LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Ħabakkuk 1:1-3:19
  • Ħabakkuk

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħabakkuk
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ħabakkuk

Ħabakkuk*

1 Id-dikjarazzjoni li l-​profeta Ħabakkuk ra f’viżjoni: 2 O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-​għajnuna, u int ma tismax?+ Kemm se ndum insejjaħlek għall-​għajnuna mill-​vjolenza, u int ma ssalvax?+ 3 Għaliex tħallini nara dak li hu taʼ wġigħ, u int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-​inkwiet? U t-​tħarbit u l-​vjolenza għala huma quddiemi? Għala hemm it-​tilwim, u għala jqum il-​ġlied?+

4 Għalhekk, il-​liġi tmewtet, u l-​ġustizzja ma toħroġ qatt.+ Għax il-​ħażin qed idawwar lill-​ġust minn kullimkien, u b’hekk il-​ġustizzja toħroġ mgħawġa.+

5 “Araw fost il-​ġnus, u ibqgħu ħarsu, u stagħġbu u ċċassaw lejn xulxin.+ Skantaw; għax fi żmienkom hemm wieħed li se jwettaq xi ħaġa, li għalkemm jgħiduhielkom ma temmnuhiex.+ 6 Għax, ara, jien inqajjem lill-​Kaldin,+ il-​ġens aħrax u vjolenti li sejjer lejn il-​wesgħat taʼ l-​art sabiex jieħu f’idejh postijiet mgħammrin li m’humiex tiegħu.+ 7 Hu tat-​twerwir u jqanqal il-​biżaʼ. Il-​ġustizzja u d-​dinjità tiegħu joħorġu minnu stess.+ 8 U ż-​żwiemel tiegħu eħfef mil-​leopardi u iktar feroċi mill-​ilpup taʼ fil-​għaxija.+ U ż-​żwiemel tiegħu tal-​ġiri jħabbtu saqajhom maʼ l-​art, u ż-​żwiemel tiegħu tal-​ġiri jiġu mill-​bogħod. Itiru bħall-​ajkla li ttir bil-​ħeffa lejn xi ħaġa biex tikolha.+ 9 Kollu kemm hu jiġi għall-​vjolenza.+ Meta l-​uċuħ tagħhom ikunu qed jinġemgħu flimkien, huma jkunu bħal riħ mil-​lvant,+ u hu jiġbor lill-​imjassrin bħar-​ramel. 10 U jwaqqaʼ għaċ-​ċajt lis-​slaten; u l-​uffiċjali għoljin huma xi ħaġa tad-​daħq għalih.+ Jidħaq ukoll b’kull post fortifikat,+ u jtellaʼ munzell trab u jaħtaf il-​post taħt idejh. 11 F’dak iż-​żmien se jimxi ’l quddiem bħal riħ u jibqaʼ għaddej u jsir ħati.+ Din il-​qawwa tiegħu jafha lill-​alla tiegħu.”+

12 Mhux minn żmien twil ilu int, O Ġeħova?+ O Alla tiegħi, il-​Qaddis tiegħi, int ma tmutx.+ O Ġeħova, int ħejjejtu għal ġudizzju; O Blata,+ int ħtartu għal ċanfira.+

13 Għajnejk puri wisq biex tara dak li hu ħażin; u ma tistax tħares lejn l-​inkwiet.+ Għalfejn tħares lejn dawk li jaġixxu bi tradiment,+ u tibqaʼ sieket meta xi ħadd mill-​agħar jiblaʼ lil min hu iktar ġust minnu?+ 14 U għala tagħmel lill-​bnedmin bħall-​ħut tal-​baħar, bħall-​ħlejjaq li jitkaxkru u li fuqhom ma jaħkem ħadd?+ 15 Lil dawn kollha hu jtellagħhom b’sunnara;+ ikaxkarhom bix-​xibka kbira tiegħu, u jiġborhom fix-​xibka tiegħu tal-​ħut.+ Għalhekk jithenna u jifraħ.+ 16 Għalhekk joffri sagrifiċċji lix-​xibka kbira tiegħu u joffri d-​duħħan tas-​sagrifiċċji lix-​xibka tiegħu tal-​ħut; għax bihom sehmu huwa mħawwar sew biż-​żejt, u l-​ikel tiegħu bnin.+ 17 Se jibqaʼ għalhekk ibattal ix-​xibka kbira tiegħu? U għandu għalfejn joqtol lill-​ġnus il-​ħin kollu, mingħajr ma juri ebda mogħdrija?+

2 Fil-post taʼ l-​għassa tiegħi jien se nibqaʼ wieqaf,+ u se nżomm posti fuq is-​sur; u se noqgħod għassa,+ biex nara x’se jgħid permezz tiegħi+ u kif se nwieġeb meta jwiddibni.+

2 U Ġeħova wiġibni u qalli: “Ikteb il-​viżjoni, u niżżilha b’mod ċar fuq it-​twavel,+ sabiex min jaqraha b’leħen għoli ma jitfixkilx.+ 3 Għax il-​viżjoni qed tistenna ż-​żmien stabbilit tagħha,+ u tibqaʼ tilheġ lejn it-​tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur.+ Mhix se tkun tard.

4 “Ara! Ruħu ntefħet;+ ma kinitx retta fih. Imma l-​ġust permezz tal-​fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix.+ 5 U, tabilħaqq, l-​inbid jittradixxi+ lil raġel b’saħħtu u jġiegħlu jintefaħ bih innifsu;+ u hu ma jilħaqx il-​mira tiegħu,+ għalkemm wessaʼ ruħu bħall-​Qabar,* u hu bħall-​mewt u ma jixbaʼ qatt.+ U jibqaʼ jiġbor lill-​ġnus kollha u jiġmaʼ flimkien lill-​popli kollha.+ 6 M’humiex dawn kollha se jgħidu qawl+ u rimarka indiretta kontrih, jinsinwaw affarijiet dwaru? U wieħed se jgħid,

“‘Gwaj għal min qed ikattar dak li m’huwiex tiegħu+ (kemm se jdum!)+ u jitgħabba b’dejn kbir! 7 Mhux f’daqqa waħda se jqumu dawk li jitolbu l-​imgħax mingħandek, u jistenbħu dawk li qed jheżżuk bis-​saħħa, u int issir għalihom xi ħaġa xi jħarbtu?+ 8 Talli int ħarbatt lil ħafna ġnus, dawk kollha li baqaʼ mill-​popli se jħarbtu lilek,+ minħabba d-​demm tal-​bnedmin li xerridt u l-​atti vjolenti li għamilt lill-​art, il-​belt u dawk kollha li jgħammru fiha.+

9 “‘Gwaj għal min qed jagħmel qligħ għal daru b’mezzi mill-​agħar,+ sabiex iqiegħed il-​bejta tiegħu fl-​għoli u jeħles mill-​ħatfa tal-​ħsara!+ 10 Int ħsibt xi ħaġa taʼ mistħija għal darek, il-​qerda taʼ bosta popli;+ u ruħek qed tidneb.+ 11 Għax sa ġebla minn ġol-​ħajt se tgħajjat bid-​dwejjaq, u mis-​saqaf taʼ l-​injam se jkun hemm travu li jwiġibha.+

12 “‘Gwaj għal min qed jibni belt bit-​tixrid taʼ demm, u li waqqaf belt bl-​inġustizzja!+ 13 Ara! Mhux minn Ġeħova taʼ l-​armati ġej dan, li l-​popli se jkomplu jitħabtu biss għan-​nar u li l-​ġnus se jegħjew għalxejn?+ 14 Għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien tal-​glorja taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.+

15 “‘Gwaj għal min qed jagħti lil sħabu xi ħaġa x’jixorbu u jżid magħha d-​dagħdigħa u r-​rabja tiegħu,+ sabiex iġegħelhom jiskru, bl-​iskop li jħares lejn il-​partijiet tagħhom taʼ mistħija.+ 16 Int ċertament li se timtela bid-​diżunur minflok bil-​glorja.+ Ixrob int ukoll,+ u ħa titqies mhux ċirkonċiż.+ Il-​kies taʼ l-​id il-​leminija taʼ Ġeħova se jasal għandek,+ u se jkun hemm għajb fuq il-​glorja tiegħek; 17 għax il-​vjolenza li saret fuq il-​Libanu+ se tiġi fuqek, kif ukoll il-​ħtif li bih ħtaft u werwirt lill-​bhejjem, minħabba d-​demm tal-​bnedmin li xerridt u l-​atti vjolenti li għamilt lill-​art,+ il-​belt u dawk kollha li jgħammru fiha.+ 18 Xi swiet xbieha skolpita,+ meta dak li sawwarha kien dak li naqaxha? Xi swiet statwa magħmula minn metall imdewweb, u l-​għalliem tal-​qerq,+ meta min sawwarha tant fada fiha+ li għamel allat bla siwi li ma jitkellmux?+

19 “‘Gwaj għal min qed jgħid lil biċċa injama: “Stenbaħ!” u lil ġebla muta: “Qum! Din se tgħallimna”!+ Ara! Din miksija bid-​deheb u l-​fidda,+ u m’hemmx nifs fiha.+ 20 Imma Ġeħova qiegħed fit-​tempju qaddis tiegħu.+ Ibqaʼ siekta quddiemu, art kollha!’”+

3 It-talba tal-​profeta Ħabakkuk f’għanja taʼ niket: 2 O Ġeħova, jien smajt ir-​rapport dwarek.+ Qed nibżaʼ, O Ġeħova, mill-​attività tiegħek.+

Fil-waqt tiegħek* agħtiha l-​ħajja! Fil-​waqt tiegħek agħmilha magħrufa. Fir-​rabja tiegħek, ftakar biex turi l-​ħniena.+

3 Alla ġie minn Teman, iva, il-​Qaddis ġie mill-​Muntanja Faran.+ Sela.*+

Id-dinjità tiegħu ksiet is-​smewwiet;+ u l-​art imtliet bit-​tifħir tiegħu.+

4 U d-​dija tiegħu kienet bħad-​dawl tax-​xemx.+ Kellu żewġ raġġi ħerġin minn idu, u hemmhekk kellu saħħtu moħbija.+

5 Qablu mxiet il-​pesta,+ u eżatt warajh id-​deni qawwi.+

6 Hu waqaf, sabiex jheżżeż l-​art.+ Ra u qabbeż lill-​ġnus bil-​biżaʼ.+

U l-​muntanji eterni tfarrku;+ l-​għoljiet dejjiema* mielu.+ Dan hu kif mexa żmien twil ilu.

7 Jien rajt it-​tined taʼ Kusan muġugħin. Id-​drapp tat-​tined taʼ l-​art taʼ Midjan+ beda jinkwieta.+

8 Kontra x-​xmajjar, O Ġeħova, kontra x-​xmajjar xegħlet ir-​rabja tiegħek?+ Jew kontra l-​baħar il-​qilla tiegħek,+ meta rkibt iż-​żwiemel tiegħek?+ Il-​karrijiet tiegħek kienu salvazzjoni.+

9 Il-qaws tiegħek jinkixef sa ma jkun għeri.+ It-​tribujiet ħalfu ħalf.+ Sela. Bix-​xmajjar int qsamt l-​art.+

10 Il-muntanji rawk; qabadhom uġigħ kbir.+ Maltempata taʼ xita qawwija bir-​ragħad għaddiet minn hemm. L-​ilmijiet fondi semmgħu leħinhom.+ Għollew idejhom fl-​għoli.

11 Ix-xemx u l-​qamar waqfu,+ fil-​post eżaltat fejn joqogħdu.+ Il-​vleġeġ tiegħek baqgħu ħerġin bħad-​dawl.+ Il-​lanza tiegħek kienet tiddi bħal sajjetta.+

12 Int immarċjajt madwar l-​art b’kundanna. Fir-​rabja mort tidres il-​ġnus.+

13 U ħriġt biex issalva lill-​poplu tiegħek,+ biex issalva lill-​midluk tiegħek. Int kissirt lill-​kap tad-​dar tal-​ħażin.+ Din inkixfet mill-​pedament sa fuqnett.+ Sela.

14 Bil-bsaten tiegħu stess int infidt+ ras il-​gwerriera tiegħu meta huma ġew bis-​saħħa kollha biex ixerrduni.+ Il-​ferħ kbir tagħhom kien qisu taʼ dawk li bi ħsiebhom jibilgħu lill-​magħkus xi mkien fil-​moħbi.+

15 Int tgħaddi mill-​baħar biż-​żwiemel tiegħek, mill-​massa taʼ ilmijiet vasti.+

16 Jien smajt, u ħassejt il-​ġewwieni jitqanqal; mal-​ħoss xofftejja triegħdu; għadmi beda jitħassar;+ u fis-​sitwazzjoni tiegħi ħassejtni aġitat, u b’hekk se nistenna bil-​kwiet il-​jum taʼ niket,+ għax ġej għand in-​nies,+ biex jattakkahom.

17 Għalkemm is-​siġra tat-​tin tistaʼ ma tarmix,+ u ma jkunx hemm frott fid-​dwieli; il-​prodott tas-​siġra taż-​żebbuġ jistaʼ ma joħroġx tajjeb, u r-​rabaʼ mtarraġ ma jipproduċix ikel;+ in-​nagħaġ għandhom mnejn jitneħħew mill-​maqjel, u ma jkunx hemm baqar fil-​postijiet fejn jinżammu magħluqin;+

18 Madankollu jien, min-​naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova;+ jien se nithenna bl-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.+

19 Ġeħova l-​Mulej Sovran hu l-​enerġija kbira tiegħi;+ u hu se jagħmilli saqajja bħal taċ-​ċriev,+ u jmexxini fuq il-​postijiet għoljin tiegħi.+

Lid-direttur fuq

l-istrumenti tiegħi tal-​korda.

Ifisser “Tgħanniqa bil-​Ħeġġa.”

Bl-Ebrajk, “Xeol.” Ara Appendiċi 4.

Letteralment, “f’nofs is-​snin.”

“Waqfa mużikali.” Ara Sa 3:2, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “taʼ żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-​nota taʼ taħt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja