
Ara Esd 8:36, in-nota taʼ taħt.
Jew, “titolbu bil-ħerqa.”
Letteralment, “qalbu mtliet biex.”
Ara Esd 8:36, in-nota taʼ taħt.
Ara Esd 8:36, in-nota taʼ taħt.