LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Atti 1:1-28:31
  • L-​Atti taʼ l-​Appostli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​Atti taʼ l-​Appostli
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
L-​Atti taʼ l-​Appostli

L-​Atti taʼ l-​Appostli

1 Fl-ewwel rakkont, O Teofilu,+ jien ktibt dwar dak kollu li Ġesù beda jagħmel u jgħallem,+ 2 sa dakinhar li ttieħed fis-​sema,+ wara li kien ta kmand permezz taʼ l-​ispirtu qaddis lill-​appostli li kien għażel.+ 3 Lil dawn ukoll, permezz taʼ ħafna provi pożittivi, dehrilhom ħaj wara li kien bata;+ u matul erbgħin jum rawh u kellimhom fuq affarijiet dwar is-​saltna t’Alla.+ 4 U fil-​laqgħat tiegħu magħhom ordnalhom: “Titilqux minn Ġerusalemm,+ imma ibqgħu stennew dak li wiegħed il-​Missier+ u li smajtu dwaru mingħandi; 5 għax, tabilħaqq, Ġwanni għammed bl-​ilma, imma intom titgħammdu bl-​ispirtu qaddis+ fi ftit jiem oħra.”

6 Issa, meta nġemgħu flimkien, bdew jistaqsuh: “Mulej, f’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna+ taʼ Israel?” 7 Qalilhom: “Mhux għalikom li tkunu tafu ż-​żminijiet jew l-​istaġuni+ li l-​Missier biss għandu l-​awtorità fuqhom;+ 8 imma meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa+ u tkunu xhieda tiegħi+ f’Ġerusalemm+ u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija+ u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”+ 9 U wara li qal dan, waqt li kienu qed iħarsu lejh, intrefaʼ ’l fuq+ u sħaba ħaditu minn quddiem għajnejhom.+ 10 U kif kienu qed iħarsu fiss lejn is-​sema waqt li kien tielaʼ,+ ara, waqfu ħdejhom żewġt irġiel lebsin l-​abjad,+ 11 u dawn qalulhom: “Irġiel tal-​Galilija, għala qegħdin weqfin tħarsu lejn is-​sema? Dan Ġesù li ttieħed mingħandkom fis-​sema hekk għad jiġi, bl-​istess mod+ bħalma rajtuh sejjer fis-​sema.”

12 Imbagħad reġgħu lura+ Ġerusalemm mill-​muntanja msejħa l-​Muntanja taż-​Żebbuġ, li hi qrib Ġerusalemm, daqs mixja taʼ jum is-​Sabat* ’il bogħod.*+ 13 U meta daħlu, telgħu fil-​kamra taʼ fuq,+ fejn kienu qed joqogħdu, Pietru kif ukoll Ġwanni u Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew u Xmun iż-​żeluż, u Ġuda bin Ġakbu.+ 14 B’fehma waħda dawn kollha kienu jippersistu fit-​talb+ flimkien maʼ xi nisa+ u maʼ Marija omm Ġesù u maʼ ħutu.+

15 Issa, matul dawn il-​jiem, qam Pietru f’nofs l-​aħwa u qal (il-folla tan-​nies b’kollox kienet madwar mija u għoxrin): 16 “Irġiel, aħwa, kien meħtieġ li titwettaq l-​iskrittura,+ li l-​ispirtu qaddis+ qal minn qabel b’fomm David dwar Ġuda,+ li kien il-​gwida taʼ dawk li arrestaw lil Ġesù,+ 17 għax hu kien magħdud magħna+ u kellu sehem f’dan il-​ministeru.+ 18 (Issa, dan ir-​raġel xtara+ għalqa mill-​qligħ inġust,+ u ntefaʼ għal rasu,+ u b’ħoss kbir infaqaʼ minn nofsu u ħarġu msarnu kollha. 19 Dan sar ukoll magħruf mill-​abitanti kollha taʼ Ġerusalemm, u b’hekk, bil-​lingwa tagħhom, din l-​għalqa bdiet tissejjaħ Akeldama, jiġifieri, Għalqa tad-​Demm.) 20 Għax fil-​ktieb tas-​Salmi hu miktub, ‘Ħa jsir ħerba l-​post fejn jgħammar, u ħalli ħadd ma jgħammar fih,’+ u, ‘Il-​kariga tiegħu taʼ indokrar ħa jiħodha ħaddieħor.’+ 21 Għalhekk, hemm bżonn li minn fost l-​irġiel li ngħaqdu magħna matul iż-​żmien kollu li fih il-​Mulej Ġesù kien jidħol u joħroġ magħna,+ 22 minn meta għammdu Ġwanni+ sa dakinhar li ttieħed minn magħna fis-​sema,+ wieħed minn dawn l-​irġiel isir xhud magħna taʼ l-​irxoxt tiegħu.”+

23 Għalhekk, ressqu tnejn, Ġużeppi li jgħidulu Barsabba, li kien jismu wkoll Ġustu, u Mattija. 24 U talbu u qalu: “O Ġeħova, int li taf qalb kulħadd,+ urina lil min għażilt minn dawn iż-​żewġt irġiel, 25 biex jieħu l-​post taʼ dan il-​ministeru u l-​appostolat+ li Ġuda warrab minnu biex imur f’postu.” 26 Għalhekk, tefgħu x-​xorti,+ u x-​xorti waqgħet fuq Mattija; u kien meqjus mal-​ħdax-il appostlu.+

2 Issa, f’jum il-​festa taʼ Pentekoste,+ kienu lkoll flimkien fl-​istess post, 2 u f’daqqa waħda ġie mis-​sema ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi, u mela d-​dar kollha fejn kienu qegħdin.+ 3 U dehrulhom ilsna qishom tan-​nar+ li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom, 4 u lkoll imtlew bl-​ispirtu qaddis+ u bdew jitkellmu b’ilsna differenti,+ bħalma l-​ispirtu kien qed jagħtihom li jitkellmu.

5 Issa inzerta li f’Ġerusalemm kien hemm joqogħdu xi Lhud,+ irġiel li kellhom il-​biżaʼ t’Alla,+ minn kull ġens taħt is-​sema. 6 Għalhekk, meta ġie dan il-​ħoss, inġabret kotra nies, u kulħadd tħawwad għax kull wieħed beda jismagħhom jitkellmu bil-​lingwa tiegħu stess. 7 Tabilħaqq, baqgħu mbellhin u bdew jistagħġbu u jgħidu: “Ara! Dawn li qed jitkellmu mhux kollha Galilin?+ 8 Mela kif inhu li kull wieħed minna qed jismaʼ l-​lingwa t’art twelidu? 9 Partin u Medin+ u Għelamin,+ u l-​abitanti tal-​Mesopotamja, u l-​Lhudija+ u l-​Kappadoċja,+ il-​Pontu+ u d-​distrett taʼ l-​Asja,+ 10 u l-​Friġja+ u l-​Pamfilja,+ l-​Eġittu u l-​partijiet mil-​Libja, li qegħdin lejn Ċirene, u viżitaturi minn Ruma, kemm Lhud u kemm proseliti,*+ 11 Kretin+ u Għarab,+ nisimgħuhom jitkellmu bl-​ilsna tagħna dwar l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” 12 Iva, kollha mbellhin u mħawdin bdew jgħidu wieħed lill-​ieħor: “Dan xi jfisser?” 13 Iżda oħrajn bdew jiżżuffjettaw bihom u jgħidu: “Mimlijin inbid ħelu.”+

14 Imma Pietru, flimkien mal-​ħdax,+ qam bil-​wieqfa u għolla leħnu u qalilhom: “Irġiel tal-​Lhudija u intom l-​abitanti kollha taʼ Ġerusalemm,+ ħa jkun dan mgħarraf lilkom u agħtu widen għal dak li se ngħid. 15 Fil-fatt, dawn in-​nies m’humiex fis-​sakra,+ kif qed taħsbu intom, għax għadha t-​tielet siegħa* tal-​jum. 16 Għall-kuntrarju, dan hu li ntqal permezz tal-​profeta Ġoel, 17 ‘“U fl-​aħħar jiem,” jgħid Alla, “inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi+ fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw u ż-​żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet u x-​xjuħ tagħkom joħolmu ħolm;+ 18 u saħansitra fuq l-​ilsiera tiegħi, irġiel u nisa, inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem, u huma jipprofetizzaw.+ 19 U nagħmel għeġubijiet fuq fis-​sema u sinjali isfel fuq l-​art, demm u nar u ċpar tad-​duħħan;+ 20 ix-xemx+ tinbidel fi dlam u l-​qamar f’demm qabel ma jasal il-​jum il-​kbir+ u glorjuż taʼ Ġeħova. 21 U kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.”’+

22 “Irġiel taʼ Israel, isimgħu dan il-​kliem: Ġesù n-​Nazzarenu,+ raġel li Alla wriekom pubblikament permezz t’għemejjel setgħanin+ u għeġubijiet u sinjali li Alla għamel fostkom+ permezz tiegħu, bħalma tafu intom stess, 23 lil dan ir-​raġel, li ngħata f’idejkom skond l-​għarfien minn qabel u l-​iskop determinat minn Alla,+ intom sammartuh maʼ zokk permezz taʼ nies bla liġi u ħlistu minnu.+ 24 Imma Alla rxoxtah+ billi ħall l-​irbit tal-​mewt,+ għax ma kienx possibbli li jibqaʼ miżmum sod minnha.+ 25 Għax David jgħid dwaru, ‘Kelli lil Ġeħova l-​ħin kollu quddiem għajnejja; għax hu qiegħed fuq leminti biex qatt ma nitħarrek.+ 26 Minħabba dan, qalbi ferħet u lsieni thenna bil-​kbir. Barra minn hekk, anki ġismi* jgħammar fit-​tama;+ 27 għax int ma tħallix lil ruħi fil-​Qabar,* lanqas ma tħalli lil-​leali tiegħek jara t-​taħsir.+ 28 Int għarraftli t-​triqat tal-​ħajja, b’wiċċek timlieni bil-​ferħ.’+

29 “Irġiel, aħwa, nistaʼ nkellimkom bil-​libertà tal-​kelma dwar il-​patrijarka David, li miet+ u ndifen u li qabru għadu fostna sa dan il-​jum. 30 Peress li kien profeta u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jpoġġi wieħed li kien imnissel minnu* fuq it-​tron tiegħu,+ 31 hu ra minn qabel u tkellem dwar l-​irxoxt tal-​Kristu,* li la kien abbandunat fil-​Qabar u lanqas ġismu ma ra t-​taħsir.+ 32 Lil dan Ġesù Alla rxoxtah, u taʼ dan il-​fatt aħna lkoll xhieda.+ 33 Għalhekk, peress li tgħolla għal fuq il-​lemin t’Alla+ u rċieva l-​ispirtu qaddis imwiegħed mingħand il-​Missier,+ ferraʼ dan li qed taraw u tisimgħu. 34 Fil-fatt, David ma telax fis-​smewwiet,+ imma hu stess jgħid, ‘Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi,+ 35 sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.”’+ 36 Għalhekk, ħa tkun taf fiċ-​ċert id-​dar kollha taʼ Israel li lil dan Ġesù, li intom sammartuh maʼ zokk,+ Alla għamlu kemm Mulej+ u kemm Kristu.”

37 Issa, dan il-​kliem li semgħu nifdilhom qalbhom+ u qalu lil Pietru u lill-​bqija taʼ l-​appostli: “Irġiel, aħwa, x’għandna nagħmlu?”+ 38 Qalilhom Pietru: “Indmu,+ u ħa jitgħammed+ kull wieħed minnkom f’isem+ Ġesù Kristu għall-​maħfra+ tad-​dnubiet, u tirċievu l-​ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.+ 39 Għax il-​wegħda+ hi għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha fil-​bogħod,+ lil kulmin Ġeħova Alla tagħna jsejjaħ lejh.”+ 40 U b’ħafna kliem ieħor xehdilhom bis-​sħiħ u baqaʼ jħeġġiġhom u jgħidilhom: “Salvaw minn din il-​ġenerazzjoni mgħawġa.”+ 41 Għalhekk, dawk li laqgħu l-​kelma tiegħu mill-​qalb tgħammdu,+ u dakinhar żdiedu madwar tlett elef ruħ.+ 42 U baqgħu jingħataw għat-​tagħlim taʼ l-​appostli u għall-​qsim taʼ kollox bejniethom,+ għall-​qsim taʼ l-​ikel+ u għat-​talb.+

43 Tabilħaqq, beda jaqaʼ biżaʼ fuq kull ruħ, u bdew iseħħu ħafna għeġubijiet u sinjali permezz taʼ l-​appostli.+ 44 Dawk kollha li saru jemmnu kienu jaqsmu kollox bejniethom,+ 45 u kienu jbigħu l-​affarijiet+ u l-​proprjetajiet tagħhom u jaqsmu l-​flus li jdaħħlu bejn kulħadd, skond il-​bżonn taʼ dak li jkun.+ 46 U jum wara l-​ieħor kienu jqattgħu ħafna ħin fit-​tempju b’fehma waħda,+ u kienu jieklu fi djar privati b’hena kbir+ u b’qalb sinċiera, 47 waqt li kienu jfaħħru lil Alla u kienu miġjubin min-​nies kollha.+ Fl-​istess ħin, Ġeħova kompla jżid+ magħhom kuljum lil dawk li kienu qed jiġu salvati.+

3 Issa Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-​tempju għas-​siegħa tat-​talb, id-​disaʼ siegħa,*+ 2 u kien qed jinġarr wieħed raġel li kien zopp minn ġuf ommu.+ Lil dan kienu jpoġġuh kuljum ħdejn il-​bieb tat-​tempju li jgħidulu s-​Sabiħ,+ sabiex jitlob l-​għotjiet taʼ ħniena mingħand dawk li jkunu deħlin fit-​tempju.+ 3 Meta lemaħ lil Pietru u lil Ġwanni, hekk kif dawn kienu deħlin fit-​tempju, beda jitlobhom biex jagħtuh xi ħaġa.+ 4 Imma Pietru, flimkien maʼ Ġwanni, ħares fiss+ lejh u qallu: “Ħares lejna.” 5 Għalhekk, dak tefaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuqhom, għax stenna li kien se jaqlaʼ xi ħaġa mingħandhom. 6 Madankollu, Pietru qallu: “Fidda u deheb m’għandix, imma nagħtik dak li għandi:+ F’isem Ġesù Kristu n-​Nazzarenu,+ imxi!”+ 7 Imbagħad qabdu minn idu+ l-​leminija u qajmu. Minnufih il-​qigħan taʼ saqajh u l-​għekiesi ssodawlu;+ 8 u qabeż fuq saqajh,+ qam bil-​wieqfa, u beda jimxi, u daħal magħhom fit-​tempju,+ jimxi u jaqbeż u jfaħħar lil Alla. 9 U n-​nies+ kollha rawh jimxi u jfaħħar lil Alla. 10 Barra minn hekk, għarfu li dan kien ir-​raġel li kien joqgħod bil-​qiegħda ħdejn il-​Bieb is-​Sabiħ+ tat-​tempju jitlob l-​għotjiet taʼ ħniena, u baqgħu mistagħġbin u miblugħin+ b’dak li ġralu.

11 Issa, waqt li r-​raġel baqaʼ mqabbad maʼ Pietru u Ġwanni, in-​nies, imbellhin, ġrew lejhom ilkoll flimkien lejn dik li jgħidulha l-​loġġa+ taʼ Salamun. 12 Meta Pietru ra dan, qal lin-​nies: “Irġiel taʼ Israel, għala qed tistagħġbu b’dan, jew għala qed tħarsu lejna bħallikieku kien b’ħilitna jew bid-​devozzjoni tagħna lejn Alla li għamilnieh jimxi?+ 13 L-Alla t’Abraham u taʼ Iżakk u taʼ Ġakobb,+ l-​Alla taʼ missirijietna, igglorifika+ lill-​Qaddej tiegħu,+ Ġesù, li intom, min-​naħa tagħkom, ittradejtuh+ u ċħadtuh quddiem Pilatu, meta dan iddeċieda li jeħilsu.+ 14 Iva, intom ċħadtu lil dak ir-​raġel qaddis u sewwa,+ u tlabtu li jinħelsilkom wieħed qattiel+ 15 u qtiltu lill-​Aġent Ewlieni tal-​ħajja.+ Imma Alla qajmu mill-​imwiet, u aħna xhieda taʼ dan il-​fatt.+ 16 Għaldaqstant kien ismu, bil-​fidi tagħna f’ismu, li għamel lil dan ir-​raġel, li qed taraw u li tafuh, b’saħħtu, u kienet il-​fidi permezz tiegħu li tatu dan il-​fejqan sħiħ quddiem għajnejkom ilkoll. 17 U issa, l-​aħwa, naf li dak li għamiltu għamiltuh fl-​injoranza,+ bħalma għamlu wkoll il-​ħakkiema+ tagħkom. 18 Imma b’dan il-​mod Alla wettaq dak li ħabbar minn qabel b’fomm il-​profeti kollha, li l-​Kristu tiegħu kellu jbati.+

19 “Għalhekk, indmu+ u duru lura+ sabiex dnubietkom jitħassrulkom,+ u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan+ mingħand Ġeħova nnifsu 20 u jibgħat lil Ġesù, il-​Kristu li nħatar għalikom, 21 li tabilħaqq is-​sema jrid iżommu+ saż-​żminijiet meta jiġġeddu+ l-​affarijiet kollha li Alla tkellem dwarhom b’fomm il-​profeti+ mqaddsa tiegħu tal-​qedem. 22 Fil-fatt, Mosè qal, ‘Alla Ġeħova jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom.+ Isimgħu minnu f’kulma jgħidilkom.+ 23 Tassew, kull ruħ li ma tismax minn dak il-​Profeta tinqered għalkollox minn fost in-​nies.’+ 24 U fil-​fatt, il-​profeti kollha, ibda minn Samwel u spiċċa b’dawk taʼ warajh, dawk kollha li tkellmu, ukoll xandru b’mod ċar dawn il-​jiem.+ 25 Intom ulied+ il-​profeti u wlied il-​patt li Alla għamel maʼ missirijietkom, meta qal lil Abraham, ‘U b’nislek se jitbierku l-​familji kollha taʼ l-​art.’+ 26 Wara li qajjem lill-​Qaddej tiegħu, Alla għandkom bagħtu l-​ewwel+ biex iberikkom billi jdawwar lil kull wieħed minnkom mill-​għemejjel mill-​agħar tiegħu.”

4 Issa, waqt li dawn it-​tnejn kienu qed ikellmu lin-​nies, ġew fuqhom il-​qassisin ewlenin u l-​kmandant tat-​tempju+ u s-​Sadduċej,+ 2 għax kienu rrabjati peress li kienu qed jgħallmu lin-​nies u jużaw il-​każ taʼ Ġesù biex ixandru b’mod ċar l-​irxoxt mill-​imwiet;+ 3 u qabduhom u żammewhom arrestati sa l-​għada,+ għax kien diġà sar fil-​għaxija. 4 Madankollu, ħafna minn dawk li kienu semgħu d-​diskors emmnu,+ u l-​għadd taʼ l-​irġiel sar madwar ħamest elef.+

5 L-għada ġara li f’Ġerusalemm inġabru flimkien il-​ħakkiema tagħhom u x-​xjuħ u l-​iskribi+ 6 (kif ukoll Anna,+ il-​qassis ewlieni, u Kajfa+ u Ġwanni u Alessandru u kulmin kien jiġi mill-​qassis ewlieni), 7 u qegħduhom fin-​nofs u bdew jistaqsuhom: “B’liema qawwa jew f’isem min għamiltu dan?”+ 8 Imbagħad Pietru, mimli bl-​ispirtu qaddis,+ qalilhom:

“Ħakkiema tal-​poplu u xjuħ, 9 jekk illum qed niġu interrogati fuq għemil tajjeb li sar maʼ raġel marid,+ rigward min fejjaq lil dan ir-​raġel, 10 ħa tkunu tafu intom ilkoll u l-​poplu kollu taʼ Israel, li f’isem Ġesù Kristu n-​Nazzarenu,+ li intom sammartuh maʼ zokk+ imma li Alla qajmu mill-​imwiet,+ permezz tiegħu dan il-​bniedem jinsab hawn f’saħħtu quddiemkom. 11 Din hi ‘l-​ġebla li intom il-​bennejja ma stmajtuhiex u li saret il-​ġebla tax-​xewka taʼ fuqnett.’+ 12 Iktar minn hekk, f’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni, għax m’hemmx isem ieħor+ taħt is-​sema li ngħata lill-​bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.”+

13 Issa meta raw il-​mod kif Pietru u Ġwanni tkellmu bla tlaqliq, u indunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola,+ stagħġbu. U bdew jintebħu li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù;+ 14 u kif ħarsu lejn ir-​raġel li kien tfejjaq u li kien qiegħed magħhom,+ ma setgħu jgħidu xejn biex imeruhom.+ 15 Għalhekk, ordnawlhom joħorġu ’l barra mis-​sala tas-​Sinedriju, u bdew jikkonsultaw bejniethom 16 u jgħidu: “X’se nagħmlu b’dawn l-​irġiel?+ Għax veru li permezz tagħhom seħħ sinjal li ma jistax jiġi injorat, sinjal li jistgħu jarawh l-​abitanti kollha taʼ Ġerusalemm;+ u dan ma nistgħux niċħduh. 17 Madankollu, biex dan ma jkomplix jinxtered fost il-​poplu, ħa nhedduhom u ngħidulhom biex m’ebda bniedem ma jitkellmu iżjed fuq dan l-​isem.”+

18 Wara dan, sejħulhom u ordnawlhom biex imkien ma jitkellmu jew jgħallmu f’isem Ġesù. 19 Imma Pietru u Ġwanni wieġbu u qalulhom: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. 20 Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”+ 21 Imbagħad, wara iktar theddid, ħelsuhom għax ma sabu xejn fuqiex setgħu jikkastigawhom u anki minħabba n-​nies,+ għax dawn kollha kienu qed jigglorifikaw lil Alla minħabba dak li ġara; 22 għax ir-​raġel li fuqu kien seħħ dan il-​fejqan mirakoluż kellu iktar minn erbgħin sena.

23 Wara li nħelsu, marru għand sħabhom+ u għarrfuhom b’dak li kienu qalulhom il-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ. 24 Malli semgħu dan, b’fehma waħda għollew leħinhom lejn Alla+ u qalu:

“Mulej Sovran,+ int Dak li għamilt is-​sema u l-​art u l-​baħar u kulma fihom,+ 25 u li permezz taʼ l-​ispirtu qaddis għedt b’fomm missierna David,+ il-​qaddej tiegħek, ‘Il-​ġnus għala qamu f’rewwixta u l-​popli mmeditaw fuq il-​frugħat?+ 26 Is-slaten taʼ l-​art ħadu l-​pożizzjoni tagħhom u l-​ħakkiema nġemgħu flimkien ħaġa waħda kontra Ġeħova u kontra l-​midluk tiegħu.’+ 27 Tabilħaqq, kemm Erodi* u kemm Ponzju Pilatu+ nġabru flimkien f’din il-​belt man-​nies tal-​ġnus u mal-​popli taʼ Israel kontra l-​qaddej qaddis tiegħek,+ Ġesù, li int dlikt,+ 28 sabiex jagħmlu dak li idek u l-​iskop tiegħek iddeterminaw minn qabel li għandu jseħħ.+ 29 U issa, Ġeħova, agħti kas it-​theddid tagħhom,+ u agħmel li l-​ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-​kelma tiegħek bil-​qlubija kollha,+ 30 waqt li toħroġ idek biex tfejjaq u jseħħu sinjali u għeġubijiet+ permezz taʼ isem+ il-​qaddej qaddis tiegħek,+ Ġesù.”

31 U wara li talbu bil-​ħerqa, il-​post fejn kienu miġburin flimkien theżżeż;+ u lkoll imtlew bl-​ispirtu qaddis+ u bdew ixandru l-​kelma t’Alla bil-​qlubija.+

32 U l-​kotra taʼ dawk li kienu emmnu kienu qalb u ruħ waħda,+ u ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu; imma kienu jaqsmu kollox bejniethom.+ 33 Ukoll, b’qawwa kbira l-​appostli komplew jagħtu x-​xiehda dwar l-​irxoxt tal-​Mulej Ġesù;+ u lkoll intwerew qalb tajba mhix mistħoqqa kbira. 34 Fil-fatt, ma kien hemm ħadd fosthom fil-​bżonn;+ għax dawk kollha li kellhom għelieqi jew djar kienu jbigħuhom u jġibu dak li jdaħħlu mill-​bejgħ 35 u jqegħduh f’riġlejn l-​appostli.+ Imbagħad kien jitqassam+ bejn kulħadd, skond il-​bżonn taʼ kull wieħed. 36 Hekk għamel Ġużeppi, Levita li twieled Ċipru u li l-​appostli kienu semmewh ukoll Barnaba,+ isem li meta jiġi tradott ifisser Bin il-​Faraġ. 37 Dan kellu biċċa art, biegħha u ġab il-​flus u qegħedhom f’riġlejn l-​appostli.+

5 Madankollu, wieħed raġel, jismu Ananija, flimkien maʼ martu Safira, biegħ biċċa proprjetà 2 u bil-​moħbi żamm parti mill-​prezz, u martu wkoll kienet taf b’dan, u ġab biss parti mill-​prezz u qegħedha f’riġlejn l-​appostli.+ 3 Imma Pietru qallu: “Ananija, għala Satana+ mlielek qalbek biex tqarraq+ bl-​ispirtu qaddis+ u bil-​moħbi żżomm parti mill-​prezz taʼ l-​għalqa? 4 Mhux tiegħek kienet qabel ma begħtha, u wara li nbiegħet mhux kollox f’idejk baqaʼ? Għala fassalt għemil bħal dan f’qalbek? Int mhux bil-​bnedmin qarraqt,+ imma b’Alla.”+ 5 Malli semaʼ dan il-​kliem, Ananija waqaʼ u miet.+ U waqaʼ biżaʼ kbir+ fuq kulmin semaʼ b’dan. 6 Imbagħad iż-​żgħażagħ qamu, keffnuh,+ ġarrewh ’il barra, u difnuh.

7 Issa wara xi tliet sigħat daħlet martu, u ma kinitx taf x’ġara. 8 Qalilha Pietru: “Għidli, intom daqshekk begħtuha l-​għalqa?” Qaltlu: “Iva, daqshekk.” 9 Għalhekk, Pietru qalilha: “Għala ftehemtu bejnietkom biex tgħaddu minn prova+ l-​ispirtu taʼ Ġeħova? Ara! Riġlejn dawk li difnu lil żewġek qegħdin fil-​bieb, u se jġorruk ’il barra.” 10 Minnufih waqgħet f’riġlejh u mietet.+ Meta daħlu ż-​żgħażagħ sabuha mejta, u ġarrewha ’l barra u difnuha maġenb żewġha. 11 Għaldaqstant waqaʼ biżaʼ kbir fuq il-​kongregazzjoni kollha u fuq kulmin semaʼ b’dan.

12 Iktar minn hekk, minn idejn l-​appostli baqgħu jseħħu ħafna sinjali u għeġubijiet fost in-​nies;+ u b’fehma waħda kienu jkunu kollha fil-​loġġa taʼ Salamun.+ 13 Tabilħaqq, lanqas ħadd mill-​oħrajn ma kellu l-​kuraġġ jingħaqad magħhom;+ madankollu, in-​nies kienu qed ifaħħruhom bil-​kbir.+ 14 Iktar minn hekk, dawk li kienu jemmnu fil-​Mulej baqgħu jiżdiedu, kotriet kemm taʼ rġiel u kemm taʼ nisa;+ 15 għaldaqstant kienu joħorġu lill-​morda saħansitra fit-​toroq prinċipali u jqegħduhom hemmhekk fuq sodod żgħar u mtieraħ, sabiex, kif ikun għaddej Pietru, għallinqas jaqaʼ d-​dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom.+ 16 Ukoll, il-​folol mill-​bliet taʼ madwar Ġerusalemm baqgħu ġejjin flimkien, iġorru l-​morda u lil dawk imħabbtin bi spirti mhux nodfa, u kienu jitfejqu lkoll.

17 Imma l-​qassis il-​kbir u dawk kollha li kienu miegħu, is-​setta tas-​Sadduċej li kienet teżisti f’dak iż-​żmien, mimlijin għira qamu+ 18 u meddew idejhom fuq l-​appostli u tefgħuhom fil-​ħabs pubbliku.+ 19 Imma matul il-​lejl l-​anġlu+ taʼ Ġeħova fetħilhom il-​bibien tal-​ħabs,+ ħariġhom barra, u qalilhom: 20 “Morru, oqogħdu fit-​tempju, u ibqgħu għidu lin-​nies il-​kliem kollu dwar din il-​ħajja.”+ 21 Wara li semgħu dan, mas-​sebħ daħlu fit-​tempju u bdew jgħallmu.

Issa meta waslu, il-​qassis il-​kbir u dawk li kienu miegħu sejħu flimkien lis-​Sinedriju u l-​assemblea kollha tax-​xjuħ taʼ wlied Israel+ u bagħtu jġibuhom mill-​ħabs. 22 Imma meta l-​uffiċjali waslu hemmhekk, ma sabuhomx fil-​ħabs. Għalhekk, marru lura u rrapportaw 23 u qalu: “Il-​ħabs sibnieh imsakkar bis-​sigurtà kollha u l-​għassiesa bil-​wieqfa ħdejn il-​bieb, imma meta ftaħna ma sibna lil ħadd ġewwa.” 24 Issa, meta semgħu dan il-​kliem, il-​kmandant tat-​tempju u l-​qassisin tħawdu għall-​aħħar dwar x’kien se jiġri minħabba dan.+ 25 Imma ġie wieħed raġel u qalilhom: “Ara! L-​irġiel li tfajtu l-​ħabs qegħdin fit-​tempju jgħallmu lin-​nies.”+ 26 Imbagħad il-​kmandant mar maʼ l-​uffiċjali tiegħu u ġabhom, imma mingħajr vjolenza, għax beżgħu+ li jiġu mħaġġrin min-​nies.

27 Għalhekk, ġabuhom u ġegħluhom joqogħdu fis-​sala tas-​Sinedriju. U l-​qassis il-​kbir staqsiehom 28 u qalilhom: “Aħna ordnajnielkom bis-​sħiħ+ biex ma tibqgħux tgħallmu f’dan l-​isem, imma ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħkom,+ u intom deċiżi li ġġibu fuqna d-​demm+ taʼ dan il-​bniedem.” 29 Pietru u l-​appostli l-​oħrajn wieġbu u qalu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.+ 30 L-Alla taʼ missirijietna qajjem+ lil Ġesù, li intom qtiltuh billi dendiltuh maʼ zokk.+ 31 Lil dan, Alla eżaltah fuq il-​lemin tiegħu+ bħala Aġent Ewlieni+ u Salvatur,+ biex jagħti l-​indiema+ lil Israel u l-​maħfra tad-​dnubiet.+ 32 U aħna xhieda taʼ dan,+ u wkoll irċivejna x-​xiehda taʼ l-​ispirtu qaddis+ li Alla ta lil dawk li jobduh bħala ħakkiem.”

33 Meta semgħu dan, irrabjaw ferm u xtaqu jeqirduhom.+ 34 Imma fis-​Sinedriju qam wieħed raġel, Fariżew li kien jismu Gamaljel,+ għalliem tal-​Liġi li kien stmat mill-​poplu kollu, u ordna biex l-​irġiel jittieħdu ftit barra.+ 35 U qalilhom: “Irġiel taʼ Israel,+ oqogħdu attenti x’bi ħsiebkom tagħmlu b’dawn l-​irġiel. 36 Per eżempju, ftit taż-​żmien ilu qam Tewda, li qal li hu xi ħaġa kbira,+ u għadd taʼ rġiel, madwar erbaʼ mija, ngħaqdu mal-​partit tiegħu.+ Imma ġie meqrud, u dawk kollha li kienu jobduh xterdu u ġew fix-​xejn. 37 Warajh qam Ġuda l-​Galilew fi żmien ir-​reġistrazzjoni,+ u ġibed xi nies għal warajh. Madankollu, dan il-​bniedem inqered ukoll, u dawk kollha li kienu jobduh xterdu barra l-​pajjiż. 38 Għalhekk, fiċ-​ċirkustanzi preżenti, ngħidilkom, Tindaħlulhomx lil dawn l-​irġiel, imma ħalluhom; (għax, jekk dan il-​ħsieb jew dan ix-​xogħol ġej mill-​bnedmin, għad jingħeleb;+ 39 imma jekk ġej minn Alla,+ ma tistgħux tegħlbuhom;)+ inkella għandkom mnejn tkunu fil-​fatt qed tiġġieldu kontra Alla.”+ 40 Għal dan, huma ħadu l-​parir tiegħu, u sejħu lill-​appostli, sawtuhom,+ u ordnawlhom biex ma jibqgħux jitkellmu f’isem Ġesù,+ u telquhom.

41 Għalhekk, dawn telqu minn quddiem is-​Sinedriju, henjin+ għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu.+ 42 U kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar+ baqgħu jgħallmu+ u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.+

6 Issa f’dan iż-​żmien, meta d-​dixxipli kienu qed jiżdiedu, qam tgergir min-​naħa tal-​Lhud li jitkellmu bil-​Grieg+ kontra l-​Lhud li jitkellmu bl-​Ebrajk, għax ir-​romol tagħhom kienu qed jinqabżu fit-​tqassim taʼ l-​ikel taʼ kuljum.+ 2 Għalhekk, it-​tnax sejħu lill-​kotra tad-​dixxipli u qalulhom: “M’aħniex qed nieħdu pjaċir li nħallu l-​kelma t’Alla biex inqassmu l-​ikel fuq l-​imwejjed.+ 3 Mela, l-​aħwa, fittxu+ intom stess minn fostkom sebat irġiel kwalifikati, li għandhom isem tajjeb u mimlijin bl-​ispirtu u l-​għerf,+ biex naħtruhom fuq dan ix-​xogħol bżonnjuż; 4 u b’hekk aħna ningħataw għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.”+ 5 U dak li ntqal għoġob lill-​kotra kollha, u għażlu lil Stiefnu, raġel mimli bil-​fidi u bl-​ispirtu qaddis,+ u lil Filippu+ u lil Prokoru u lil Nikanor u lil Timon u lil Parmena u lil Nikola, proselita* minn Antjokja; 6 u ħaduhom quddiem l-​appostli, u, wara li talbu, dawn qiegħdu idejhom+ fuqhom.

7 U l-​kelma t’Alla kompliet tikber,+ u l-​għadd tad-​dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm;+ u folla kbira taʼ qassisin+ bdew jobdu+ l-​fidi.

8 Issa Stiefnu, mimli ħlewwa u qawwa, kien qed iwettaq għeġubijiet u sinjali+ kbar fost il-​poplu. 9 Imma qamu xi rġiel minn tas-​Sinagoga li jgħidulha tal-​Meħlusin, u miċ-​Ċirinej u mil-​Lixandrin+ u minn dawk taċ-​Ċiliċja+ u l-​Asja, biex jargumentaw maʼ Stiefnu; 10 iżda ma setgħux jegħlbu l-​għerf+ u l-​ispirtu li kien qed jitkellem bihom.+ 11 Imbagħad bil-​moħbi pperswadew lil xi rġiel biex jgħidu:+ “Smajnieh jidgħi+ kontra Mosè u Alla.” 12 U xewxu lin-​nies, lix-​xjuħ, u lill-​iskribi li, f’daqqa waħda, ġew fuqu, qabduh bil-​forza, u ħaduh quddiem is-​Sinedriju.+ 13 U ressqu xhieda foloz+ li qalu: “Dan ir-​raġel ma jiqafx jitkellem kontra dan il-​post qaddis u kontra l-​Liġi.+ 14 Per eżempju, smajnieh jgħid li dan Ġesù n-​Nazzarenu se jġarraf dan il-​post u jbiddel id-​drawwiet li għaddielna Mosè.”

15 U hekk kif dawk kollha li kienu bil-​qiegħda fis-​Sinedriju ħarsu fiss lejh,+ raw li wiċċu kien bħal wiċċ t’anġlu.+

7 Imma l-​qassis il-​kbir qallu: “Minnu dan?” 2 Stiefnu qal: “Irġiel, aħwa u missirijiet, isimgħu. L-​Alla tal-​glorja+ deher lil missierna Abraham waqt li dan kien fil-​Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran,+ 3 u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-​art li nurik.’+ 4 Imbagħad ħareġ mill-​art tal-​Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran. U minn hemmhekk, wara li miet missieru,+ Alla ġiegħlu jiġi joqgħod f’din l-​art li issa qed tgħammru fiha intom.+ 5 Iżda fiha ma tah l-​ebda proprjetà li tistaʼ tintiret, le, lanqas daqs rifsa taʼ sieq;+ imma, waqt li kien għadu bla tfal,+ wiegħdu li jagħtihielu bħala proprjetà,+ u lil nislu warajh.+ 6 Iktar minn hekk, Alla qallu wkoll li d-​dixxendenti tiegħu se jkunu residenti barranin+ f’art barranija+ u n-​nies kellhom jagħmluhom ilsiera u jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena.+ 7 ‘U lil dak il-​ġens li jkunu lsiera tiegħu niġġudikah,’+ qal Alla, ‘u wara dan joħorġu u jagħtuni servizz sagru f’dan il-​post.’+

8 “Tah ukoll il-​patt taċ-​ċirkonċiżjoni;+ u b’hekk sar missier Iżakk+ u għamillu ċ-​ċirkonċiżjoni fit-​tmien jum,+ u Iżakk nissel lil Ġakobb, u Ġakobb lit-​tnax-il patrijarka.+ 9 U l-​patrijarki għeru+ għal Ġużeppi u bigħuh fl-​Eġittu.+ Imma Alla kien miegħu,+ 10 u ħelsu mit-​tribulazzjonijiet kollha tiegħu u tah li jsib il-​ħniena u juri l-​għerf quddiem il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu. U l-​Fargħun ħatru biex jiggverna lill-​Eġittu u lil daru kollha.+ 11 Imma waqaʼ ġuħ kbir fl-​art kollha taʼ l-​Eġittu u taʼ Kangħan, saħansitra tribulazzjoni kbira; u missirijietna ma sabux ikel.+ 12 Imma Ġakobb semaʼ li kien hemm l-​ikel fl-​Eġittu+ u bagħat lil missirijietna hemmhekk l-​ewwel darba.+ 13 U t-​tieni darba Ġużeppi għarraf lil ħutu min kien;+ u l-​Fargħun sar jaf lir-​razza taʼ Ġużeppi.+ 14 Għalhekk, Ġużeppi bagħat għal missieru Ġakobb u għal qrabatu kollha minn dak il-​post,+ b’kollox ħamsa u sebgħin* ruħ.+ 15 Ġakobb niżel l-​Eġittu,+ fejn miet,+ u hekk ukoll missirijietna,+ 16 u ttieħdu Sikem+ u tqiegħdu fil-​qabar+ li Abraham kien xtara bil-​prezz taʼ somma flus tal-​fidda mingħand ulied Ħamor f’Sikem.+

17 “Hekk kif kien riesaq iż-​żmien biex titwettaq il-​wegħda li Alla kien stqarr lil Abraham bi kliem ċar, il-​poplu kiber u żdied fl-​Eġittu,+ 18 sakemm fl-​Eġittu telaʼ sultan differenti li ma kienx jaf b’Ġużeppi.+ 19 Dan is-​sultan uża l-​makakkerija kontra r-​razza tagħna+ u sforza inġustament lill-​missirijiet biex jabbandunaw lit-​trabi tagħhom, sabiex ma jitħallewx ħajjin.+ 20 F’dak iż-​żmien partikulari twieled Mosè,+ li kien sabiħ ħafna anki f’għajnejn Alla.+ U għal tliet xhur ħadu ħsiebu f’dar missieru. 21 Imbagħad meta telquh, bint il-​Fargħun refgħetu u rabbietu bħallikieku kien binha stess.+ 22 Għaldaqstant, Mosè kien istruwit fl-​għerf kollu+ taʼ l-​Eġizzjani. Fil-​fatt, kien setgħan fi kliemu+ u f’għemilu.

23 “Issa, meta kien wasal biex jagħlaq l-​erbgħin sena, f’qalbu ħass li għandu jmur jara lil ħutu, ulied Israel.+ 24 X’ħin ra wieħed qed jiġi trattat inġustament, iddefendieh u, billi qatel lill-​Eġizzjan, għamel vendetta għal dak li kien qed jiġi maħqur.+ 25 Ħaseb li ħutu kienu se jifhmu li Alla kien qed jagħtihom is-​salvazzjoni permezz tiegħu,+ imma ma fehmux. 26 U l-​għada deher quddiemhom waqt li kienu qed jiġġieldu, u pprova jerġaʼ jagħmilhom paċi+ u qalilhom, ‘Irġiel, intom aħwa. Għala qed tittrattaw lil xulxin inġustament?’+ 27 Imma dak li kien qed jittratta lil sieħbu inġustament imbottah u qallu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef fuqna?+ 28 Ma tridx toqtolni bħalma qtilt lill-​Eġizzjan il-​bieraħ, hux?’+ 29 Għal dan il-​kliem, Mosè ħarab u sar resident barrani fl-​art taʼ Midjan,+ fejn sar il-​missier taʼ żewġ subien.+

30 “U meta għaddew erbgħin sena, deherlu anġlu fix-​xagħri tal-​Muntanja Sinaj f’nar iħeġġeġ ġo għollieqa.+ 31 Issa x’ħin ra dan, Mosè baqaʼ mgħaġġeb bid-​dehra.+ Imma hekk kif kien riesaq biex jara mill-​viċin, ġie leħen Ġeħova, 32 ‘Jien l-​Alla taʼ missirijietek, l-​Alla t’Abraham u taʼ Iżakk u taʼ Ġakobb.’+ Jitriegħed bil-​biżaʼ, Mosè ma ssograx jersaq iktar viċin. 33 Qallu Ġeħova, ‘Neħħi s-​sandli minn saqajk, għax il-​post li int wieqaf fuqu hu art qaddisa.+ 34 Tabilħaqq, jien rajt it-​trattament inġust tan-​nies tiegħi li qegħdin l-​Eġittu,+ u smajt il-​krib tagħhom+ u nżilt neħlishom.+ U issa ejja ħa nibagħtek lejn l-​Eġittu.’+ 35 Lil dan Mosè, li kienu ċaħduh billi qalulu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef?’+ lilu bagħat Alla+ bħala ħakkiem u ħellies permezz taʼ l-​anġlu li deherlu fl-​għollieqa. 36 Dan ir-​raġel ħariġhom+ wara li għamel għeġubijiet u sinjali fl-​Eġittu+ u fil-​Baħar l-​Aħmar+ u fix-​xagħri għal erbgħin sena.+

37 “Dan hu l-​istess Mosè li qal lil ulied Israel, ‘Alla jqajmilkom minn fost ħutkom profeta bħali.’+ 38 Hu+ dak li kien fost il-​kongregazzjoni+ fix-​xagħri maʼ l-​anġlu,+ li kellmu fuq il-​Muntanja Sinaj, u maʼ missirijietna, u li ngħata dikjarazzjonijiet sagri+ ħajjin biex jagħtihomlkom. 39 Kien lilu li missirijietna ma ridux jobdu, u warrbuh+ u fi qlubhom daru lura lejn l-​Eġittu+ 40 billi qalu lil Aron, ‘Agħmlilna allat biex jimxu qabilna. Għax dan Mosè, li ħariġna mill-​art taʼ l-​Eġittu, ma nafux xi ġralu.’+ 41 Għalhekk, f’dawk il-​jiem+ għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lill-​idolu u bdew jieħdu pjaċir b’xogħol idejhom.+ 42 Għalhekk, Alla tahom dahru u telaqhom+ biex jagħtu servizz sagru lill-​armata tas-​sema, bħalma hu miktub fi ktieb il-​profeti,+ ‘Intom mhux lili offrejtu vittmi u sagrifiċċji għal erbgħin sena fix-​xagħri, hux hekk, O dar taʼ Israel?+ 43 Imma rfajtu t-​tinda taʼ Molok+ u l-​kewkba+ taʼ l-​alla Refan, il-​figuri li għamiltu biex tqimuhom. Għaldaqstant neżiljakom+ lil hinn minn Babilonja.’

44 “Missirijietna kellhom it-​tinda tax-​xiehda fix-​xagħri, bħalma Alla ordna lil Mosè meta qallu biex jagħmilha skond il-​mudell li kien ra.+ 45 U missirijietna, li wirtuha, daħħluha flimkien maʼ Ġożwè+ fl-​art tal-​ġnus,+ li Alla keċċa minn quddiem missirijietna.+ Hemmhekk baqgħet sa jiem David. 46 Dan ġie approvat+ f’għajnejn Alla u talab biex ikollu l-​privileġġ li lill-​Alla taʼ Ġakobb jipprovdilu fejn joqgħod.+ 47 Madankollu, kien Salamun li bnielu dar.+ 48 Iżda, l-​Iktar Għoli ma jgħammarx fi djar magħmulin bl-​idejn;+ bħalma jgħid il-​profeta, 49 ‘Is-​sema t-​tron tiegħi,+ u l-​art il-​banketta għal saqajja.+ Liema xorta taʼ dar tibnuli? jgħid Ġeħova. Jew liema hu l-​post għall-​mistrieħ tiegħi?+ 50 Mhux idi għamlet dan kollu?’+

51 “Irġiel stinati li m’intomx ċirkonċiżi fi qlubkom+ u f’widnejkom, intom dejjem tirreżistu l-​ispirtu qaddis; bħalma għamlu missirijietkom, hekk tagħmlu intom.+ 52 Lil liema wieħed mill-​profeti ma ppersegwitawx missirijietkom?+ Iva, huma qatlu+ lil dawk li ħabbru minn qabel il-​miġja tal-​Ġust,+ li issa intom sirtu t-​tradituri u l-​qattilin tiegħu,+ 53 intom li rċivejtu l-​Liġi kif ngħatat mill-​anġli+ imma ma żammejtuhiex.”

54 Malli semgħu dan, intlaqtu fil-​laħam il-​ħaj+ u bdew jgħażżu+ snienhom għalih. 55 Imma billi kien mimli bl-​ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-​sema u ra l-​glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-​leminija t’Alla+ 56 u qal: “Ara! Qed nara s-​smewwiet miftuħin+ u Bin il-​bniedem+ fuq il-​leminija t’Alla.”+ 57 Għal dan, infexxew jgħajtu kemm jifilħu u poġġew idejhom fuq widnejhom+ u ġrew għal fuqu b’fehma waħda. 58 U wara li tefgħuh barra l-​belt,+ bdew iwaddbulu l-​ġebel.+ U x-​xhieda+ tefgħu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.+ 59 U baqgħu jwaddbu l-​ġebel lil Stiefnu hu u jitlob bil-​ħrara u jgħid: “Mulej Ġesù, ilqaʼ l-​ispirtu tiegħi.”+ 60 Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen qawwi: “Ġeħova, takkużahomx b’dan id-​dnub.”+ U wara li qal dan, raqad fil-​mewt.

8 Min-naħa tiegħu, Sawl kien japprova l-​qtil tiegħu.+

Dakinhar qamet persekuzzjoni kbira+ kontra l-​kongregazzjoni li kienet f’Ġerusalemm, u minbarra l-​appostli, kulħadd xtered+ mar-​reġjuni tal-​Lhudija u tas-​Samarija. 2 Imbagħad xi rġiel li kellhom il-​biżaʼ t’Alla ħadu lil Stiefnu biex jidfnuh,+ u bkewh ħafna.+ 3 Iżda Sawl beda jħarbat lill-​kongregazzjoni. Kien jidħol bil-​forza f’dar wara l-​oħra, ikaxkar ’il barra kemm irġiel u kemm nisa, u jitfagħhom il-​ħabs.+

4 Madankollu, dawk li kienu xterdu xandru l-​aħbar tajba tal-​kelma kulfejn marru.+ 5 Wieħed minnhom, Filippu, niżel fil-​belt tas-​Samarija+ u beda jippridkalhom lill-​Kristu. 6 B’fehma waħda l-​folol qagħdu attenti għal dak li qal Filippu waqt li semgħu u raw is-​sinjali li kien qed iwettaq. 7 Għax kien hemm ħafna li kellhom spirti mhux nodfa,+ u dawn kienu jgħajtu b’leħen għoli u joħorġu. Iktar minn hekk, ħafna li kienu paralizzati+ u zopop tfejqu. 8 Għalhekk, kien hemm ħafna ferħ f’dik il-​belt.+

9 Issa fil-​belt kien hemm wieħed raġel jismu Xmun li, qabel dan, kien jipprattika l-​arti tal-​maġija+ u jgħaġġeb lill-​ġens tas-​Samarija, u kien jgħid li hu kien xi ħaġa kbira.+ 10 U lkoll, miż-​żgħir sal-​kbir, kienu jisimgħu minnu u jgħidu: “Dan ir-​raġel hu l-​Qawwa t’Alla, li tistaʼ tissejjaħ Kbira.” 11 Għalhekk, kienu jisimgħu minnu, għax kien ilu ħafna jgħaġġibhom bil-​maġija li kien jagħmel. 12 Imma meta emmnu lil Filippu, li kien qed ixandar l-​aħbar tajba dwar is-​saltna t’Alla+ u dwar l-​isem taʼ Ġesù Kristu, tgħammdu, kemm irġiel u kemm nisa.+ 13 Xmun innifsu wkoll sar jemmen u, wara li tgħammed, kien ikun kontinwament maʼ Filippu;+ u kien jistagħġeb meta kien jara s-​sinjali u l-​għemejjel setgħanin u kbar li kienu jseħħu.

14 Meta l-​appostli f’Ġerusalemm semgħu li s-​Samarija kienet laqgħet il-​kelma t’Alla,+ bagħtulhom lil Pietru u lil Ġwanni; 15 u dawn niżlu hemmhekk u talbu għalihom biex jirċievu l-​ispirtu qaddis.+ 16 Għax kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-​Mulej Ġesù.+ 17 Imbagħad qiegħdu idejhom fuqhom,+ u bdew jirċievu l-​ispirtu qaddis.

18 Issa meta Xmun ra li l-​ispirtu kien jingħata permezz tat-​tqegħid taʼ idejn l-​appostli, offrielhom il-​flus+ 19 u qalilhom: “Agħtuha lili wkoll din l-​awtorità, li fuq min inqiegħed idejja jirċievi l-​ispirtu qaddis.” 20 Imma Pietru qallu: “Ħa tinqered miegħek il-​fidda tiegħek, għax int ħsibt li bil-​flus tistaʼ tikseb l-​għotja b’xejn mingħand Alla.+ 21 Int la għandek parti u lanqas sehem f’din il-​ħaġa, għax qalbek mhix retta f’għajnejn Alla.+ 22 Għalhekk, indem minn dan il-​ħażen tiegħek, u itlob bil-​ħerqa lil Ġeħova+ biex, jekk jistaʼ jkun, l-​ingann taʼ qalbek jinħafirlek; 23 għax qed nara li int mimli mrar velenuż+ u ħażen.”+ 24 Xmun wieġeb u qalilhom: “Itolbu bil-​ħerqa intom għalija+ lil Ġeħova biex xejn minn dak li għedtu ma jiġi fuqi.”

25 Imbagħad, wara li kienu taw ix-​xiehda bir-​reqqa u xandru l-​kelma taʼ Ġeħova, marru lura lejn Ġerusalemm, u xandru l-​aħbar tajba f’ħafna rħula tas-​Samaritani.+

26 Madankollu, l-​anġlu taʼ Ġeħova+ kellem lil Filippu u qallu: “Qum u mur lejn in-​nofsinhar fit-​triq li minn Ġerusalemm tinżel għal Gaża.” (Din triq fid-​deżert.) 27 Għal dan il-​kliem, qam u telaq. U, ara! Ewnuku+ Etjopjan,+ raġel fil-​poter taħt Kandaċe, sultana taʼ l-​Etjopjani, li kien fuq it-​teżori kollha tagħha. Hu kien mar Ġerusalemm għall-​qima,+ 28 imma issa kien sejjer lura u kien bil-​qiegħda fil-​karru tiegħu jaqra b’leħen għoli mill-​ktieb tal-​profeta Isaija.+ 29 Għalhekk, l-​ispirtu qal+ lil Filippu: “Ersaq u ngħaqad maʼ dan il-​karru.” 30 Filippu ġera lejh u semgħu jaqra b’leħen għoli l-​profeta Isaija u qallu: “Qed tifhem verament x’int taqra?” 31 Wieġbu: “Tabilħaqq, kif nistaʼ nifhem, jekk xi ħadd ma jiggwidanix?” U talab bil-​ħrara lil Filippu biex jirkeb u jpoġġi ħdejh. 32 Issa s-​silta mill-​Iskrittura li kien qed jaqra b’leħen għoli kienet din: “Bħal nagħġa nġieb għall-​qatla, u bħal ħaruf sieket quddiem min iġiżżu, hekk hu ma jiftaħx fommu.+ 33 Fl-umiljazzjoni tiegħu, il-​ġudizzju ttiħidlu.+ Min se jagħti d-​dettalji taʼ nislu? Għax ħadulu ħajtu minn fuq l-​art.”+

34 Għaldaqstant, l-​ewnuku qal lil Filippu: “Nitolbok, Għal min qed jgħid dan il-​profeta? Għalih innifsu jew għal ħaddieħor?” 35 Filippu fetaħ fommu+ u beda b’din l-​Iskrittura+ jxandarlu l-​aħbar tajba dwar Ġesù. 36 Issa huma u għaddejjin mit-​triq, waslu f’post fejn kien hemm l-​ilma; u l-​ewnuku qal: “Ara! Hawn l-​ilma; x’qed iżommni milli nitgħammed?”+ 37* —— 38 Minnufih ordna li jwaqqfu l-​karru, u t-​tnejn niżlu fl-​ilma, kemm Filippu u kemm l-​ewnuku; u għammdu. 39 Meta telgħu mill-​ilma, l-​ispirtu taʼ Ġeħova malajr ħa lil Filippu,+ u l-​ewnuku ma rahx iktar u baqaʼ sejjer ferħan fi triqtu. 40 Imma Filippu sab ruħu f’Asdod, u għadda mit-​territorju u baqaʼ jxandar+ l-​aħbar tajba fil-​bliet kollha sakemm wasal Ċesarija.+

9 Imma Sawl, li kien għadu jhedded lid-​dixxipli+ tal-​Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom,+ mar għand il-​qassis il-​kbir 2 u talbu jikteb xi ittri għas-​sinagogi f’Damasku, sabiex ikun jistaʼ jġib marbut lejn Ġerusalemm lil kulmin isib jagħmel parti mit-​Triq,+ kemm irġiel u kemm nisa.

3 Issa hu u jivvjaġġa qorob lejn Damasku, meta f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-​sema,+ 4 u waqaʼ fl-​art u semaʼ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?”+ 5 Wieġeb: “Min int, Mulej?” Qallu: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+ 6 Iżda, qum+ u idħol il-​belt, u jintqallek xi trid tagħmel.” 7 Issa l-​irġiel li kienu qed jivvjaġġaw miegħu+ baqgħu mbikkmin,+ għax fil-​fatt semgħu l-​ħoss taʼ leħen,+ imma ma raw lil ħadd. 8 Sawl qam mill-​art u, għalkemm għajnejh kienu miftuħin, ma beda jara xejn.+ Għalhekk, mexxewh minn idu u ħaduh Damasku. 9 U għal tlett ijiem ma ra xejn,+ u la kiel u lanqas xorob.

10 F’Damasku kien hemm wieħed dixxiplu jismu Ananija,+ u l-​Mulej qallu f’viżjoni: “Ananija!” Wieġbu: “Hawn jien, Mulej.” 11 Qallu l-​Mulej: “Qum, mur fit-​triq li jgħidulha d-​Dritta, u fid-​dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, minn Tarsu.+ Għax, ara, qed jitlob, 12 u f’viżjoni ra raġel jismu Ananija dieħel u jqiegħed idejh fuqu biex jerġaʼ jieħu d-​dawl.”+ 13 Imma Ananija wieġeb: “Mulej, smajt mingħand ħafna dwar dan ir-​raġel, kemm għamel ħsara lill-​qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm. 14 U hawnhekk għandu l-​awtorità mingħand il-​qassisin ewlenin biex jorbot lil kulmin isejjaħ ismek.”+ 15 Imma l-​Mulej qallu: “Mur, għax għalija dan ir-​raġel hu strument magħżul+ biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus+ kif ukoll quddiem slaten+ u wlied Israel. 16 Għax se nurih ċar kemm irid isofri minħabba ismi.”+

17 Għalhekk, Ananija telaq u daħal fid-​dar, u qiegħed idejh fuqu u qallu: “Sawl, ħija, il-​Mulej, l-​istess Ġesù li deherlek fit-​triq minfejn kont ġej, bagħatni sabiex int terġaʼ tieħu d-​dawl u timtela bl-​ispirtu qaddis.”+ 18 U minnufih waqaʼ bħal qxur minn għajnejh, u reġaʼ ħa d-​dawl; u qam u tgħammed, 19 u kiel u ssaħħaħ.+

Għal xi jiem qagħad mad-​dixxipli f’Damasku,+ 20 u minnufih beda jippriedka fis-​sinagogi dwar Ġesù,+ li Dan hu l-​Iben t’Alla. 21 Imma dawk kollha li semgħuh baqgħu mistagħġbin u kienu jgħidu: “Dan mhux ir-​raġel li f’Ġerusalemm ħarbat+ lil dawk li jsejħu dan l-​isem, u li kien ġie hawnhekk bl-​għan li jiħodhom marbutin għand il-​qassisin ewlenin?”+ 22 Imma Sawl baqaʼ jiżdied fil-​qawwa u, bil-​loġika li kien juża biex juri li dan hu l-​Kristu, kien ibellah lil-​Lhud li kienu joqogħdu Damasku.+

23 Issa, wara ħafna jiem, il-​Lhud ftiehmu bejniethom biex jeħilsu minnu.+ 24 Madankollu, Sawl sar jaf bil-​komplott tagħhom kontrih. Imma, sabiex jeħilsu minnu, anki mal-​bibien tal-​belt kienu qed jagħmlu għassa stretta, kemm bi nhar u kemm bil-​lejl.+ 25 Għalhekk, id-​dixxipli tiegħu ħaduh u bil-​lejl niżżluh f’qoffa minn ġo tieqa fis-​sur.+

26 Malli wasal Ġerusalemm+ beda jipprova jingħaqad mad-​dixxipli; imma kollha kienu jibżgħu minnu, għax m’emmnux li kien dixxiplu. 27 Għalhekk, Barnaba qabeż għalih+ u ħadu għand l-​appostli, u qalilhom bid-​dettall kif fit-​triq kien ra lill-​Mulej+ u kien kellmu,+ u kif f’Damasku+ kien tkellem bil-​qlubija f’isem Ġesù. 28 U baqaʼ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, jitkellem bil-​qlubija f’isem il-​Mulej;+ 29 u kien jitkellem u jiddibatti mal-​Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg. Imma dawn għamlu attentati biex jeħilsu minnu.+ 30 Meta l-​aħwa indunaw b’dan, niżżluh Ċesarija u bagħtuh lejn Tarsu.+

31 Imbagħad, tabilħaqq, il-​kongregazzjoni+ fil-​Lhudija u l-​Galilija u s-​Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi; u baqgħet tiżdied waqt li mxiet fil-​biżaʼ taʼ Ġeħova+ u fil-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis.+

32 Issa hekk kif Pietru kien qed idur l-​inħawi kollha niżel ukoll għand il-​qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.+ 33 Hemmhekk sab wieħed raġel li kien jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut fuq sodda, għax kien paralizzat. 34 U Pietru qallu:+ “Enea, Ġesù Kristu jfejqek.+ Qum u ifrex soddtok.” U dak qam minnufih. 35 U dawk kollha li kienu jgħixu Lidda u fil-​pjanura tas-​Saron+ rawh u daru lejn il-​Mulej.+

36 F’Ġaffa+ kien hemm waħda mid-​dixxipli jisimha Tabita, isem li meta jiġi tradott bil-​Grieg hu Dorka.* Hi kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin+ u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena. 37 Imma inzerta li f’dawk il-​jiem mardet u mietet. Għalhekk, ħasluha u meddewha fil-​kamra taʼ fuq. 38 Peress li Lidda kienet qrib Ġaffa,+ meta d-​dixxipli semgħu li Pietru kien f’din il-​belt bagħtulu żewġt irġiel biex jitolbuh bil-​ħrara: “Jekk jogħġbok iddumx ma tiġi sa ħdejna.” 39 Għal dan il-​kliem, Pietru qam u mar magħhom. U meta wasal, tellgħuh fil-​kamra taʼ fuq; u r-​romol kollha ġew quddiemu jibku u juruh il-​ħafna lbiesi u mnatar+ li Dorka kienet tagħmel meta kienet magħhom.+ 40 Imbagħad Pietru ħareġ lil kulħadd ’il barra,+ niżel għarkopptejh, talab, dar lejn il-​ġisem, u qal: “Tabita, qum!” Hi fetħet għajnejha u, hekk kif lemħet lil Pietru, qamet bil-​qiegħda.+ 41 Hu taha idu, qajjimha,+ u sejjaħ lill-​qaddisin u lir-​romol u tahielhom ħajja.+ 42 Dan sar magħruf maʼ Ġaffa kollha, u ħafna saru jemmnu fil-​Mulej.+ 43 U baqaʼ Ġaffa+ għal ftit jiem mhux ħażin maʼ ċertu Xmun, li kien konzatur.+

10 Issa f’Ċesarija kien hemm wieħed raġel jismu Kornelju, fizzjal taʼ l-​armata+ taʼ dak li kienu jgħidulu l-​korp Taljan,+ 2 raġel devot+ li kellu l-​biżaʼ+ t’Alla, hu u n-​nies kollha taʼ daru. Kien jagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena lin-​nies+ u kien kontinwament jitlob bil-​ħerqa lil Alla.+ 3 Madwar id-​disaʼ siegħa* tal-​jum,+ kellu viżjoni+ li fiha ra b’mod ċar anġlu+ t’Alla dieħel għandu u jsejjaħlu: “Kornelju!” 4 Ir-raġel ħares fiss lejh u, maħkum mill-​biżaʼ, qallu: “Dan x’inhu, Mulej?” Qallu: “It-​talb+ u l-​għotjiet taʼ ħniena tiegħek telgħu bħala tifkira quddiem Alla.+ 5 Għalhekk issa, ibgħat xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil ċertu Xmun li jismu wkoll Pietru. 6 Dan ir-​raġel qed joqgħod għand ċertu Xmun, il-​konzatur, li għandu dar ħdejn il-​baħar.”+ 7 Malli telaq l-​anġlu li kellmu, sejjaħ tnejn mill-​qaddejja taʼ daru u suldat devot minn fost dawk li kienu dejjem għas-​servizz tiegħu,+ 8 u rrakkontalhom kollox u bagħathom Ġaffa.+

9 L-għada, waqt li kienu fi triqithom resqin lejn il-​belt, Pietru telaʼ fuq il-​bejt+ madwar is-​sitt siegħa* biex jitlob.+ 10 Imma qabdu ħafna ġuħ u ried jiekol. Waqt li kienu qed iħejju l-​ikel, intilef f’estasi+ 11 u ra s-​sema miftuħ+ u xi ħaġa nieżla qisha liżar kbir taʼ l-​għażel li kien qed jitniżżel fuq l-​art mill-​erbat itruf tiegħu. 12 Fih kien hemm kull xorta taʼ ħlejjaq b’erbaʼ saqajn u annimali li jitkaxkru taʼ l-​art u għasafar tas-​sema.+ 13 U ġie leħen li qallu: “Qum, Pietru, oqtol u kul!”+ 14 Imma Pietru qal: “Żgur li le, Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa mniġġsa u mhux nadifa.”+ 15 U l-​leħen reġaʼ kellmu għat-​tieni darba: “Tibqax issejjaħ imniġġes+ dak li naddaf Alla.” 16 Dan seħħ għat-​tielet darba, u minnufih dik il-​ħaġa qisha liżar ittieħdet ’il fuq fis-​sema.+

17 Issa, waqt li Pietru kien imħawwad għall-​aħħar fih innifsu dwar x’setgħet tfisser il-​viżjoni li kien ra, ara, l-​irġiel mibgħutin minn Kornelju kienu staqsew għad-​dar taʼ Xmun u kienu qegħdin ħdejn il-​bieb.+ 18 U għajtu u staqsew jekk Xmun li kien jismu wkoll Pietru kienx qed joqgħod hemmhekk. 19 Hekk kif Pietru kien għadu jitħasseb dwar il-​viżjoni, l-​ispirtu+ qallu: “Ara! Tlett irġiel qed ifittxuk. 20 Għaldaqstant qum, inżel isfel, u mur magħhom, u tiddubita xejn, għax jien bgħatthom.”+ 21 Għalhekk, Pietru niżel isfel ħdejn l-​irġiel u qalilhom: “Ara! Jien hu dak li qed tfittxu. Għala qegħdin preżenti hawnhekk?” 22 Qalulu: “Kornelju, fizzjal taʼ l-​armata, raġel sewwa li jibżaʼ minn Alla+ u li l-​ġens kollu tal-​Lhud jitkellem tajjeb+ dwaru, ngħata istruzzjonijiet divini minn anġlu qaddis biex jibgħat għalik ħa tiġi f’daru u jismaʼ x’għandek x’tgħid.” 23 Għalhekk, daħħalhom ġewwa u laqagħhom.

L-għada qam u telaq magħhom, u xi aħwa minn Ġaffa marru miegħu. 24 Il-jum taʼ wara daħal Ċesarija. Naturalment, Kornelju kien qed jistenniehom u kien ġabar flimkien lil qrabatu u lil xi ħbieb tal-​qalb. 25 X’ħin kien dieħel Pietru, Kornelju mar jilqgħu u nxteħet f’riġlejh. 26 Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum; jien bniedem ukoll.”+ 27 Hu u jitkellem miegħu daħal u sab ħafna nies miġburin, 28 u qalilhom: “Tafu tajjeb kemm hu kontra l-​liġi li Lhudi jissieħeb maʼ xi ħadd taʼ razza oħra+ jew jersaq lejh; iżda Alla wrieni li m’għandi nsejjaħ lil ebda bniedem imniġġes jew mhux nadif.+ 29 Għalhekk ġejt bla tlaqliq meta talbuni niġi. Issa nixtieq inkun naf għala bgħattu għalija.”

30 Imbagħad Kornelju qallu: “Erbat ijiem ilu, jekk tgħodd minn din is-​siegħa, kont qed nitlob f’dari fid-​disaʼ siegħa,+ meta, ara, waqaf quddiemi raġel bi lbies jiddi+ 31 u qalli, ‘Kornelju, it-​talba tiegħek intlaqgħet u Alla ftakar fl-​għotjiet tiegħek taʼ ħniena.+ 32 Għalhekk, ibgħat lil xi ħadd Ġaffa biex iġib lil Xmun, li jismu wkoll Pietru.+ Dan ir-​raġel qed joqgħod fid-​dar taʼ Xmun, il-​konzatur, ħdejn il-​baħar.’+ 33 Għaldaqstant, jien mill-​ewwel bgħatt għalik, u int għamilt sew li ġejt. U b’hekk issa ninsabu lkoll preżenti quddiem Alla biex nisimgħu kulma ordnalek tgħid Ġeħova.”+

34 Għal dan, Pietru fetaħ fommu u qal: “Tassew qed nifhem li Alla mhux parzjali,+ 35 imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.+ 36 Hu bagħat il-​kelma+ lil ulied Israel biex ixandrilhom l-​aħbar tajba tal-​paċi+ permezz taʼ Ġesù Kristu: Dan hu l-​Mulej taʼ kulħadd.+ 37 Intom tafu fuqiex kienu qed jitkellmu fil-​Lhudija kollha, ibda mill-​Galilija wara l-​magħmudija li ppriedka Ġwanni;+ 38 kif Alla dilek bl-​ispirtu qaddis+ u bil-​qawwa lil Ġesù, li kien minn Nazaret, u dan dar il-​pajjiż kollu jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-​Xitan,+ għax Alla kien miegħu.+ 39 U aħna xhieda taʼ kulma għamel kemm fil-​pajjiż tal-​Lhud u kemm f’Ġerusalemm; imma huma qatluh billi dendluh maʼ zokk.+ 40 Lil Dan, Alla qajmu fit-​tielet jum u ma ppermettilux jidher+ 41 lil kulħadd, imma lil xhieda li Alla ħatar minn qabel,+ lilna li kilna u xrobna miegħu+ wara l-​qawmien tiegħu mill-​imwiet. 42 Ukoll, ordnalna nippridkaw+ lin-​nies u nagħtu xiehda bir-​reqqa li kien Hu li nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-​ħajjin u tal-​mejtin.+ 43 Dwaru jixhdu l-​profeti kollha,+ li kulmin ipoġġi l-​fidi fih jaqlaʼ l-​maħfra taʼ dnubietu permezz taʼ ismu.”+

44 Waqt li Pietru kien għadu qed jgħid dan, niżel l-​ispirtu qaddis fuq dawk kollha li kienu qed jisimgħu l-​kelma.+ 45 U stagħġbu l-​irġiel leali li kienu ġew maʼ Pietru u li kienu miċ-​ċirkonċiżi, għax l-​ispirtu qaddis, l-​għotja b’xejn, kien qed jitferraʼ wkoll fuq in-​nies tal-​ġnus.+ 46 Għax semgħuhom jitkellmu bl-​ilsna u jfaħħru lil Alla bil-​kbir.+ Imbagħad Pietru qal: 47 “Jistaʼ xi ħadd iċaħħad lil dawn milli jitgħammdu bl-​ilma+ la rċivew l-​ispirtu qaddis saħansitra bħalna?” 48 B’dan ordnalhom jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu.+ Imbagħad talbuh jibqaʼ magħhom għal ftit jiem.

11 Issa l-​appostli u l-​aħwa li kienu fil-​Lhudija semgħu li n-​nies tal-​ġnus+ ukoll kienu laqgħu l-​kelma t’Alla. 2 Għalhekk, meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li kienu jappoġġaw iċ-​ċirkonċiżjoni+ bdew jargumentaw miegħu 3 u jgħidulu li kien daħal għand irġiel mhux ċirkonċiżi u kiel magħhom. 4 Għal dan, Pietru beda jispjegalhom x’kien ġara bid-​dettall u qalilhom:

5 “Kont qed nitlob fil-​belt taʼ Ġaffa, u f’estasi rajt viżjoni, xi ħaġa nieżla qisha liżar kbir taʼ l-​għażel li kien qed jitniżżel mill-​erbat itruf tiegħu mis-​sema, u ġie eżatt ħdejja. 6 Meta ħarist fiss fih, innotajt u rajt ħlejjaq taʼ l-​art b’erbaʼ saqajn u bhejjem salvaġġi u annimali li jitkaxkru u għasafar tas-​sema.+ 7 Smajt ukoll leħen jgħidli, ‘Qum, Pietru, oqtol u kul!’+ 8 Imma jien għedt, ‘Żgur li le, Mulej, għax qatt ma daħlet f’ħalqi xi ħaġa mniġġsa jew mhix nadifa.’+ 9 It-tieni darba l-​leħen mis-​sema wieġeb, ‘Tibqax issejjaħ imniġġes dak li naddaf Alla.’+ 10 Dan seħħ għat-​tielet darba, u kollox ittellaʼ mill-​ġdid fis-​sema.+ 11 Ukoll, ara! F’dak il-​waqt, fid-​dar fejn konna, ġew tlett irġiel li kienu ntbagħtu għandi minn Ċesarija.+ 12 Għalhekk, l-​ispirtu+ qalli biex immur magħhom bla ma niddubita xejn. U dawn is-​sitt aħwa ġew miegħi wkoll, u dħalna fid-​dar taʼ dak ir-​raġel.+

13 “Dan qalilna kif f’daru kien ra quddiemu l-​anġlu li qallu, ‘Ibgħat xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil Xmun, li jismu wkoll Pietru,+ 14 u b’dak li jgħidlek tiġi salvat, int u n-​nies kollha taʼ darek.’+ 15 Imma meta bdejt nitkellem, l-​ispirtu qaddis niżel fuqhom kif kien niżel fuqna fil-​bidu.+ 16 Għal dan, ftakart fil-​kliem li kien jgħid il-​Mulej, ‘Ġwanni, min-​naħa tiegħu, għammed bl-​ilma,+ imma intom titgħammdu bl-​ispirtu qaddis.’+ 17 Għalhekk, jekk Alla tahom l-​istess għotja b’xejn bħalma ta lilna li emminna fil-​Mulej Ġesù Kristu,+ jien min jien biex nistaʼ nfixkel lil Alla?”+

18 Issa, meta semgħu dan, siktu,+ u gglorifikaw lil Alla+ u qalu: “Tabilħaqq, Alla ta l-​indiema li twassal għall-​ħajja lin-​nies tal-​ġnus ukoll.”+

19 Dawk li kienu xterdu+ minħabba t-​tribulazzjoni li qamet minħabba Stiefnu baqgħu sejrin sal-​Feniċja+ u Ċipru+ u Antjokja, imma ma xandru l-​kelma lil ħadd ħlief lil-​Lhud.+ 20 Madankollu, fosthom kien hemm xi rġiel minn Ċipru u Ċirene li ġew Antjokja u bdew ikellmu lin-​nies+ li kienu jitkellmu bil-​Grieg u jxandrulhom l-​aħbar tajba tal-​Mulej Ġesù.+ 21 U id Ġeħova+ kienet magħhom, u għadd kbir li emmnu daru lejn il-​Mulej.+

22 L-aħbar dwarhom waslet f’widnejn il-​kongregazzjoni li kien hemm Ġerusalemm, u bagħtu lil Barnaba+ saħansitra sa Antjokja. 23 Meta wasal u ra l-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla, feraħ+ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu fil-​Mulej b’qalb deċiża;+ 24 għax kien raġel tajjeb mimli bl-​ispirtu qaddis u l-​fidi. U kotra mdaqqsa żdiedet mal-​Mulej.+ 25 Imbagħad telaq lejn Tarsu+ biex ifittex bir-​reqqa lil Sawl+ 26 u, meta sabu, ġabu Antjokja. B’hekk ġara li għal sena sħiħa kienu jiltaqgħu flimkien fil-​kongregazzjoni, u għallmu folla ġmielha, u kien f’Antjokja li għall-​ewwel darba d-​dixxipli, bid-​direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.+

27 Issa, f’dawn il-​jiem, xi profeti+ minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. 28 Wieħed minnhom, jismu Agabu,+ qam u wera permezz taʼ l-​ispirtu li dalwaqt kien se jaqaʼ ġuħ kbir fuq l-​art abitata kollha;+ li, fil-​fatt, seħħ fi żmien Klawdju. 29 Għalhekk, id-​dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-​għajnuna,+ kull wieħed skond ma kien jistaʼ,+ lill-​aħwa li kienu joqogħdu l-​Lhudija, 30 u dan għamluh, billi bagħtuha lill-​anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.+

12 Dik il-​ħabta s-​sultan Erodi* qabad taħt idejh lil xi wħud mill-​kongregazzjoni biex jaħqarhom.+ 2 Lil Ġakbu, ħu Ġwanni,+ qatlu bis-​sejf.+ 3 Meta ra li dan kien għoġob lil-​Lhud,+ arresta lil Pietru wkoll. (Inzerta li dawn kienu jiem il-​festa tal-​ħobż bla ħmira.)+ 4 U qabdu, tefgħu l-​ħabs,+ u poġġa miegħu erbaʼ gruppi t’erbaʼ suldati l-​wieħed biex, grupp wara l-​ieħor, joqogħdu għassa miegħu, għax kellu l-​ħsieb li jressqu quddiem il-​poplu wara l-​Qbiż.+ 5 Għaldaqstant, Pietru kien qed jinżamm il-​ħabs; imma kien qed isir ħafna talb+ bil-​ħeġġa lil Alla għalih mill-​kongregazzjoni.

6 Issa meta Erodi kien wasal biex iressqu quddiem il-​poplu, dak il-​lejl Pietru kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, u quddiem il-​bieb tal-​ħabs kien hemm il-​gwardji għassa. 7 Imma, ara! L-​anġlu taʼ Ġeħova ġie ħdejh,+ u dawl idda fiċ-​ċella tal-​ħabs. Ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu,+ u qallu: “Qum malajr!” U l-​ktajjen waqgħu+ minn maʼ idejh. 8 L-anġlu+ qallu: “Tħażżem u aqfel is-​sandli.” U hekk għamel. Imbagħad qallu: “Ilbes il-​mantar tiegħek+ u ibqaʼ miexi warajja.” 9 U ħareġ u baqaʼ miexi warajh, imma ma kienx jaf li dak li kien qed jiġri permezz taʼ l-​anġlu kien veru. Fil-​fatt, ħaseb li kien qed jara viżjoni.+ 10 Għaddew mill-​ewwel u mit-​tieni għassa u waslu ħdejn ir-​rixtellu tal-​ħadid li kien jagħti għall-​belt, u dan infetħilhom waħdu.+ U wara li ħarġu, niżlu minn ġo triq, u f’daqqa waħda l-​anġlu telqu. 11 U Pietru ġie f’sensih u qal: “Issa naf tassew li Ġeħova bagħat l-​anġlu tiegħu+ u ħelisni+ minn id Erodi u minn dak kollu li kien qed jistenna l-​poplu Lhudi.”

12 U wara li qagħad jaħseb x’kien ġralu, mar id-​dar taʼ Marija omm Ġwanni, li kien jismu wkoll Marku,+ fejn kien hemm għadd ġmielu miġburin flimkien jitolbu. 13 Meta ħabbat fuq il-​bieb taʼ barra, ġiet qaddejja jisimha Roda biex tara min ġie. 14 Malli għarfet leħen Pietru, tant ferħet li ma fetħitlux il-​bieb, imma daħlet tiġri ’l ġewwa u qalet li Pietru kien qiegħed quddiem il-​bieb taʼ barra. 15 Qalulha: “Int qed tiġġennen.” Imma hi baqgħet tinsisti b’qawwa li hekk kien. Huma bdew jgħidu: “Dak l-​anġlu tiegħu.”+ 16 Sadanittant, Pietru baqaʼ hemmhekk iħabbat. U meta fetħu u rawh, baqgħu mbellhin. 17 Iżda hu għamlilhom sinjal+ b’idu biex jisktu u rrakkontalhom bid-​dettall kif Ġeħova ħarġu mill-​ħabs, u qalilhom: “Għidu dan lil Ġakbu+ u lill-​aħwa.” B’dan il-​kliem, ħareġ u mar post ieħor.

18 Meta sebaħ,+ is-​suldati tħawdu għall-​aħħar dwar x’setaʼ ġara minn Pietru. 19 Erodi+ fittxu bir-​reqqa u, meta ma sabux, interroga lill-​gwardji u ordna li jittieħdu għall-​kastig;+ u mil-​Lhudija niżel Ċesarija u qattaʼ xi żmien hemmhekk.

20 Issa kellu aptit jiġġieled kontra n-​nies taʼ Tir u taʼ Sidon. B’fehma waħda, dawn ippreżentaw ruħhom quddiemu u, wara li pperswadew lil Blastu, li kien jieħu ħsieb il-​kamra tas-​sodda tas-​sultan, bdew jitolbu għall-​paċi, għax pajjiżhom kien iġib l-​ikel+ minn pajjiż is-​sultan. 21 F’jum stabbilit, Erodi libes ilbies irjali u qagħad fuq it-​tron tal-​ġudizzju u beda jagħmlilhom diskors pubbliku. 22 U l-​ġemgħa tan-​nies bdiet tgħajjat: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!”+ 23 Minnufih l-​anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih,+ għax ma tax il-​glorja lil Alla;+ u ttiekel mid-​dud u miet.

24 Imma l-​kelma+ taʼ Ġeħova kompliet tikber u tixtered.+

25 Wara li Barnaba+ u Sawl kienu wettqu bis-​sħiħ il-​ministeru t’għajnuna+ f’Ġerusalemm, marru lura u ħadu magħhom lil Ġwanni,+ li kien jismu wkoll Marku.

13 Issa f’Antjokja kien hemm xi profeti+ u għalliema fil-​kongregazzjoni lokali, Barnaba kif ukoll Simgħon li kienu jgħidulu Niger, u Luċju+ minn Ċirene, u Manahen li kien tgħallem m’Erodi, il-​ħakkiem tad-​distrett, u Sawl. 2 Waqt li kienu qed jaqdu pubblikament+ lil Ġeħova u jsumu, l-​ispirtu qaddis qal: “Minn dawn kollha warrbuli lil Barnaba u lil Sawl+ għax-​xogħol li sejjaħtilhom għalih.” 3 Imbagħad samu u talbu u qiegħdu idejhom+ fuqhom u ħallewhom imorru.

4 Għaldaqstant, mibgħutin mill-​ispirtu qaddis, dawn l-​irġiel niżlu Selewkja, u minn hemmhekk salpaw lejn Ċipru. 5 U meta waslu Salamina bdew ixandru l-​kelma t’Alla fis-​sinagogi tal-​Lhud. Magħhom kien hemm ukoll Ġwanni+ biex jgħinhom.

6 Meta kienu qasmu l-​gżira kollha sa Pafos, iltaqgħu maʼ wieħed raġel, saħħâr, profeta falz,+ Lhudi li kien jismu Bar-Jesu, 7 u dan kien mal-​prokonslu Serġju Pawlu, raġel intelliġenti. Dan sejjaħ lil Barnaba u lil Sawl lejh u, mimli ħeġġa, fittex li jismaʼ l-​kelma t’Alla. 8 Imma Elima s-​saħħâr (fil-fatt, hekk jiġi tradott ismu) beda jopponihom+ u jipprova jbiegħed lill-​prokonslu mill-​fidi. 9 Sawl, li jismu wkoll Pawlu, mimli bl-​ispirtu qaddis, ħares fiss lejh 10 u qallu: “Ja bniedem mimli b’kull xorta taʼ qerq u b’kull xorta taʼ viljakkerija, ja bin ix-​Xitan,+ ja għadu taʼ kulma hu sewwa, m’intix se tieqaf tgħawweġ it-​triqat dritti taʼ Ġeħova? 11 Mela, ara, id Ġeħova tilħqek, u int tagħma u għal xi żmien ma tarax id-​dawl tax-​xemx.” Minnufih waqgħu fuqu ċpar oħxon u dlam, u beda jdur u jfittex lil min imexxih minn idu.+ 12 Imbagħad, malli ra x’kien ġara, il-​prokonslu+ emmen, għax baqaʼ mgħaġġeb bit-​tagħlim taʼ Ġeħova.

13 Issa, Pawlu u sħabu telqu bil-​baħar minn Pafos u waslu Perga fil-​Pamfilja.+ Imma Ġwanni+ telaqhom u mar lura+ Ġerusalemm. 14 Madankollu, minn Perga baqgħu sejrin u ġew Antjokja fil-​Pisidja, daħlu fis-​sinagoga+ f’jum is-​Sabat u qagħdu bil-​qiegħda. 15 Wara l-​qari pubbliku tal-​Liġi+ u tal-​Profeti, l-​uffiċjali li jippresiedu+ fis-​sinagoga bagħtu jgħidulhom: “Irġiel, aħwa, jekk għandkom xi kelma taʼ inkuraġġiment għan-​nies, għiduha.” 16 Għalhekk, Pawlu qam, għamel sinjal b’idu,+ u qal:

“Irġiel, Israelin u intom li tibżgħu minn Alla, isimgħu.+ 17 L-Alla taʼ dan il-​poplu Israel għażel lil missirijietna, u eżalta lill-​poplu matul iż-​żmien li qattgħu bħala residenti barranin fl-​art taʼ l-​Eġittu u ħariġhom minn hemmhekk bi driegħu merfugħ ’il fuq.+ 18 U għal perijodu taʼ madwar erbgħin sena+ ssaporta l-​imġiba tagħhom fix-​xagħri. 19 Wara li qered sebat iġnus fl-​art taʼ Kangħan, qassmilhom arthom bix-​xorti:+ 20 dan kollu matul xi erbaʼ mija u ħamsin sena.

“U wara dan, tahom l-​imħallfin sal-​profeta Samwel.+ 21 Imma minn dak iż-​żmien ’il quddiem riedu sultan,+ u Alla tahom lil Sawl bin Kis, raġel mit-​tribù taʼ Benjamin,+ għal erbgħin sena. 22 U wara li neħħieh,+ qajmilhom bħala sultan lil David,+ li dwaru xehed u qal, ‘Sibt lil David bin Ġesse,+ raġel għal qalbi,+ li jagħmel kulma nixtieq jien.’+ 23 Minn nisel+ dan ir-​raġel, Alla, skond il-​wegħda tiegħu, ġab lil Israel salvatur,+ li hu Ġesù 24 u li qabel il-​wasla Tiegħu,+ Ġwanni+ kien ippriedka pubblikament lin-​nies kollha taʼ Israel magħmudija b’simbolu taʼ l-​indiema. 25 Imma waqt li Ġwanni kien qed iwettaq il-​korsa tiegħu, kien jgħid, ‘X’qed taħsbu li jien? M’iniex hu. Imma, ara! Ġej wieħed warajja li ma jistħoqqlix inħoll is-​sandli taʼ saqajh.’+

26 “Irġiel, aħwa, ulied ir-​razza t’Abraham u dawk fostkom li jibżgħu minn Alla, il-​kelma taʼ din is-​salvazzjoni ntbagħtet lilna.+ 27 Għax l-​abitanti taʼ Ġerusalemm u l-​ħakkiema tagħhom lil Dan m’għarfuhx,+ imma, meta aġixxew taʼ mħallfin, wettqu dak li lissnu l-​Profeti,+ dak li jinqara b’leħen għoli kull Sabat, 28 u, għalkemm ma sabu ebda raġuni għalxiex joqtluh,+ talbu lil Pilatu biex jagħtih il-​mewt.+ 29 Imbagħad, meta kienu wettqu kulma nkiteb dwaru,+ niżżluh minn fuq iz-​zokk+ u qegħduh f’qabar tat-​tifkira.+ 30 Imma Alla qajmu mill-​imwiet;+ 31 u għal ħafna jiem deher lil dawk li kienu telgħu miegħu Ġerusalemm mill-​Galilija, u li issa huma x-​xhieda tiegħu quddiem il-​bnedmin.+

32 “Għalhekk, qed inxandrulkom l-​aħbar tajba dwar il-​wegħda li saret lil missirijietna+ 33 u li Alla wettaqha għalkollox lilna, uliedhom, billi rxoxta lil Ġesù;+ bħalma hu miktub fit-​tieni salm, ‘Int ibni, illum jien sirt Missierek.’+ 34 U l-​fatt li hu rxoxtah mill-​imwiet biex qatt iktar ma jmur lura għat-​taħsir stqarru b’dan il-​mod, ‘Nagħtikom provi taʼ min joqgħod fuqhom tal-​qalb tajba bl-​imħabba murija lil David.’+ 35 Għaldaqstant jgħid ukoll f’salm ieħor, ‘Int ma tħallix lil-​leali tiegħek jara t-​taħsir.’+ 36 Għax, fil-​ġenerazzjoni tiegħu, David+ qeda r-​rieda t’Alla li kienet dikjarata b’mod ċar u raqad fil-​mewt u tqiegħed maʼ missirijietu u ra t-​taħsir.+ 37 Mill-banda l-​oħra, dak li ġie mqajjem minn Alla ma rax it-​taħsir.+

38 “Għalhekk, kunu afu, l-​aħwa, li permezz Tiegħu qed tixxandrilkom il-​maħfra tad-​dnubiet;+ 39 u li minn dak kollu li ma stajtux tiġu dikjarati bla ħtija permezz tal-​liġi taʼ Mosè,+ kulmin jemmen jiġi dikjarat bla ħtija permezz Tiegħu.+ 40 Għalhekk, qisu li ma jiġix fuqkom dak li jintqal fil-​Profeti, 41 ‘Araw, ja żeblieħa, u stagħġbu, u għibu, għax fi żmienkom qed nagħmel xi ħaġa li żgur ma temmnuhiex lanqas jekk xi ħadd jgħidhielkom bid-​dettall.’”+

42 Issa, meta kienu ħerġin, in-​nies bdew jitolbuhom bil-​ħrara biex dawn l-​affarijiet jgħiduhomlhom is-​Sabat taʼ wara.+ 43 Imbagħad, meta spiċċat l-​assemblea tas-​sinagoga, ħafna mil-​Lhud u mill-​proseliti* li kienu jqimu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba,+ li bdew ikellmuhom u jħeġġuhom+ biex jibqgħu denji tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.+

44 Is-Sabat taʼ wara kważi l-​belt kollha nġabret flimkien biex tismaʼ l-​kelma taʼ Ġeħova.+ 45 Meta l-​Lhud lemħu lill-​folol, imtlew bl-​għira+ u bdew jidgħu u jmieru dak li kien qed jgħid Pawlu.+ 46 U għalhekk, bi qlubija, Pawlu u Barnaba qalulhom: “Kien meħtieġ li l-​kelma t’Alla tintqal lilkom l-​ewwel.+ Imma peress li qed twarrbuha minnkom+ u m’intomx tqisu ruħkom denji tal-​ħajja taʼ dejjem, ara, aħna se nduru lejn il-​ġnus.+ 47 Fil-fatt, Ġeħova ordnalna b’dan il-​kliem, ‘Ħtartek bħala dawl tal-​ġnus,+ biex tkun salvazzjoni sa tarf l-​art.’”+

48 Meta dawk li kienu mill-​ġnus semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-​kelma taʼ Ġeħova,+ u dawk kollha li kellhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem emmnu.+ 49 Iktar minn hekk, il-​kelma taʼ Ġeħova kompliet tixtered mal-​pajjiż kollu.+ 50 Imma l-​Lhud+ xewxu lill-​kbarat tal-​belt u lin-​nisa rispettabbli li kienu jqimu lil Alla, u qajmu persekuzzjoni+ kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra mill-​fruntieri tagħhom. 51 Dawn farfru t-​trab minn maʼ saqajhom kontrihom+ u marru Ikonju. 52 U d-​dixxipli komplew jimtlew bil-​ferħ+ u bl-​ispirtu qaddis.

14 Issa f’Ikonju+ daħlu flimkien fis-​sinagoga+ tal-​Lhud u tkellmu b’tali mod li emmnet kotra kbira, kemm taʼ Lhud kif ukoll taʼ Griegi.+ 2 Imma l-​Lhud li m’emmnux xewxu+ u għawew lin-​nies tal-​ġnus kontra l-​aħwa.+ 3 Għalhekk, qattgħu ħafna ħin jitkellmu bil-​qlubija permezz taʼ l-​awtorità li tahom Ġeħova, li xehed għall-​kelma tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu b’sinjali u għeġubijiet li ppermetta li jseħħu minn idejhom.+ 4 Madankollu, il-​kotra tan-​nies fil-​belt kienet maqsuma, xi wħud kienu favur il-​Lhud u oħrajn favur l-​appostli. 5 Issa, meta kien hemm attentat vjolenti min-​naħa tan-​nies tal-​ġnus u min-​naħa tal-​Lhud mal-​ħakkiema tagħhom biex jinsultawhom u jħaġġruhom,+ 6 huma ġew mgħarrfin b’dan u ħarbu+ lejn il-​bliet taʼ Listra u Derbe, fil-​Likaonja, u l-​art taʼ madwar; 7 u hemmhekk komplew ixandru l-​aħbar tajba.+

8 Issa f’Listra kien hemm wieħed raġel bil-​qiegħda b’diżabilità f’saqajh, zopp minn ġuf ommu,+ u li qatt ma kien mexa. 9 Hu kien qed jismaʼ lil Pawlu jitkellem, u dan, meta ħares fiss lejh u ra li kellu l-​fidi+ li jiġi mfejjaq, 10 qallu b’leħen għoli: “Qum u ieqaf fuq saqajk.” U dak qam b’qabża u beda jimxi.+ 11 Meta raw x’kien għamel Pawlu, il-​folol għollew leħinhom u qalu bl-​ilsien tal-​Likaonja: “L-​allat+ saru bħal bnedmin u niżlu għandna!” 12 U lil Barnaba bdew jgħidulu Żews, imma lil Pawlu Erme, għax hu kien il-​kelliemi ewlieni. 13 U l-​qassis taʼ Żews, li t-​tempju tiegħu kien quddiem il-​belt, ġab barrin u girlandi fil-​bieb u ried joffri sagrifiċċji+ mal-​folol.

14 Madankollu, meta semgħu b’dan, l-​appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom u qabżu f’nofs il-​folla jgħajtu 15 u jgħidu: “Irġiel, għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin+ bl-​istess dgħjufijiet+ bħal tagħkom, u qed inxandrulkom l-​aħbar tajba, biex tħallu dawn il-​frugħat+ u dduru lejn l-​Alla l-​ħaj,+ li għamel is-​sema+ u l-​art u l-​baħar u kulma fihom. 16 Fil-ġenerazzjonijiet li għaddew hu ppermetta lill-​ġnus kollha jkomplu mexjin fi triqathom,+ 17 għalkemm, fil-​fatt, ma ħalliex lilu nnifsu mingħajr xiehda billi għamel it-​tajjeb+ u takom ix-​xita+ mis-​sema u l-​istaġuni tal-​frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-​ikel u bil-​ferħ.”+ 18 Imma minkejja li qalulhom dan, bilkemm setgħu jżommu lill-​folol milli jissagrifikawlhom.

19 Imbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u pperswadew lill-​folol,+ u dawn ħaġġru lil Pawlu u kaxkruh barra l-​belt, għax ħasbu li kien mejjet.+ 20 Madankollu, meta daru miegħu d-​dixxipli, qam u daħal il-​belt. U l-​għada telaq maʼ Barnaba lejn Derbe.+ 21 U wara li xandru l-​aħbar tajba lil dik il-​belt u għamlu ftit dixxipli mhux ħażin,+ reġgħu marru Listra u Ikonju u Antjokja, 22 isaħħu lid-​dixxipli+ u jinkuraġġuhom biex jibqgħu fil-​fidi u jgħidulhom: “Jeħtieġ li fis-​saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.”+ 23 Barra minn hekk, ħatrulhom anzjani+ f’kull kongregazzjoni u, wara li talbu u samu,+ irħewhom f’idejn Ġeħova+ li kienu saru jemmnu fih.

24 U għaddew mill-​Pisidja u ġew il-​Pamfilja,+ 25 u, wara li xandru l-​kelma f’Perga, niżlu Attalija. 26 U minn hemmhekk salpaw lejn Antjokja,+ fejn kienu ġew fdati f’idejn Alla u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu għax-​xogħol li wettqu bis-​sħiħ.+

27 Meta waslu u laqqgħu ’l-kongregazzjoni, bdew jirrakkontaw+ kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom, u li kien fetaħ il-​bieb tal-​fidi lill-​ġnus.+ 28 U hemmhekk għamlu ftit taż-​żmien mhux ħażin mad-​dixxipli.

15 U mil-​Lhudija+ niżlu xi rġiel li bdew jgħallmu lill-​aħwa: “Jekk ma tiġux ċirkonċiżi+ skond id-​drawwa taʼ Mosè,+ ma tistgħux tiġu salvati.” 2 Imma wara li Pawlu u Barnaba kellhom ħafna nuqqas taʼ ftehim u dibattiti magħhom, ġie deċiż li Pawlu u Barnaba u xi oħrajn minn fosthom jitilgħu għand l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm+ rigward dan l-​argument.

3 Għaldaqstant, wara li l-​kongregazzjoni+ marret magħhom biċċa mit-​triq, dawn l-​irġiel komplew sejrin u għaddew kemm mill-​Feniċja u kemm mis-​Samarija, jirrakkontaw bid-​dettall il-​konverżjoni tan-​nies tal-​ġnus+ u jġibu ferħ kbir lill-​aħwa kollha.+ 4 Malli waslu Ġerusalemm kienu milqugħin+ b’qalb tajba mill-​kongregazzjoni u l-​appostli u l-​anzjani, u rrakkontaw kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom.+ 5 Madankollu, xi wħud minn dawk tas-​setta tal-​Fariżej li kienu emmnu qamu minn posthom u qalu: “Hemm bżonn li nagħmlulhom iċ-​ċirkonċiżjoni+ u nordnawlhom josservaw il-​liġi taʼ Mosè.”+

6 U l-​appostli u l-​anzjani ltaqgħu flimkien biex jaraw dwar din il-​kwistjoni.+ 7 Issa, wara ħafna dibattiti+ bejniethom, qam Pietru u qalilhom: “Irġiel, aħwa, intom tafu tajjeb li mill-​bidu Alla għażilni minn fostkom biex minn fommi n-​nies tal-​ġnus jisimgħu l-​kelma taʼ l-​aħbar tajba u jemmnu;+ 8 u Alla, li jaf il-​qalb,+ xehed billi tahom l-​ispirtu qaddis,+ bħalma ta lilna wkoll. 9 U m’għamel ebda distinzjoni bejnna u bejnhom,+ imma saffielhom qlubhom bil-​fidi.+ 10 Għalhekk, issa għala qed tgħaddu lil Alla minn prova billi tqiegħdu fuq għonq id-​dixxipli madmad+ li la missirijietna u lanqas aħna ma stajna nifilħuh?+ 11 Għall-kuntrarju, għandna l-​fiduċja li niġu salvati permezz tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ tal-​Mulej Ġesù bħal dawk in-​nies ukoll.”+

12 Għal dan il-​kliem, il-​kotra kollha siktet, u bdew jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkontaw dwar il-​bosta sinjali u għeġubijiet li Alla għamel permezz tagħhom fost il-​ġnus.+ 13 Meta waqfu jitkellmu, Ġakbu wieġeb u qal: “Irġiel, aħwa, isimgħuni.+ 14 Simgħon*+ irrakkonta bir-​reqqa kif għall-​ewwel darba Alla dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.+ 15 U maʼ dan jaqbel kliem il-​Profeti, bħalma hu miktub, 16 ‘Wara dan nerġaʼ niġi lura u nibni mill-​ġdid l-​għarix taʼ David li ġġarraf; u nibni mill-​ġdid ir-​rovini tiegħu u nerġaʼ ntellgħu,+ 17 sabiex dawk li jibqgħu mill-​bnedmin ifittxu lil Ġeħova bil-​ħeġġa, flimkien maʼ nies mill-​ġnus kollha, nies li jissejħu b’ismi, jgħid Ġeħova li qed jagħmel dan+ 18 li kien magħruf sa mill-​qedem.’+ 19 Għalhekk, id-​deċiżjoni tiegħi hi li ma ndejqux lil dawk mill-​ġnus li qed iduru lejn Alla,+ 20 imma li niktbulhom biex jitbiegħdu minn kull ħaġa mniġġsa mill-​idoli,+ miż-​żína,+ mil-​laħam t’annimali fgati,+ u mid-​demm.+ 21 Għax sa minn żmien il-​qedem, Mosè kellu min jippridkah f’belt wara l-​oħra, għax il-​kitbiet tiegħu jinqraw b’leħen għoli fis-​sinagogi kull Sabat.”+

22 Imbagħad l-​appostli u l-​anzjani flimkien mal-​kongregazzjoni kollha qablu li jibagħtu xi rġiel magħżulin minn fosthom lejn Antjokja flimkien maʼ Pawlu u Barnaba, lil Ġuda li kienu jgħidulu Barsabba+ u lil Sila, irġiel li kienu minn taʼ quddiem fost l-​aħwa; 23 u b’idhom kitbu:

“L-​appostli u l-​anzjani, ħutkom, lill-​aħwa f’Antjokja+ u s-​Sirja u ċ-​Ċiliċja+ li huma mill-​ġnus: Is-​sliem għalikom! 24 Peress li smajna li xi wħud minn fostna dejqukom bi kliemhom u pprovaw iħawdukom,+ għalkemm aħna ma tajniehom ebda istruzzjoni,+ 25 b’fehma waħda qbilna lkoll+ li nagħżlu xi rġiel biex nibagħtuhom għandkom flimkien maʼ l-​għeżież tagħna, Barnaba u Pawlu,+ 26 irġiel li taw ruħhom għal isem il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.+ 27 Għalhekk, qed nibagħtu lil Ġuda u lil Sila,+ biex huma wkoll jgħidu l-​istess affarijiet bil-​kliem.+ 28 Għax l-​ispirtu qaddis+ u aħna nfusna qbilna li ma nżidulkom ebda piż ieħor,+ ħlief dawn l-​affarijiet neċessarji, 29 li tibqgħu titbiegħdu mill-​affarijiet sagrifikati lill-​idoli+ u mid-​demm+ u mil-​laħam t’annimali fgati+ u miż-​żína.+ Jekk toqogħdu attenti li żżommu ’l bogħod minn dawn l-​affarijiet,+ jaħbtilkom tajjeb. Saħħa!”

30 Għaldaqstant, meta ntbagħtu, dawn l-​irġiel niżlu Antjokja, u laqqgħu ’l-kotra flimkien u tawhom l-​ittra.+ 31 Meta qrawha, ferħu bl-​inkuraġġiment.+ 32 U peress li Ġuda u Sila kienu profeti wkoll,+ inkuraġġew lill-​aħwa b’ħafna taħditiet u saħħewhom.+ 33 Imbagħad, wara li kienu qattgħu xi żmien magħhom, l-​aħwa ħallewhom imorru fil-​paċi+ għand dawk li kienu bagħtuhom. 34* —— 35 Madankollu, Pawlu u Barnaba baqgħu għal xi żmien Antjokja+ jgħallmu u jxandru, flimkien maʼ ħafna oħrajn, l-​aħbar tajba tal-​kelma taʼ Ġeħova.+

36 Issa, xi jiem wara, Pawlu qal lil Barnaba: “Qabel xejn, ejja mmorru lura u nżuru lill-​aħwa f’kull belt fejn xandarna l-​kelma taʼ Ġeħova ħa naraw kif inhuma.”+ 37 Min-naħa tiegħu, Barnaba kien determinat li jieħu magħhom ukoll lil Ġwanni, li kienu jgħidulu Marku.+ 38 Imma Pawlu ma ħasibx li kien xieraq li jiħduh magħhom, għax fil-​Pamfilja+ kien telaqhom u ma marx magħhom għax-​xogħol. 39 Minħabba f’hekk, kellhom xi jgħidu sew, u b’hekk infirdu minn xulxin. Barnaba+ ħa miegħu lil Marku u salpa lejn Ċipru;+ 40 u Pawlu għażel lil Sila+ u telaq, wara li kien ġie fdat mill-​aħwa f’idejn Ġeħova u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.+ 41 U għadda mis-​Sirja u ċ-​Ċiliċja, isaħħaħ lill-​kongregazzjonijiet.+

16 U wasal Derbe u mbagħad Listra.+ U, ara! Kien hemm dixxiplu jismu Timotju,+ bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg, 2 u l-​aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru. 3 Pawlu esprima x-​xewqa li dan ir-​raġel imur miegħu, u ħadu u għamillu ċ-​ċirkonċiżjoni+ minħabba l-​Lhud taʼ dawk l-​inħawi, għax kulħadd kien jaf li missieru kien Grieg. 4 Issa fil-​bliet li kienu jgħaddu minnhom kienu jagħtu lil dawk t’hemmhekk id-​digrieti li kienu ġew deċiżi mill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm biex josservawhom.+ 5 Għalhekk, tabilħaqq, il-​kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-​fidi+ u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.

6 Imbagħad għaddew mill-​Friġja u mill-​art tal-​Galazja,+ għax l-​ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-​kelma fid-​distrett taʼ l-​Asja. 7 Ukoll, meta niżlu l-​Misja pprovaw imorru l-​Bitinja,+ imma l-​ispirtu taʼ Ġesù ma ppermettilhomx. 8 Għalhekk, qabżu l-​Misja u niżlu Troas.+ 9 U matul il-​lejl Pawlu kellu viżjoni:+ ra raġel mill-​Maċedonja* bil-​wieqfa, jitolbu bil-​ħrara u jgħidlu: “Għaddi l-​Maċedonja u għinna.” 10 U malli ra l-​viżjoni, fittixna mmorru l-​Maċedonja,+ għax ikkonkludejna li Alla kien sejħilna biex inxandrulhom l-​aħbar tajba.

11 Għalhekk, tlaqna bil-​baħar minn Troas u ġejna dritt lejn Samotraċja, u l-​għada wasalna Neapoli, 12 u minn hemmhekk morna Filippi,+ li hi kolonja u l-​belt prinċipali tad-​distrett tal-​Maċedonja.+ Bqajna f’din il-​belt, u qattajna xi jiem hemmhekk. 13 U f’jum is-​Sabat ħriġna mill-​bieb tal-​belt u morna ħdejn xmara, fejn ħsibna li kien hemm post tat-​talb; u qgħadna bil-​qiegħda u bdejna nkellmu lin-​nisa li kienu nġemgħu. 14 U waħda mara jisimha Lidja, bejjiegħa tal-​porpra mill-​belt taʼ Tjatira+ u aduratriċi t’Alla, kienet qed tismaʼ, u Ġeħova fetħilha qalbha+ beraħ biex taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu. 15 Imbagħad, meta tgħammdu+ hi u n-​nies taʼ darha, hi qaltilna bil-​ħrara: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova, idħlu u oqogħdu f’dari.”+ U ġegħlitna noqogħdu għandha.+

16 U ġara li aħna u sejrin lejn il-​post tat-​talb, iltaqgħet magħna waħda qaddejja li kellha spirtu,+ demonju tat-​teħbir.+ Lis-​sidien tagħha kienet tipprovdilhom ħafna qligħ+ billi tipprattika l-​arti tat-​tbassir. 17 Din it-​tfajla baqgħet ġejja wara Pawlu u warajna, tgħajjat+ u tgħid: “Dawn l-​irġiel huma lsiera t’Alla l-​Iktar Għoli, li qed ixandrulkom it-​triq tas-​salvazzjoni.” 18 U baqgħet sejra hekk għal bosta jiem. Fl-​aħħar, Pawlu ddejjaq+ u dar u qal lill-​ispirtu: “Nordnalek f’isem Ġesù Kristu li toħroġ minnha.”+ U ħareġ dak il-​ħin stess.+

19 U x’ħin is-​sidien tagħha raw li kienet spiċċatilhom it-​tama għall-​qligħ,+ qabdu lil Pawlu u lil Sila u kaxkruhom lejn is-​suq għand il-​ħakkiema,+ 20 u ressquhom quddiem l-​amministraturi ċivili u qalulhom: “Dawn l-​irġiel qed ifixklu+ ferm lill-​belt tagħna, għax huma Lhud 21 u qed ixandru drawwiet+ li skond il-​liġi tagħna, bħala Rumani, ma nistgħux naċċettawhom jew nipprattikawhom.” 22 U l-​folla qamet għalihom; u l-​amministraturi ċivili, wara li qattgħulhom ħwejjiġhom minn fuqhom, ordnaw li jsawtuhom bil-​bsaten.+ 23 Wara li tawhom ħafna daqqiet,+ tefgħuhom il-​ħabs u ordnaw lill-​kalzrier biex jagħmlilhom għassa stretta.+ 24 Minħabba din l-​ordni, tefagħhom fil-​ħabs taʼ ġewwa+ u rabtilhom saqajhom fil-​qjud.+

25 Għall-ħabta taʼ nofsillejl,+ Pawlu u Sila kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-​kant,+ u l-​ħabsin kienu qed jisimgħuhom. 26 F’daqqa waħda seħħ terremot qawwi, tant li l-​pedament tal-​ħabs theżżeż. Minnufih infetħu l-​bibien kollha, u nħall l-​irbit taʼ kulħadd.+ 27 Il-kalzrier qam u, x’ħin ra li l-​bibien tal-​ħabs kienu miftuħin, silet is-​sejf u kien se joqtol lilu nnifsu,+ għax immaġina li l-​ħabsin kienu ħarbu.+ 28 Imma Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu: “Tagħmilx ħsara lilek innifsek,+ għax aħna kollha qegħdin hawnhekk!” 29 Għalhekk, qal lil xi ħadd iġiblu d-​dawl u daħal jiġri ġewwa u, jitriegħed bil-​biżaʼ, inxteħet+ quddiem Pawlu u Sila. 30 U ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel+ biex niġi salvat?” 31 Qalulu: “Emmen fil-​Mulej Ġesù u tiġi salvat,+ int u n-​nies taʼ darek.”+ 32 U xandrulu l-​kelma taʼ Ġeħova, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru.+ 33 U ħadhom miegħu f’dik is-​siegħa tal-​lejl u ħaslilhom il-​feriti; imbagħad hu u n-​nies kollha taʼ daru tgħammdu+ bla dewmien. 34 U daħħalhom f’daru u ħejja mejda quddiemhom, u feraħ ħafna man-​nies kollha taʼ daru issa li kien emmen f’Alla.

35 Meta sebaħ, l-​amministraturi ċivili+ bagħtu lill-​uffiċjali biex jgħidulu: “Eħles lil dawk l-​irġiel.” 36 Għaldaqstant, il-​kalzrier qal lil Pawlu x’kienu qalulu: “L-​amministraturi ċivili bagħtu lil xi rġiel biex jeħilsukom. Għalhekk, oħorġu u morru fil-​paċi.” 37 Imma Pawlu qalilhom: “Sawtuna pubblikament mingħajr ma konna kundannati, lilna li aħna Rumani,+ u tefgħuna l-​ħabs; u jridu issa jitfgħuna ’l barra bil-​moħbi? Dażgur li le! Ħa jiġu huma stess joħorġuna.” 38 Imbagħad l-​uffiċjali qalu dan il-​kliem lill-​amministraturi ċivili. Dawn beżgħu meta semgħu li l-​irġiel kienu Rumani.+ 39 Għaldaqstant ġew u talbuhom bil-​ħrara u, wara li ħarġuhom, qalulhom biex jitilqu mill-​belt. 40 U ħarġu mill-​ħabs u marru għand Lidja, u meta raw lill-​aħwa, inkuraġġewhom+ u telqu.

17 Issa għaddew minn Amfipoli u Apollonja u ġew Tessalonika,+ fejn kien hemm sinagoga tal-​Lhud. 2 Għalhekk, skond id-​drawwa tiegħu,+ Pawlu daħal għandhom, u għal tliet Sabatijiet irraġuna magħhom mill-​Iskrittura+ 3 u spjega u ta prova permezz tar-​referenzi li kien meħtieġ li l-​Kristu jbati+ u mbagħad iqum mill-​imwiet,+ u qalilhom: “Dan hu l-​Kristu,+ dan Ġesù li qed inxandrilkom.” 4 B’riżultat taʼ dan, xi wħud minnhom emmnu+ u ssieħbu maʼ Pawlu u Sila,+ kif ukoll kotra kbira taʼ Griegi li kienu jqimu lil Alla u għadd ġmielu taʼ nisa mill-​kbarat.

5 Imma, billi ġiethom l-​għira,+ il-​Lhud ġabru magħhom xi rġiel mill-​agħar, minn dawk li jħobbu jitgħażżnu fis-​suq, ifformaw marmalja u qajmu rewwixta fil-​belt.+ Imbagħad attakkaw id-​dar taʼ Ġason+ biex jipprovaw iġibuhom quddiem il-​folla. 6 Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u lil xi aħwa quddiem il-​ħakkiema tal-​belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-​irġiel li qalbu d-​dinja taʼ taħt fuq+ qegħdin preżenti hawnhekk ukoll, 7 u Ġason laqagħhom bl-​ospitalità. U dawn l-​irġiel kollha qed jaġixxu kontra d-​digrieti+ taʼ Ċesari, għax jgħidu li hemm sultan ieħor,+ Ġesù.” 8 B’dan il-​kliem irnexxielhom ixewxu lill-​folla u lill-​ħakkiema tal-​belt; 9 u dawn, wara li ħadu biżżejjed flus mingħand Ġason u l-​oħrajn biex jagħmlu tajjeb għalihom, ħallewhom imorru.

10 Minnufih, bil-​lejl,+ l-​aħwa bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea u, malli waslu, dawn daħlu fis-​sinagoga tal-​Lhud. 11 Issa dawn il-​Lhud kellhom moħħ nobbli iktar minn dawk f’Tessalonika, għax laqgħu l-​kelma bl-​akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-​reqqa+ l-​Iskrittura+ kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.+ 12 Għalhekk, ħafna minnhom emmnu, u għadd ġmielu taʼ Griegi, nisa rispettabbli+ u rġiel, emmnu wkoll. 13 Imma meta l-​Lhud f’Tessalonika saru jafu li l-​kelma t’Alla kienet qed tixxandar minn Pawlu f’Berea wkoll, marru hemmhekk biex ixewxu+ u jħawdu+ lill-​folol. 14 Minnufih l-​aħwa bagħtu lil Pawlu lejn id-​direzzjoni tal-​baħar;+ imma Sila u Timotju baqgħu hemmhekk. 15 Imbagħad dawk li kienu qed jakkumpanjaw lil Pawlu wassluh sa Ateni u telqu, wara li tahom ordni għal Sila u Timotju+ biex jiġu ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun.

16 Issa waqt li Pawlu kien qed jistenniehom Ateni, l-​ispirtu tiegħu beda jitbaqbaq+ fih meta ra li l-​belt kienet mimlija idoli. 17 Għaldaqstant beda jirraġuna fis-​sinagoga mal-​Lhud+ u man-​nies l-​oħrajn li kienu jqimu lil Alla, u fis-​suq kuljum+ maʼ dawk li kienu jinzertaw hemmhekk. 18 Imma xi wħud mill-​filosfi+ Epikurin u Stojċi bdew jitkellmu u jargumentaw miegħu, u xi wħud kienu jgħidu: “Xi jrid jgħid dan il-​lablabi?”+ Oħrajn: “Donnu qed ixandar allat barranin.” Dan għaliex kien qed ixandar l-​aħbar tajba dwar Ġesù u l-​irxoxt.+ 19 Għalhekk, qabduh u ħaduh l-​Arjopagu* u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-​tagħlim ġdid+ li qed titkellem dwaru? 20 Għax int qed tintroduċi affarijiet strambi għal widnejna. Għalhekk, nixtiequ nkunu nafu x’inhuma dawn l-​affarijiet.”+ 21 Fil-fatt, in-​nies kollha t’Ateni u l-​barranin li kienu jżuruha f’xejn ma kienu jqattgħu l-​ħin liberu tagħhom għajr li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida. 22 Issa Pawlu waqaf f’nofs l-​Arjopagu+ u qal:

“Irġiel t’Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-​allat+ minn nies oħrajn. 23 Per eżempju, jien u għaddej osservajt bir-​reqqa l-​oġġetti taʼ qima tagħkom u sibt ukoll artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla Mhux Magħruf.’ Għalhekk, lil dak li bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni, lil dan qed inxandrilkom. 24 L-Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha, peress li Hu l-​Mulej tas-​sema u l-​art,+ ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-​idejn,+ 25 lanqas m’hu moqdi minn idejn il-​bnedmin bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa,+ għax hu stess jagħti lil kulħadd il-​ħajja+ u n-​nifs+ u kollox. 26 U minn raġel wieħed+ għamel il-​ġnus+ kollha tal-​bnedmin, biex jgħammru fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art,+ u b’digriet ordna ż-​żminijiet stabbiliti+ u l-​limiti fissi fejn jgħammru l-​bnedmin,+ 27 biex huma jfittxu ’l Alla,+ jekk iteftfu fid-​dlam għalih u jirnexxilhom isibuh,+ għalkemm, fil-​fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna. 28 Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu,+ saħansitra bħalma qalu wħud mill-​poeti+ fostkom, ‘Għax aħna wkoll uliedu.’

29 “Għalhekk, ladarba aħna wlied Alla,+ m’għandniex nimmaġinaw li d-​Divin+ hu bħad-​deheb jew il-​fidda jew il-​ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-​arti u bl-​invenzjoni tal-​bniedem.+ 30 Veru, Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din,+ iżda issa qed jgħid lill-​bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll.+ 31 Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika+ l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-​bnedmin kollha billi rxoxtah+ mill-​imwiet.”

32 Meta semgħu dwar l-​irxoxt tal-​mejtin, xi wħud bdew jiżżuffjettaw,+ waqt li oħrajn qalu: “Dwar dan nisimgħuk darb’oħra.” 33 B’hekk, Pawlu ħareġ minn ġo nofshom, 34 imma xi rġiel ngħaqdu miegħu u emmnu, u fosthom kien hemm ukoll Dijonisju, imħallef tal-​qorti taʼ l-​Arjopagu,+ u mara li kien jisimha Damari, u oħrajn magħhom.

18 Wara dan, telaq minn Ateni u mar Korintu. 2 U sab wieħed Lhudi li kien jismu Akwila,+ imwieled il-​Pontu, u martu Prixilla. Dawn kienu għadhom kemm ġew mill-​Italja+ minħabba li Klawdju+ kien ordna lil-​Lhud kollha jitilqu minn Ruma. Għalhekk, mar għandhom 3 u peress li kellu l-​istess sengħa qagħad f’darhom, u kienu jaħdmu+ billi jagħmlu t-​tined, għax din kienet is-​sengħa tagħhom. 4 Madankollu, kull Sabat kien jagħti taħdita fis-​sinagoga+ u kien jipperswadi kemm Lhud u kemm Griegi.

5 Issa, meta Sila+ u Timotju+ niżlu mill-​Maċedonja, Pawlu beda jkun okkupat bis-​sħiħ bix-​xandir tal-​kelma, jagħti xiehda lil-​Lhud biex juri li Ġesù hu l-​Kristu.+ 6 Imma wara li baqgħu jopponu u jmaqdru,+ farfar ħwejġu+ u qalilhom: “Ħa jkun demmkom+ fuq raskom. Jien nadif.+ Minn issa ’l quddiem immur għand in-​nies tal-​ġnus.”+ 7 Għaldaqstant telaq minn hemmhekk u mar għand wieħed jismu Tizju Ġustu, aduratur t’Alla, li daru kienet tmiss mas-​sinagoga. 8 Krispu,+ l-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga, emmen fil-​Mulej, hu u n-​nies kollha taʼ daru. U ħafna mill-​Korintin li semgħu bdew jemmnu u jitgħammdu. 9 Imbagħad, f’viżjoni bil-​lejl, il-​Mulej qal lil Pawlu:+ “Tibżax, imma kompli tkellem u tibqax sieket, 10 għax jien miegħek+ u ebda bniedem ma jattakkak biex jagħmillek ħsara; għax għandi ħafna nies f’din il-​belt.” 11 Għalhekk, baqaʼ hemmhekk sena u sitt xhur, jgħallem il-​kelma t’Alla fosthom.

12 Issa, meta Galljon kien prokonslu+ taʼ l-​Akaja,* il-​Lhud qamu kontra Pawlu b’fehma waħda u ħaduh quddiem it-​tron tal-​ġudizzju,+ 13 u qalu: “Dan qed jikser il-​liġi billi jipperswadi+ lin-​nies biex iqimu ’l Alla b’mod ieħor.” 14 Imma hekk kif Pawlu kien se jiftaħ fommu, Galljon qal lil-​Lhud: “Tabilħaqq, ja Lhud, kieku kien xi ħażen jew xi att vili u mill-​agħar kien ikolli għalfejn nissaportikom. 15 Imma jekk hu fuq kontroversji minħabba kliem u ismijiet+ u l-​liġi+ tagħkom, arawh intom. Ma nixtieqx inkun imħallef taʼ dan.” 16 B’dan il-​kliem keċċiehom minn quddiem it-​tron tal-​ġudizzju. 17 Għalhekk, ilkoll ħatfu taħt idejhom lil Sostene,+ l-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga, u qabdu jsawtuh quddiem it-​tron tal-​ġudizzju. Imma Galljon ma impurtah xejn minn dan.

18 U wara li baqaʼ hemmhekk ftit jiem mhux ħażin, Pawlu sellem lill-​aħwa u salpa lejn is-​Sirja, u miegħu marru Prixilla u Akwila, wara li kien qarweż xagħru+ f’Kenkre,*+ għax kellu wegħda. 19 Imbagħad waslu Efesu, u ħalliehom hemmhekk; u daħal fis-​sinagoga+ u rraġuna mal-​Lhud. 20 Għalkemm baqgħu jitolbuh biex jibqaʼ iżjed, hu ma riedx 21 imma sellmilhom+ u qalilhom: “Nerġaʼ niġi għandkom, jekk Ġeħova jrid.”+ U telaq bil-​baħar minn Efesu 22 u niżel Ċesarija. U telaʼ* jsellem lill-​kongregazzjoni, u niżel Antjokja.

23 U wara li qattaʼ xi żmien hemmhekk telaq u mar minn post għall-​ieħor fl-​art tal-​Galazja+ u l-​Friġja,+ isaħħaħ+ lid-​dixxipli kollha.

24 Issa wasal Efesu wieħed Lhudi li kien jismu Apollo,+ imwieled Lixandra. Dan ir-​raġel kien jinqalaʼ biex jitkellem u kien midħla sew taʼ l-​Iskrittura.+ 25 Kien ġie mgħallem bil-​fomm fit-​triq taʼ Ġeħova u, billi kien imħeġġeġ bl-​ispirtu,+ beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù, imma kien jaf biss bil-​magħmudija+ taʼ Ġwanni. 26 U beda jitkellem bil-​qlubija fis-​sinagoga. Meta semgħuh Prixilla u Akwila,+ ħaduh magħhom u fissrulu t-​triq t’Alla iktar eżatt. 27 Ukoll, peress li xtaq jaqsam għal ġo l-​Akaja, l-​aħwa kitbu lid-​dixxipli u ħeġġewhom biex jilqgħuh b’qalb tajba. Għalhekk, meta wasal hemmhekk, kien t’għajnuna kbira+ għal dawk li kienu emmnu minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla;+ 28 għax b’ħeġġa kbira kien jagħti prova bis-​sħiħ quddiem kulħadd li l-​Lhud kienu żbaljati, waqt li kien juri mill-​Iskrittura+ li Ġesù kien il-​Kristu.+

19 Issa ġara li waqt li Apollo+ kien Korintu, Pawlu għadda min-​naħa taʼ ġewwa u niżel Efesu,+ u sab xi dixxipli; 2 u qalilhom: “Irċivejtuh l-​ispirtu qaddis+ meta emmintu?” Qalulu: “Aħna qatt ma smajna jekk hemmx spirtu qaddis jew le.”+ 3 U qalilhom: “Allura b’liema magħmudija tgħammidtu?” Qalulu: “Bil-​magħmudija taʼ Ġwanni.”+ 4 Pawlu qalilhom: “Ġwanni għammed bil-​magħmudija b’simbolu taʼ l-​indiema+ u qal lin-​nies biex jemmnu f’dak li kien ġej warajh,+ jiġifieri, f’Ġesù.” 5 Malli semgħu dan, tgħammdu f’isem il-​Mulej Ġesù.+ 6 U meta Pawlu qiegħed idejh+ fuqhom, l-​ispirtu qaddis ġie fuqhom, u bdew jitkellmu bl-​ilsna u jipprofetizzaw.+ 7 B’kollox kien hemm madwar tnax-il raġel.

8 Kien imur fis-​sinagoga+ u għamel tliet xhur jitkellem bil-​qlubija, billi jagħti taħditiet u jipprova jipperswadihom dwar is-​saltna+ t’Alla. 9 Imma meta xi wħud webbsu rashom u m’emmnux+ u bdew imaqdru t-​Triq+ quddiem il-​kotra, telaq minn fosthom,+ fired lid-​dixxipli minn magħhom,+ u kuljum kien jagħti taħditiet fis-​sala taʼ l-​iskola taʼ Tirannu. 10 Dan seħħ għal sentejn sħaħ,+ u b’hekk dawk kollha li kienu joqogħdu fid-​distrett taʼ l-​Asja,+ Lhud u Griegi, semgħu l-​kelma tal-​Mulej.

11 U Alla baqaʼ jwettaq għemejjel setgħanin u straordinarji minn idejn Pawlu,+ 12 tant li ċ-​ċraret u l-​fradal tiegħu kienu jittieħdu lill-​morda,+ u l-​mard kien jitlaqhom, u l-​ispirti mill-​agħar kienu joħorġu minnhom.+ 13 U xi wħud mil-​Lhud li kienu jivvjaġġaw u jipprattikaw it-​tkeċċija tad-​demonji+ wkoll bdew isejħu isem il-​Mulej Ġesù+ fuq dawk li kellhom l-​ispirti mill-​agħar, u kienu jgħidu: “Nordnalek+ solennement b’Ġesù li dwaru jippriedka Pawlu.” 14 Issa kien hemm sebaʼ wlied subien taʼ ċertu Xeva, qassis ewlieni Lhudi, li kienu qed jagħmlu dan. 15 Għaldaqstant, l-​ispirtu mill-​agħar qalilhom: “Lil Ġesù nafu,+ u taʼ Pawlu midħla wkoll;+ imma intom min intom?” 16 B’dan il-​kliem, ir-​raġel li kellu fih l-​ispirtu mill-​agħar qabeż fuqhom,+ ħakimhom wieħed wara l-​ieħor, u għelibhom, hekk li ħarbu għarwenin u feruti minn dik id-​dar. 17 Dan sar jaf bih kulħadd, kemm il-​Lhud u kemm il-​Griegi li kienu joqogħdu Efesu; u waqaʼ biżaʼ+ fuqhom ilkoll, u isem il-​Mulej Ġesù kompla jiġi mfaħħar bil-​kbir.+ 18 U ħafna minn dawk li emmnu kienu jiġu jistqarru u jgħidu+ quddiem kulħadd dak li kienu jipprattikaw. 19 Tabilħaqq, għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija+ ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd. U kkalkulaw il-​prezz tagħhom kollha u sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-​fidda. 20 B’hekk, il-​kelma taʼ Ġeħova baqgħet tikber u tissaħħaħ b’qawwa kbira.+

21 Issa, wara li seħħ dan kollu, Pawlu ddeċieda fih innifsu li wara li jgħaddi mill-​Maċedonja+ u l-​Akaja jmur Ġerusalemm,+ u qal: “Wara li nasal hemmhekk irrid nara wkoll Ruma.”+ 22 Imbagħad bagħat lejn il-​Maċedonja tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, Timotju+ u Erastu,+ imma hu baqaʼ għal xi żmien fid-​distrett taʼ l-​Asja.

23 Dik il-​ħabta nqalaʼ ħafna inkwiet+ dwar It-​Triq.+ 24 Għax kien hemm wieħed arġentier jismu Demetriju li kien jagħmel niċeċ tal-​fidda t’Artemi u li bihom kien iqallaʼ ħafna flus lin-​nies tas-​sengħa.+ 25 Lil dawn ġabarhom flimkien maʼ dawk li kienu jaħdmu f’dawn l-​affarijiet+ u qalilhom: “Irġiel, tafu tajjeb li b’dan in-​negozju sejrin tajjeb ħafna.+ 26 Ukoll, qed taraw u tisimgħu kif mhux biss f’Efesu,+ imma kważi fid-​distrett kollu taʼ l-​Asja, dan Pawlu pperswada lil ħafna nies u dawwarhom għal opinjoni oħra, għax qed jgħid li dawk li huma magħmulin bl-​idejn+ m’humiex allat. 27 Iktar minn hekk, hemm il-​periklu li mhux biss xogħolna jaqaʼ fl-​għajb, imma wkoll li t-​tempju tal-​kbira u d-​divina Artemi+ ma jibqax stmat u saħansitra l-​kobor u l-​ġmiel tagħha, meqjumin fid-​distrett kollu taʼ l-​Asja u fl-​art abitata, ma jdumux ma jispiċċaw fix-​xejn.” 28 Meta semgħu dan, l-​irġiel irrabjaw ħafna u bdew jgħajtu u jgħidu: “Kbira Artemi taʼ l-​Efesin!”

29 Għalhekk, fil-​belt qamet konfużjoni sħiħa, u b’fehma waħda ġrew għal ġot-​teatru, u kaxkru magħhom lil Gaju u lil Aristarku,+ Maċedonin li kienu jivvjaġġaw maʼ Pawlu. 30 Min-naħa tiegħu, Pawlu ried jidħol qalb in-​nies, imma d-​dixxipli ma ħallewhx. 31 Saħansitra xi wħud mill-​amministraturi tal-​festi u l-​logħob, li kienu ħbieb tiegħu, bagħtulu messaġġ u bdew jitolbuh bil-​ħniena biex ma jissograx ħajtu fit-​teatru. 32 Sadanittant, min kien qed jgħajjat ħaġa u min oħra;+ għax fost il-​ġemgħa kien hemm konfużjoni sħiħa, u l-​maġġuranza ma kinux jafu għala nġabru. 33 Imbagħad kollha f’daqqa ħarġu lil Alessandru mill-​folla, u l-​Lhud tefgħuh fuq quddiem; u Alessandru għamel sinjal b’idu biex juri li ried jagħmel id-​difiża tiegħu quddiem il-​poplu. 34 Imma meta indunaw li kien Lhudi, damu madwar sagħtejn jgħajtu lkoll b’għajta waħda: “Kbira+ Artemi taʼ l-​Efesin!”

35 Fl-aħħar, wara li kien sikket+ lill-​folla, ir-​reġistratur tal-​belt qal: “Irġiel t’Efesu, min hemm fost il-​bnedmin li ma jafx li l-​belt taʼ l-​Efesin hi l-​gwardjana tat-​tempju tal-​kbira Artemi u tax-​xbieha tagħha li waqgħet mis-​sema? 36 Għalhekk, ladarba dan ma jistaʼ jmerih ħadd, hu xieraq li tibqgħu kalmi u ma taġixxux bl-​addoċċ.+ 37 Għax ġibtu lil dawn l-​irġiel li la huma ħallelin tat-​tempji u lanqas midgħija taʼ din l-​alla tagħna. 38 Għalhekk, jekk Demetriju+ u n-​nies tas-​sengħa li huma miegħu għandhom każ kontra xi ħadd, hemm il-​ġranet tal-​qorti+ u l-​prokonsli;+ ħa jġibu l-​akkużi kontra xulxin. 39 Iżda, jekk qed tfittxu xi ħaġa oħra minbarra dan, din trid tiġi deċiża f’assemblea regulari. 40 Għax qegħdin tassew f’periklu li niġu akkużati bi rvell minħabba l-​kwistjoni taʼ llum, għax m’għandna l-​ebda bażi fuqiex nistgħu nagħtu raġuni għal din il-​marmalja bla ordni.” 41 U x’ħin qal dan,+ bagħat lil kulħadd ’il barra.+

20 Issa meta kkwitat ir-​rewwixta, Pawlu bagħat għad-​dixxipli u, wara li inkuraġġiehom u sellmilhom,+ telaq biex imur il-​Maċedonja.+ 2 Wara li għadda minn dawk l-​inħawi u inkuraġġixxa b’ħafna kliem+ lil dawk t’hemmhekk, wasal il-​Greċja, 3 fejn qattaʼ tliet xhur. Kif kien wasal biex isalpa lejn is-​Sirja, iddeċieda li jmur lura minn ġol-​Maċedonja minħabba li l-​Lhud kienu fasslu komplott+ kontrih. 4 Miegħu kien hemm Sopater+ bin Pirru taʼ Berea, Aristarku+ u Sekundu tat-​Tessalonikin, u Gaju minn Derbe, u Timotju,+ u Tikiku+ u Trofimu+ mid-​distrett taʼ l-​Asja. 5 Dawn baqgħu sejrin u kienu qed jistennewna Troas;+ 6 imma aħna tlaqna bil-​baħar minn Filippi wara l-​jiem tal-​festa tal-​ħobż bla ħmira,+ u f’ħamest ijiem wasalna ħdejhom Troas;+ u hemmhekk qattajna sebat ijiem.

7 Fl-ewwel jum+ tal-​ġimgħa, meta konna miġburin flimkien biex nieklu, Pawlu beda jkellimhom, għax kien se jitlaq l-​għada; u tawwal id-​diskors tiegħu sa nofsillejl. 8 Għalhekk, kien hemm ħafna msiebaħ fil-​kamra taʼ fuq+ fejn konna miġburin flimkien. 9 Wieħed żagħżugħ li kien jismu Ewtiku kien bil-​qiegħda f’ħoġor it-​tieqa u raqad fil-​fond waqt li Pawlu kien għadu jitkellem. Tant raqad fil-​fond li waqaʼ għal isfel mit-​tielet sular u refgħuh mejjet. 10 Imma Pawlu niżel isfel, intefaʼ fuqu,+ ħaddnu miegħu, u qal: “Tibqgħux tagħmlu storbju, għax ħajtu* qiegħda fih.”+ 11 Imbagħad telaʼ fuq u qasam il-​ħobż biex jibda l-​ikla u kiel, u wara li dam jitkellem sakemm sebaħ, fl-​aħħar telaq. 12 U huma ħadu lit-​tifel ħaj u tfarrġu bla qjies.

13 Issa aħna tlaqna qabel lejn il-​ġifen u salpajna lejn Assos, fejn kellna ntellgħu lil Pawlu abbord, għax kien tana istruzzjonijiet biex nagħmlu hekk, peress li hu kellu l-​ħsieb li jmur bil-​mixi. 14 Għalhekk, meta laħaqna f’Assos, tellajnieh abbord u morna Mitilene; 15 u l-​għada salpajna minn hemmhekk u wasalna quddiem Kijos, imbagħad il-​ġurnata taʼ wara għaddejna Samos, u l-​għada wasalna Miletu. 16 Għax Pawlu kien iddeċieda li ma jiqafx Efesu,+ sabiex ma jqattax ħin fid-​distrett taʼ l-​Asja, peress li kien qed jgħaġġel biex, jekk jistaʼ jkun, jasal Ġerusalemm+ f’jum il-​festa taʼ Pentekoste.

17 Madankollu, minn Miletu bagħat għall-​anzjani+ tal-​kongregazzjoni t’Efesu. 18 Meta waslu ħdejh, qalilhom: “Intom tafu tajjeb kif sa mill-​ewwel jum li rfist fid-​distrett taʼ l-​Asja+ kont magħkom il-​ħin kollu,+ 19 nitjassar+ għall-​Mulej bl-​akbar umiltà+ u bid-​dmugħ u bil-​provi li ġew fuqi minħabba l-​komplotti+ tal-​Lhud; 20 waqt li ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ benefiċċju u milli ngħallimkom+ pubblikament u minn dar+ għal dar. 21 U jien tajt xiehda+ bir-​reqqa kemm lil-​Lhud kif ukoll lill-​Griegi dwar l-​indiema+ lejn Alla u l-​fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù. 22 Issa, ara! Imġiegħel mill-​ispirtu,+ qed nivvjaġġa lejn Ġerusalemm, għalkemm ma nafx x’se jiġrili hemmhekk, 23 ħlief li minn belt għall-​oħra l-​ispirtu qaddis+ jixhidli ripetutament u jgħidli li rbit u tribulazzjonijiet hemm jistennewni.+ 24 Minkejja dan, ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija,+ dment li ntemm il-​korsa tiegħi+ u l-​ministeru+ li rċivejt+ mingħand il-​Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.+

25 “U issa, ara! Naf li intom ilkoll, li fostkom ġejt nippriedka s-​saltna, mhux se taraw lil wiċċi iktar. 26 Għalhekk, illum irridkom tixhdu dwari li jien nadif mid-​demm+ tal-​bnedmin kollha, 27 għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​iskop+ kollu t’Alla. 28 Oqogħdu attenti+ għalikom infuskom+ u għall-​merħla kollha+ li minnha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi+ biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla,+ li xtara bid-​demm+ taʼ Ibnu stess. 29 Jien naf li wara t-​tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox+ li ma jittrattawx lill-​merħla b’tenerezza, 30 u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin+ biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.+

31 “Għalhekk, ibqgħu mqajmin, u żommu f’moħħkom li għal tliet snin sħaħ,+ lejl u nhar, ma waqaftx inwissi+ lil kull wieħed minnkom bid-​dmugħ. 32 U issa nerħikom f’idejn Alla+ u l-​kelma tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu; din il-​kelma tistaʼ tibnikom+ u tagħtikom il-​wirt fost l-​imqaddsin kollha.+ 33 Qatt ma xxennaqt b’għira għall-​fidda jew id-​deheb jew l-​ilbies taʼ xi ħadd.+ 34 Intom stess tafu li dawn l-​idejn ħadu ħsieb il-​ħtiġijiet tiegħi+ u taʼ dawk li kienu miegħi. 35 F’kollox urejtkom kif, billi titħabtu+ b’dan il-​mod, għandkom tgħinu lid-​dgħajfin+ u żżommu f’moħħkom il-​kliem tal-​Mulej Ġesù, li qal hu stess, ‘Hemm iktar hena meta tagħti+ milli meta tirċievi.’”

36 U wara li qal dan, niżel għarkopptejh+ magħhom ilkoll u talab. 37 Imbagħad ilkoll infexxew jibku u għannqu lil+ Pawlu u bisuh+ b’tenerezza, 38 għax l-​iktar li nikkithom kien il-​kliem li qalilhom, li ma kinux se jaraw lil wiċċu+ iktar. U wassluh+ sal-​ġifen.

21 Issa meta rnexxielna nitilquhom u salpajna, qbadna korsa dritta u wasalna Kos, imbagħad l-​għada tlaqna lejn Rodi, u minn hemmhekk għal Patara. 2 U meta sibna ġifen li kien se jaqsam lejn il-​Feniċja, tlajna abbord u salpajna. 3 Wara li lmaħna l-​gżira taʼ Ċipru+ ħallejnieha warajna fuq ix-​xellug u bqajna sejrin lejn is-​Sirja,+ u nżilna Tir, għax hemmhekk il-​ġifen kellu jħott it-​tagħbija tiegħu.+ 4 Fittixna u sibna lid-​dixxipli u bqajna hawnhekk sebat ijiem. Permezz taʼ l-​ispirtu+ huma qalu ripetutament lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm. 5 Imbagħad meta għaddew dawk il-​jiem, morna u bdejna l-​vjaġġ tagħna; u huma lkoll, flimkien man-​nisa u t-​tfal, wassluna sa barra l-​belt. Hemmhekk inżilna għarkopptejna+ fuq ix-​xatt biex ngħidu talba 6 u, wara li sellimna+ lil xulxin, aħna tlajna fuq il-​ġifen u huma marru lura lejn djarhom.

7 Imbagħad temmejna l-​vjaġġ bil-​baħar minn Tir u wasalna Ptolemajs, u sellimna lill-​aħwa u qgħadna jum magħhom. 8 L-għada tlaqna u wasalna Ċesarija,+ u dħalna fid-​dar taʼ Filippu l-​evanġelizzatur, li kien wieħed mis-​sebat irġiel,+ u qgħadna miegħu. 9 Dan ir-​raġel kellu erbat ibniet verġni li kienu jipprofetizzaw.+ 10 Wara li konna ilna hemmhekk ħafna jiem, niżel mil-​Lhudija wieħed profeta li kien jismu Agabu,+ 11 u ġie ħdejna. Dan ħa l-​ħżiem taʼ Pawlu, rabat saqajh u idejh bih, u qal: “Dan jgħid l-​ispirtu qaddis, ‘Ir-​raġel li tiegħu hu dan il-​ħżiem, hekk se jorbtuh+ il-​Lhud Ġerusalemm u jagħtuh+ f’idejn in-​nies tal-​ġnus.’” 12 Issa meta smajna dan, kemm aħna u kemm dawk taʼ dak il-​post bdejna nitolbuh bil-​ħrara biex ma jitlax+ Ġerusalemm. 13 Imbagħad Pawlu wieġeb: “Għalfejn qed tibku+ u taqsmuli qalbi?+ Serrħu raskom, jien mhux biss lest nintrabat Ġerusalemm imma wkoll immut+ għal isem il-​Mulej Ġesù.” 14 Meta ma stajniex nipperswaduh, ikkuntentajna billi għedna: “Ħa sseħħ ir-​rieda+ taʼ Ġeħova.”

15 Issa wara dawn il-​jiem ħejjejna għall-​vjaġġ u bdejna telgħin Ġerusalemm.+ 16 Xi wħud mid-​dixxipli minn Ċesarija+ ġew magħna wkoll, biex jiħduna għand ir-​raġel li konna se noqogħdu għandu, ċertu Mnason minn Ċipru, dixxiplu minn tal-​bidu. 17 Meta dħalna Ġerusalemm,+ l-​aħwa laqgħuna bil-​ferħ.+ 18 Imbagħad l-​għada Pawlu ġie magħna għand Ġakbu;+ u l-​anzjani kollha kienu preżenti. 19 U sellmilhom u beda jirrakkontalhom+ bid-​dettall x’għamel Alla fost il-​ġnus permezz tal-​ministeru tiegħu.+

20 X’ħin semgħu dan, bdew jigglorifikaw lil Alla, u qalulu: “Ħuna, qed tara kemm hemm eluf li emmnu fost il-​Lhud; u kollha huma żelużi għal-​Liġi.+ 21 Imma semgħu xniegħa dwarek li lil-​Lhud kollha li hemm fost il-​ġnus qed tgħallimhom apostasija minn Mosè,+ u qed tgħidilhom biex la jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni+ lil uliedhom u lanqas jimxu fid-​drawwiet solenni. 22 Allura, x’għandu jsir dwar dan? Għax żgur se jisimgħu li int wasalt. 23 Għalhekk, agħmel dan li se ngħidulek: Għandna erbat irġiel li għamlu wegħda. 24 Ħu lil dawn l-​irġiel miegħek+ u tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom u ħallsilhom l-​ispejjeż+ sabiex iqaxxrulhom ix-​xagħar taʼ rashom.+ B’hekk, kulħadd ikun jaf li x-​xnigħat li ntqalu dwarek m’humiex minnhom, imma li qed timxi bl-​ordni u li anki int stess qed iżżomm il-​Liġi.+ 25 Dwar dawk li emmnu minn fost il-​ġnus, aħna bgħatna ngħidulhom dwar id-​deċiżjoni li ħadna: li għandhom iżommu ’l bogħod mill-​affarijiet sagrifikati lill-​idoli+ kif ukoll mid-​demm+ u mil-​laħam t’annimali fgati+ u miż-​żína.”+

26 Imbagħad l-​għada Pawlu ħa lill-​irġiel miegħu u tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom+ u daħal fit-​tempju biex javża dwar il-​jiem li jridu jgħaddu+ għat-​tindif ċerimonjali, sakemm tiġi preżentata l-​offerta+ għal kull wieħed minnhom.+

27 Issa s-​sebat+ ijiem kienu kważi għaddew, u meta l-​Lhud mill-​Asja rawh fit-​tempju bdew iqajmu konfużjoni sħiħa fost il-​folla kollha,+ u ħatfuh taħt idejhom 28 waqt li bdew jgħajtu: “Irġiel taʼ Israel, ejjew għinuna! Dan hu r-​raġel li qed jgħallem lil kulħadd kullimkien kontra l-​poplu+ u l-​Liġi u dan il-​post u, iktar minn hekk, anki ġab xi Griegi fit-​tempju u niġġes dan il-​post qaddis.”+ 29 Għax qabel kienu raw lil Trofimu+ taʼ Efesu fil-​belt miegħu, u kienu qed jimmaġinaw li Pawlu kien daħħlu fit-​tempju. 30 U l-​belt kollha qamet f’rewwixta,+ u n-​nies kollha bdew jiġru f’daqqa; u qabdu lil Pawlu u kaxkruh ’il barra mit-​tempju.+ U minnufih il-​bibien ngħalqu. 31 U waqt li kienu qed jipprovaw joqtluh, il-​kmandant tal-​korp sar jaf li Ġerusalemm kollha kienet f’konfużjoni sħiħa;+ 32 u mill-​ewwel ħa s-​suldati u l-​fizzjali taʼ l-​armata u niżel jiġri għal ħdejhom.+ Meta lemħu lill-​kmandant militari+ u lis-​suldati ma baqgħux isawtu lil Pawlu.

33 Imbagħad il-​kmandant militari resaq qrib u qabdu u ta l-​kmand biex jorbtuh b’żewġ ktajjen;+ u beda jistaqsi min kien u x’kien għamel. 34 Imma fil-​folla min beda jgħajjat ħaġa u min oħra.+ Għalhekk, billi ma setaʼ jsir jaf xejn fiċ-​ċert minħabba l-​konfużjoni, ordna li jinġieb fil-​kwartieri tas-​suldati.+ 35 Imma meta wasal fuq it-​taraġ, ġara li kellu jinġarr mis-​suldati minħabba l-​vjolenza tal-​folla; 36 għax il-​kotra tan-​nies baqgħet sejra warajhom u tgħajjat: “Eħlisna minnu!”+

37 U kif kienu se jiħduh fil-​kwartieri tas-​suldati, Pawlu qal lill-​kmandant militari: “Tippermettili ngħidlek xi ħaġa?” Dan qallu: “Mela taf titkellem bil-​Grieg? 38 Int mhux l-​Eġizzjan li ftit jiem ilu qajjem rewwixta+ u mexxa warajh fix-​xagħri erbat elef raġel armati bis-​skieken?” 39 Imbagħad Pawlu qallu: “Fil-​fatt, jien Lhudi+ minn Tarsu+ fiċ-​Ċiliċja, ċittadin taʼ belt magħrufa. Għalhekk, nitolbok tħallini nkellem lin-​nies.” 40 Wara li tah permess, Pawlu, li kien wieqaf fuq it-​taraġ, għamel sinjal+ b’idu lin-​nies. Malli waqaʼ skiet kbir kellimhom bil-​lingwa Ebrajka+ u qalilhom:

22 “Irġiel, aħwa+ u missirijiet, issa isimgħuni nagħmel id-​difiża+ tiegħi.” 2 (Meta semgħuh ikellimhom bil-​lingwa Ebrajka,+ iktar qagħdu kwieti, u hu qal:) 3 “Jien Lhudi,+ imwieled Tarsu taċ-​Ċiliċja,+ imma mgħallem f’din il-​belt f’riġlejn Gamaljel,+ istruwit biex inħares b’mod strett+ il-​Liġi taʼ l-​antenati, u jien żeluż+ għal Alla bħalkom ilkoll illum. 4 U jien ippersegwitajt għall-​mewt din it-​Triq,+ u rbatt u tfajt fil-​ħabsijiet+ kemm irġiel u kemm nisa, 5 bħalma jistgħu jixhduli l-​qassis il-​kbir u l-​assemblea kollha tax-​xjuħ.+ Mingħandhom ħadt ukoll ittri+ għall-​aħwa f’Damasku, u kont fi triqti biex anki lil dawk li kienu hemmhekk inġibhom marbutin Ġerusalemm biex jiġu kastigati.

6 “Imma kif kont qed nivvjaġġa u noqrob lejn Damasku, f’daqqa waħda, madwar nofsinhar, idda madwari dawl kbir mis-​sema,+ 7 u waqajt fl-​art u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?’+ 8 Wiġibt, ‘Min int, Mulej?’ U qalli, ‘Jien Ġesù n-​Nazzarenu, li int qed tippersegwita.’+ 9 Issa l-​irġiel li kienu miegħi+ rawh id-​dawl imma ma semgħux il-​leħen taʼ min kien qed ikellimni.+ 10 Għal dak il-​kliem għedtlu, ‘X’għandi nagħmel,+ Mulej?’ Il-​Mulej qalli, ‘Qum, mur Damasku, u hemmhekk jintqallek kulma hu deċiż li għandek tagħmel.’+ 11 Imma peress li ma stajt nara xejn minħabba l-​glorja taʼ dak id-​dawl, wasalt Damasku mmexxi minn id dawk li kienu miegħi.+

12 “Issa Ananija, wieħed raġel devot skond il-​Liġi, u li dwaru jitkellmu tajjeb+ il-​Lhud kollha li joqogħdu hemmhekk, 13 ġie għandi u qagħad bil-​wieqfa ħdejja u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu lura d-​dawl!’+ U ħarist ’il fuq lejh dak il-​ħin stess. 14 U qalli, ‘L-​Alla taʼ missirijietna+ għażlek+ biex issir taf ir-​rieda tiegħu u tara+ lill-​Ġust+ u tismaʼ leħen fommu,+ 15 għax int se tkun xhud tiegħu għall-​bnedmin kollha taʼ dak li rajt u smajt.+ 16 U issa għala qed titnikker? Qum, tgħammed+ u aħsel+ dnubietek billi ssejjaħ ismu.’+

17 “Imma meta mort lura Ġerusalemm+ u kont qed nitlob fit-​tempju, intlift f’estasi+ 18 u rajt lill-​Mulej jgħidli, ‘Għaġġel u fittex oħroġ minn Ġerusalemm, għax m’humiex se jaqblu+ max-​xiehda tiegħek dwari.’ 19 U jien għedtlu, ‘Mulej, huma stess jafu tajjeb li jien kont nixħet il-​ħabs+ u nsawwat f’sinagoga wara l-​oħra lil dawk li jemmnu fik;+ 20 u meta kien qed jixxerred demm Stiefnu,+ ix-​xhud tiegħek, jien ukoll kont preżenti, napprova+ lil dawk li kienu qed joqtluh, waqt li qgħadtilhom għassa maʼ ħwejjiġhom.’ 21 Iżda hu qalli, ‘Mur, għax jien se nibagħtek għand ġnus ’il bogħod.’”+

22 Issa huma baqgħu jisimgħuh sa dan il-​kliem, imbagħad għollew leħinhom u bdew jgħidu: “Neħħi lil dan ir-​raġel mid-​dinja, għax ma kienx jistħoqqlu jgħix!”+ 23 U peress li kienu qed jgħajtu u jitfgħu ħwejjiġhom ’l hemm u ’l hawn u jwaddbu t-​trab fl-​arja,+ 24 il-kmandant militari ordna li jinġieb fil-​kwartieri tas-​suldati u qal li kellu jiġi interrogat bis-​swat biex ikun jaf eżatt għala kienu qed jgħajtu+ kontrih b’dan il-​mod. 25 Imma meta kienu rabtuh biex jagħtuh bil-​frosta, Pawlu qal lill-​fizzjal taʼ l-​armata li kien wieqaf hemmhekk: “Skond il-​liġi, tistgħu ssawtu raġel Ruman+ li m’huwiex kundannat?” 26 Malli l-​fizzjal taʼ l-​armata semaʼ dan, mar għand il-​kmandant militari u rrapportalu u qallu: “X’bi ħsiebek tagħmel? Għax dan ir-​raġel Ruman.” 27 Għalhekk, il-​kmandant militari resaq lejh u qallu: “Għidli, Int Ruman?”+ Hu qallu: “Iva.” 28 Il-kmandant militari wieġbu: “Jien xtrajt dawn id-​drittijiet taʼ ċittadin b’kemxa flus ġmielha.” Qallu Pawlu: “U jien twilidt+ bihom.”

29 Għalhekk, l-​irġiel li kienu se jinterrogawh bit-​tortura warrbu minn ħdejh minnufih; u l-​kmandant militari beżaʼ malli sar jaf li kien Ruman+ peress li kien rabtu.

30 Imbagħad l-​għada, billi xtaq ikun jaf eżatt għala kien qed jiġi akkużat mil-​Lhud, ħallu mill-​irbit u ordna li jinġemgħu flimkien il-​qassisin ewlenin u s-​Sinedriju kollu. U niżżel lil Pawlu u qiegħdu f’nofshom.+

23 Pawlu ħares fiss lejn is-​Sinedriju u qal: “Irġiel, aħwa, jien sa llum ġibt ruħi quddiem Alla b’kuxjenza+ safja għalkollox.” 2 Għal dan il-​kliem, il-​qassis il-​kbir Ananija ordna lil dawk li kienu weqfin ħdejh biex jagħtuh daqqa+ fuq ħalqu. 3 Imbagħad Pawlu qallu: “Alla għad jagħti daqqa lilek, ja ħajt imbajjad.+ Int toqgħod bil-​qiegħda biex tiġġudikani skond il-​Liġi+ u fl-​istess ħin tikser il-​Liġi+ billi tordna li jagħtuni daqqa?” 4 Dawk li kienu weqfin ħdejh qalulu: “Qed iżżeblaħ il-​qassis il-​kbir t’Alla?” 5 U Pawlu qal: “L-​aħwa, ma kontx naf li hu l-​qassis il-​kbir. Għax hemm miktub, ‘Titkellimx ħażin fuq ħakkiem tal-​poplu tiegħek.’”+

6 Issa meta Pawlu induna li parti mis-​Sinedriju kienet Sadduċej+ imma l-​oħra Fariżej, għajjat u qalilhom: “Irġiel, aħwa, jien Fariżew,+ bin il-​Fariżej, u qed niġi ġudikat+ minħabba t-​tama taʼ l-​irxoxt+ tal-​mejtin.” 7 Għax qal dan, qamet tilwima+ bejn il-​Fariżej u s-​Sadduċej, u l-​kotra nqasmet. 8 Għax is-​Sadduċej+ jgħidu li la hemm irxoxt,+ la anġli u lanqas spirti, imma l-​Fariżej dawn kollha jistqarruhom bil-​miftuħ. 9 Għalhekk, qam storbju kbir,+ u xi wħud mill-​iskribi tal-​partit tal-​Fariżej qamu, bdew jargumentaw bl-​aħrax, u jgħidu: “Aħna ma nsibu xejn ħażin f’dan ir-​raġel;+ imma jekk kellmu xi spirtu jew xi anġlu,+—.” 10 Issa meta t-​tilwima saħnet sew, il-​kmandant militari beżaʼ li lil Pawlu se jqattgħuh biċċiet, u ordna lill-​korp tas-​suldati+ biex jinżlu u jaħtfuh minn ġo nofshom u jġibuh fil-​kwartieri tas-​suldati.+

11 Imma dak il-​lejl il-​Mulej qagħad ħdejh+ u qallu: “Agħmel kuraġġ!+ Għax bħalma tajt xiehda+ bir-​reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.”+

12 Issa meta sebaħ, il-​Lhud għamlu konfoffa+ u ntrabtu b’ħalfa+ u qalu li la kienu se jieklu u lanqas jixorbu qabel ma jkunu qatlu lil Pawlu.+ 13 Kien hemm iktar minn erbgħin raġel li għamlu din il-​konfoffa marbuta b’ħalfa; 14 u marru għand il-​qassisin ewlenin+ u x-​xjuħ u qalulhom: “Aħna ntrabatna solennement b’ħalfa li ma nduqux ikel qabel ma nkunu qtilna lil Pawlu. 15 Għalhekk, intom flimkien mas-​Sinedriju agħmluha ċara lill-​kmandant militari li hu għandu jniżżlu għandkom bħallikieku għandkom il-​ħsieb li tridu taraw iktar bir-​reqqa l-​każ tiegħu.+ Imma qabel ma jasal qrib aħna nkunu lesti biex noqtluh.”+

16 Madankollu, it-​tifel t’oħt Pawlu semaʼ bin-​nasba tagħhom,+ u ġie u daħal fil-​kwartieri tas-​suldati u rrapporta dan lil Pawlu. 17 Għalhekk, Pawlu sejjaħ lil wieħed mill-​fizzjali taʼ l-​armata u qallu: “Ħu lil dan iż-​żagħżugħ għand il-​kmandant militari, għax għandu xi ħaġa x’jirrapportalu.” 18 Għaldaqstant, dan ir-​raġel ħadu għand il-​kmandant militari u qal: “Il-​priġunier Pawlu sejjaħli u talabni nġiblek lil dan iż-​żagħżugħ għax għandu xi ħaġa x’jgħidlek.” 19 Il-kmandant militari qabdu+ minn idu u ħadu fil-​ġenb waħdu u beda jistaqsih: “Xi trid tirrapportali?” 20 Wieġbu: “Il-​Lhud ftiehmu biex għada jitolbuk tniżżel lil Pawlu għand is-​Sinedriju bħallikieku għandhom il-​ħsieb li jridu jkunu jafu xi ħaġa iktar bl-​eżatt dwaru.+ 21 Imma int tħallihomx jipperswaduk, għax għandhom iktar minn erbgħin raġel lesti+ għalih, u ntrabtu b’ħalfa li la jieklu u lanqas jixorbu qabel ma jkunu qatluh;+ u issa qegħdin għal-​lest, jistennew il-​permess mingħandek.” 22 Imbagħad, il-​kmandant militari bagħat liż-​żagħżugħ u ordnalu: “Tpaċpaċ maʼ ħadd li wrejtni b’dan.”

23 U sejjaħ tnejn mill-​fizzjali taʼ l-​armata u qalilhom: “Lestu mitejn suldat, kif ukoll sebgħin rikkieb taż-​żwiemel u mitejn suldat bil-​lanza, biex jimmarċjaw dritt lejn Ċesarija fit-​tielet siegħa* tal-​lejl. 24 Ħejjulhom ukoll bhejjem tat-​tagħbija biex irikkbu lil Pawlu u jwassluh qawwi u sħiħ għand Feliċ il-​gvernatur.” 25 U kiteb ittra b’dan il-​kliem:

26 “Klawdju Lisja lill-​eċċellenza tiegħu, il-​Gvernatur Feliċ:+ Is-​sliem għalik! 27 Dan ir-​raġel inħataf mil-​Lhud u kienu għoddhom qatluh, imma jien mort minnufih b’korp taʼ suldati u salvajtu,+ għax sirt naf li hu Ruman.+ 28 U billi xtaqt inkun naf għala kienu qed jakkużawh, niżżiltu fis-​Sinedriju tagħhom.+ 29 Sibt li kien qed jiġi akkużat fuq xi kwistjonijiet tal-​Liġi tagħhom,+ iżda ma kien mixli b’xejn li jistħoqqlu l-​mewt jew l-​irbit.+ 30 Imma peress li qaluli b’komplott+ li tfassal kontra dan ir-​raġel, qed nibgħathulek minnufih, u nordna lil dawk li akkużawh biex jgħidu quddiemek x’għandhom kontrih.”+

31 Għaldaqstant, skond l-​ordnijiet li kellhom, dawn is-​suldati+ ħadu lil Pawlu u ġabuh Antipatri bil-​lejl. 32 L-għada ħallew lir-​rikkieba taż-​żwiemel jibqgħu sejrin miegħu, u huma marru lura lejn il-​kwartieri tas-​suldati. 33 Ir-rikkieba taż-​żwiemel daħlu Ċesarija+ u taw l-​ittra lill-​gvernatur u ressqu wkoll lil Pawlu quddiemu. 34 Għalhekk, qraha u staqsieh minn liema provinċja kien, u sar jaf+ li kien miċ-​Ċiliċja.+ 35 Qallu, “Nisimgħek bir-​reqqa meta jaslu wkoll dawk li qed jakkużawk.”+ U ordna li jinżamm mgħasses fil-​palazz pretorjan t’Erodi.

24 Ħamest ijiem wara, niżel il-​qassis il-​kbir Ananija+ maʼ xi xjuħ u maʼ kelliemi pubbliku, ċertu Tertullu, u dawn taw lill-​gvernatur+ xi tagħrif+ kontra Pawlu. 2 Meta ssejjaħ, Tertullu beda jakkużah u jgħid:

“Aħna qed ingawdu paċi+ kbira permezz tiegħek u bil-​ħsieb tiegħek qed iseħħu riformi f’dan il-​ġens, 3 u aħna, il-​ħin kollu u kullimkien, nilqgħuhom bl-​akbar ringrazzjament, Wisq Eċċellenti+ Feliċ. 4 Imma biex ma ntellfekx iktar, nitolbok tismagħna ftit bil-​qalb tajba tiegħek. 5 Għax sibna li dan ir-​raġel hu bħall-​pesta+ u jqajjem ir-​rewwixti+ fost il-​Lhud kollha fl-​art abitata u hu mexxej ewlieni tas-​setta tan-​Nazzareni.+ 6 Ipprova wkoll jipprofana t-​tempju+ u aħna ħtafnieh taħt idejna. 7 *—— 8 Int tistaʼ tinterrogah u ssir taf mingħandu dak kollu li qed nakkużawh dwaru.”

9 Għal dan il-​kliem, il-​Lhud ngħaqdu wkoll fl-​attakk u bdew isostnu li dan kien minnu. 10 Meta l-​gvernatur għamel sinjal lil Pawlu biex jitkellem, dan wieġeb:

“Naf tajjeb li dan il-​ġens kellu lilek bħala mħallef għal bosta snin, u għalhekk nitkellem bla diffikultà fid-​difiża tiegħi+ dwar dak li jinvolvi lili. 11 Għax int qiegħed f’pożizzjoni li ssir taf li m’ilix iktar minn tnax-il jum li tlajt inqim+ f’Ġerusalemm; 12 u la sabuni fit-​tempju+ nargumenta maʼ xi ħadd u lanqas fis-​sinagogi jew fil-​belt niġmaʼ xi marmalja.+ 13 Lanqas ma jistgħu jagħtuk prova+ taʼ dak li qed jakkużawni bih issa. 14 Imma nammetti dan miegħek li, skond dik it-​triq li huma jsejħulha ‘setta,’ b’dan il-​mod qed nagħti servizz sagru lill-​Alla taʼ missirijieti,+ għax nemmen dak kollu li hemm imniżżel fil-​Liġi+ u miktub fil-​Profeti; 15 u għandi tama+ f’Alla, bħalma għandhom huma wkoll, li se jkun hemm irxoxt+ kemm tan-​nies sewwa+ u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.+ 16 Iva, minħabba f’hekk, qed nitħarreġ kontinwament biex inkun konxju+ li la noffendi lil Alla u lanqas lill-​bnedmin. 17 Għaldaqstant, wara għadd ġmielu taʼ snin, ġejt inġib għotjiet taʼ ħniena lil ġensi kif ukoll xi offerti.+ 18 Waqt li kont qed nagħmel dan, ma sabunix f’xi folla jew f’xi rewwixta, imma mnaddaf b’mod ċerimonjali fit-​tempju.+ Iżda hemm xi Lhud mid-​distrett taʼ l-​Asja 19 li jmisshom qegħdin preżenti quddiemek biex jakkużawni jekk għandhom xi ħaġa kontrija.+ 20 Inkella, ħa jgħidu l-​irġiel stess li qegħdin hawnhekk x’ħażen sabu fija x’ħin kont quddiem is-​Sinedriju, 21 ħlief rigward dan il-​kliem li jien għajjatt waqt li kont wieqaf f’nofshom, ‘Minħabba l-​irxoxt tal-​mejtin qed niġi ġudikat quddiemkom illum!’”+

22 Madankollu, Feliċ,+ billi kien jaf tajjeb dwar din it-​Triq,+ ħalla l-​każ tagħhom għal darb’oħra u qalilhom: “Meta jinżel Lisja,+ il-​kmandant militari, niddeċiedi dwar dawn il-​kwistjonijiet li jinvolvu lilkom.” 23 U ordna lill-​fizzjal taʼ l-​armata biex iżomm lir-​raġel arrestat, imma jagħtih ftit iktar libertà u ma jżomm lil ħadd minn niesu milli jdur bih.+

24 Xi jiem wara, ġie Feliċ+ maʼ martu Drusilla, li kienet Lhudija,+ u bagħat għal Pawlu u qagħad jisimgħu jitkellem dwar it-​twemmin fi Kristu Ġesù.+ 25 Imma meta tkellem dwar is-​sewwa+ u r-​rażna+ u l-​ġudizzju+ li ġej, Feliċ beżaʼ u qallu: “Għalissa mur, imma meta jkolli ċ-​ċans nerġaʼ nibgħat għalik.” 26 Iżda, fl-​istess ħin kien qed jittama li Pawlu jagħtih xi flus.+ Għalhekk, kien jibgħat għalih iktar taʼ spiss u kien joqgħod jitkellem miegħu.+ 27 Imbagħad, meta kienu għaddew sentejn, Porċju Festu laħaq flok Feliċ; u peress li Feliċ xtaq jingħoġob+ mil-​Lhud, ħalla lil Pawlu marbut.

25 Tlett ijiem wara li ħa f’idejh+ it-​tmexxija tal-​provinċja,* Festu telaʼ Ġerusalemm minn Ċesarija.+ 2 Il-qassisin ewlenin u l-​kbarat tal-​Lhud tawh xi tagħrif+ kontra Pawlu u bdew jitolbuh bil-​ħrara 3 biex jagħmlilhom favur billi jibgħat għalih u jġibu Ġerusalemm, peress li kienu ppjanaw nasba+ biex joqtluh fit-​triq. 4 Madankollu, Festu wieġeb li Pawlu kellu jinżamm Ċesarija u li hu stess kien dalwaqt se jitlaq għal hemmhekk. 5 U qalilhom: “Mela, jekk hemm xi ħaġa ħażina f’dan ir-​raġel, ħa jinżlu miegħi biex jakkużawh+ dawk fostkom li qegħdin fil-​poter.”

6 Meta kien qattaʼ mhux iktar minn tmienja jew għaxart ijiem fosthom, niżel Ċesarija, u l-​għada qagħad bil-​qiegħda fuq it-​tron tal-​ġudizzju+ u ordna li jġibu lil Pawlu. 7 Meta wasal, il-​Lhud li kienu niżlu minn Ġerusalemm daru miegħu, u bdew iġibu kontrih ħafna akkużi serji+ li ma setgħux jagħtu prova tagħhom.

8 Imma, biex jiddefendi ruħu, Pawlu qal: “La kontra l-​Liġi tal-​Lhud, la kontra t-​tempju,+ u lanqas kontra Ċesari ma dnibt.”+ 9 Billi xtaq jingħoġob+ mil-​Lhud, Festu wieġeb lil Pawlu u qallu: “Tixtieq titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġudikat quddiemi dwar dan hemmhekk?”+ 10 Imma Pawlu qallu: “Jien qiegħed quddiem it-​tron tal-​ġudizzju taʼ Ċesari+ fejn suppost għandi niġi ġudikat. Jien m’għamiltilhom xejn ħażin lil-​Lhud,+ bħalma int ukoll qed tara tajjeb. 11 Jekk jien tassew bniedem ħażin+ u għamilt xi ħaġa li għaliha jistħoqqli l-​mewt,+ ma naħrabx mill-​mewt; jekk, mill-​banda l-​oħra, ma jeżisti xejn minn dak li qed jakkużawni bih dawn l-​irġiel, ħadd ma jistaʼ jagħtini f’idejhom biex jagħmlilhom favur. Nappella għal quddiem Ċesari!”+ 12 Imbagħad, wara li tkellem maʼ l-​assemblea tal-​kunsillieri, Festu wieġeb: “Għal quddiem Ċesari appellajt u għand Ċesari se tmur.”

13 Issa wara xi jiem, is-​sultan Agrippa* u Berniċe* waslu Ċesarija biex jagħmlu żjara taʼ korteżija lil Festu. 14 Għalhekk, billi kienu se joqogħdu hemmhekk ftit jiem mhux ħażin, Festu ppreżenta l-​każ taʼ Pawlu quddiem is-​sultan u qallu:

“Hemm wieħed raġel li tħalla priġunier minn Feliċ, 15 u meta kont Ġerusalemm il-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ tal-​Lhud ġabuli tagħrif+ dwaru, u riduni nikkundannah. 16 Imma jien wiġibthom li m’hijiex proċedura Rumana li tagħti lil xi bniedem f’idejn in-​nies biex tagħmlilhom favur qabel ma l-​akkużat jiltaqaʼ wiċċ imbwiċċ maʼ dawk li akkużawh+ u jkollu ċ-​ċans jiddefendi ruħu dwar l-​ilment. 17 Għalhekk, meta ġew kollha hawnhekk, ma tliftx ħin u l-​għada qgħadt bil-​qiegħda fuq it-​tron tal-​ġudizzju u ordnajt biex iġibu lir-​raġel. 18 Meta dehru quddiemi, dawk li akkużawh ma ġabu ebda akkuża+ tal-​ħażen li kont immaġinajt li għamel. 19 Sempliċement kellhom ċerti dibattiti miegħu dwar il-​mod kif iqimu+ lill-​alla tagħhom u dwar ċertu Ġesù li hu mejjet imma li Pawlu baqaʼ jsostni li hu ħaj.+ 20 Għaldaqstant, billi kont imħawwad dwar id-​dibattitu minħabba dawn il-​kwistjonijiet, staqsejtu jekk riedx imur Ġerusalemm biex jiġi ġudikat dwar dan hemmhekk.+ 21 Imma meta Pawlu appella+ biex jibqaʼ miżmum sad-​deċiżjoni mill-​Awgustu,* jien ordnajt li jinżamm sakemm nibagħtu għand Ċesari.”

22 Hawn Agrippa qal lil Festu: “Jien ukoll nixtieq nisimgħu lil dan ir-​raġel.”+ Qallu: “Għada tisimgħu.” 23 Għalhekk, l-​għada, Agrippa u Berniċe ġew b’pompa+ kbira u daħlu fis-​sala taʼ l-​udjenza flimkien mal-​kmandanti militari kif ukoll maʼ l-​irġiel prominenti tal-​belt, u mbagħad Festu ordna li jġibu lil Pawlu. 24 U Festu qal: “Sultan Agrippa u intom l-​irġiel kollha li qegħdin hawnhekk magħna, qed taraw lil dan ir-​raġel li dwaru l-​kotra kollha tal-​Lhud, kemm f’Ġerusalemm u kemm hawnhekk, talbuni u għajtu li m’għandux jibqaʼ ħaj.+ 25 Imma jien indunajt li ma kien għamel xejn li għalih jistħoqqlu l-​mewt.+ B’hekk, meta dan ir-​raġel appella+ għal quddiem l-​Awgustu, iddeċidejt li nibagħtu. 26 Imma m’għandi xejn ċert dwaru x’nikteb lil Sidi. Għalhekk ġibtu quddiemkom, u speċjalment quddiemek, Sultan Agrippa, sabiex wara li sseħħ l-​interrogazzjoni,+ jien ikolli xi ħaġa x’nikteb. 27 Għax jidhirli li m’huwiex raġunevoli li nibgħat priġunier u ma nindikax ukoll l-​akkużi kontrih.”

26 Agrippa+ qal lil Pawlu: “Tistaʼ titkellem għalik innifsek.” Imbagħad Pawlu għolla idu,+ beda d-​difiża tiegħu, u qal:+

2 “Sultan Agrippa, jien inħossni hieni li d-​difiża tiegħi dwar dak kollu li l-​Lhud qed jakkużawni+ bih se nagħmilha quddiemek illum, 3 speċjalment għax int espert fid-​drawwiet+ kollha tal-​Lhud kif ukoll fil-​kontroversji tagħhom. Għalhekk, nitolbok bil-​ħniena biex tismagħni bil-​paċenzja.

4 “Tabilħaqq, rigward il-​mod taʼ ħajja+ li bdejt ngħix sa minn żgħożiti fost ġensi u f’Ġerusalemm, il-​Lhud kollha 5 li kienu midħla tiegħi sa mill-​bidu jafu, jekk iridu jixhdu, li skond it-​tagħlim l-​iktar strett+ tar-​reliġjon tagħna jien għext bħala Fariżew.+ 6 Iżda issa ninsab imsejjaħ għal ġudizzju minħabba t-​tama+ tal-​wegħda+ li Alla għamel lil missirijietna; 7 meta fil-​fatt it-​tnax-il tribù tagħna qed jittamaw li jiksbu t-​twettiq taʼ din il-​wegħda billi b’ħeġġa kbira jagħtuh servizz sagru lejl u nhar.+ Dwar din it-​tama jien akkużat+ mil-​Lhud, O sultan.

8 “Għala qed tiġġudikawha bħala xi ħaġa li ma titwemminx, li Alla jqajjem il-​mejtin?+ 9 Veru, jien stess fija nnifsi kont naħseb li għandi nagħmel ħafna oppożizzjoni kontra l-​isem taʼ Ġesù n-​Nazzarenu; 10 u fil-​fatt hekk għamilt f’Ġerusalemm, u lil ħafna mill-​qaddisin tfajthom il-​ħabs,+ billi kont ngħatajt awtorità mill-​qassisin ewlenin;+ u meta kienu jingħataw il-​mewt, kont nivvota kontrihom. 11 Bosta drabi kont nikkastigahom fis-​sinagogi+ kollha biex nipprova nġegħelhom jiċħdu t-​twemmin tagħhom; u peress li kont mitluf bir-​rabja kbira li kelli għalihom, wasalt sal-​punt li nippersegwitahom saħansitra fi bliet oħra.

12 “Waqt li kont għaddej b’dan u kont qed nivvjaġġa lejn Damasku+ b’awtorità u ordnijiet mingħand il-​qassisin ewlenin, 13 O sultan, f’nofsinhar, jien u sejjer rajt dawl qawwi iktar mid-​dija tax-​xemx jiddi mis-​sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi.+ 14 U meta waqajna lkoll fl-​art smajt leħen jgħidli bil-​lingwa Ebrajka, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ toqmos kontra n-​niggieża se tweġġaʼ.’+ 15 Imma jien għedt, ‘Min int, Mulej?’ U l-​Mulej qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+ 16 Madankollu, qum u ieqaf fuq saqajk.+ Għax għalhekk dhertlek, biex nagħżlek bħala qaddej u xhud+ kemm taʼ dak li rajt u kemm taʼ dak li għad irrid nurik dwari; 17 waqt li neħilsek minn dan il-​poplu u mill-​ġnus, li qed nibagħtek għandhom,+ 18 biex tiftħilhom għajnejhom,+ iddawwarhom mid-​dlam+ għad-​dawl+ u mill-​awtorità taʼ Satana+ lejn Alla, u b’hekk jirċievu l-​maħfra tad-​dnubiet+ u wirt+ fost dawk imqaddsin+ bil-​fidi tagħhom fija.’

19 “Għaldaqstant, Sultan Agrippa, ma stajtx ma nobdix id-​dehra mis-​sema,+ 20 u ħadt il-​messaġġ l-​ewwel lil dawk f’Damasku,+ imbagħad lil dawk f’Ġerusalemm,+ u l-​pajjiż kollu tal-​Lhudija, u lill-​ġnus+ biex jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu għemejjel li jixirqu lill-​indiema.+ 21 Minħabba dan, xi Lhud ħatfuni taħt idejhom fit-​tempju u pprovaw joqtluni.+ 22 Madankollu, bl-​għajnuna+ li ksibt mingħand Alla, jien għadni sa llum nixhed kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar, u ma ngħid xejn ħlief dak li l-​Profeti+ kif ukoll Mosè+ qalu li se jseħħ, 23 li l-​Kristu kellu jbati+ u, bħala l-​ewwel wieħed li jiġi rxoxtat+ mill-​imwiet, kien se jxandar id-​dawl+ kemm lil dan il-​poplu kif ukoll lill-​ġnus.”+

24 Issa waqt li fid-​difiża tiegħu kien qed jgħid dan, Festu qallu b’leħen għoli: “Pawlu, int qed tiġġennen!+ Ħafna tagħlim qed iġennek!” 25 Imma Pawlu qallu: “M’iniex qed niġġennen, Wisq Eċċellenti Festu, imma b’moħħ f’loku qed ngħid il-​verità. 26 Fir-realtà, is-​sultan li qed nitkellem miegħu bil-​libertà tal-​kelma jafhom tajjeb dawn l-​affarijiet; għax jien persważ li xejn minnhom ma jaħrab l-​attenzjoni tiegħu, għax dan ma sarx f’xi rokna.+ 27 Int, Sultan Agrippa, temminhom il-​Profeti? Jien naf li temminhom.”+ 28 Imbagħad Agrippa qal lil Pawlu: “Dalwaqt tipperswadini biex insir Kristjan.” 29 Għal dan, Pawlu qallu: “Nitlob lil Alla li, sew jekk dalwaqt u sew jekk wara ħafna żmien, mhux int biss imma wkoll dawk kollha li qed jisimgħuni llum isiru bħali, ħlief għal dan l-​irbit.”

30 U s-​sultan qam, u qamu wkoll il-​gvernatur u Berniċe u l-​irġiel li kienu bil-​qiegħda magħhom. 31 Huma u sejrin bdew jitkellmu bejniethom u jgħidu: “Dan ir-​raġel m’hu qed jagħmel xejn li jistħoqqlu l-​mewt+ jew l-​irbit.” 32 Iktar minn hekk, Agrippa qal lil Festu: “Kieku dan ir-​raġel m’appellax+ għal quddiem Ċesari, setaʼ nħeles.”

27 Issa, meta kien ġie deċiż li kellna nsalpaw lejn l-​Italja,+ lil Pawlu u lil xi priġunieri oħrajn tawhom f’idejn fizzjal taʼ l-​armata li kien jismu Ġulju mill-​korp t’Awgustu. 2 Tlajna abbord fuq ġifen t’Adramitti, li kien sejjer lejn postijiet tul il-​kosta tad-​distrett taʼ l-​Asja, u salpajna, u magħna kien hemm Aristarku,+ Maċedoni minn Tessalonika. 3 U l-​għada nżilna Sidon, u Ġulju wera qalb tajba+ maʼ Pawlu u ħallieh imur ħdejn ħbiebu biex jieħdu ħsiebu.+

4 U tlaqna bil-​baħar minn hemmhekk u salpajna għall-​kenn taʼ Ċipru, għax l-​irjieħ kienu kontrina; 5 u għaddejna minn baħar miftuħ tul iċ-​Ċiliċja u l-​Pamfilja u dħalna fil-​port taʼ Mira fil-​Liċja. 6 Hemmhekk il-​fizzjal taʼ l-​armata sab ġifen minn Lixandra+ li kien sejjer l-​Italja, u ġegħelna nitilgħu abbord. 7 Imbagħad, wara li baħħarna bil-​mod għal ħafna jiem u ġejna Knidu bit-​tbatija, għax ir-​riħ ma ħalliniex nibqgħu sejrin, għaddejna għall-​kenn taʼ Kreta min-​naħa taʼ Salmone, 8 u bi tbatija bqajna sejrin mal-​kosta tagħha u ġejna f’post jgħidulu l-​Portijiet is-​Sbieħ, li qribu kien hemm il-​belt taʼ Lasegħa.

9 Peress li kien għadda ħafna żmien u issa kien sar perikoluż li tbaħħar, għax anki s-​sawm taʼ jum it-​tpattija*+ kien għadda, Pawlu għamel suġġeriment 10 u qalilhom: “Irġiel, qed nara li t-​tbaħħir se jkun taʼ ħsara u telf kbir mhux biss għat-​tagħbija u l-​ġifen imma wkoll għal ħajjitna.”*+ 11 Madankollu, il-​fizzjal taʼ l-​armata iktar ta kas taʼ dak li qalulu l-​kaptan tal-​ġifen u sid il-​ġifen milli taʼ dak li qallu Pawlu. 12 Issa billi l-​port ma kienx tajjeb biex ngħaddu x-​xitwa fih, il-​maġġuranza kienu tal-​parir li jsalpaw minn hemmhekk, biex jaraw jekk b’xi mod setgħux jaslu Feniċe, port fi Kreta li jiftaħ lejn il-​grigal u lejn ix-​xlokk, sabiex jgħaddu x-​xitwa hemmhekk.

13 Għaldaqstant, meta qam riħ ħafif min-​nofsinhar, ħasbu li l-​iskop tagħhom kien se jirnexxi u refgħu l-​ankra u bdew għaddejjin qrib il-​kosta taʼ Kreta. 14 Madankollu, wara ftit tal-​ħin, minn fuq il-​gżira qam riefnu+ qawwi li jgħidulu Grigal. 15 Il-ġifen inħakem bl-​aħrax u ma setax iżomm il-​pruwa kontra r-​riħ, u għalhekk ċedejna u ħallejna r-​riħ iġorrna. 16 Issa b’ġirja waħda ġejna għall-​kenn taʼ gżira żgħira jisimha Kawda, u bilkemm stajna naqbdu l-​frejgatina+ taʼ mal-​poppa. 17 Wara li tellgħuha abbord bdew jużaw tagħmir biex jorbtu l-​ġifen minn taħt; u peress li beżgħu li jinkaljaw fuq is-​Sirti,* niżżlu l-​armar, u b’hekk intelqu mal-​kurrent. 18 It-tempesta bdiet titfagħna ’l hemm u ’l hawn b’qawwa kbira, u minħabba f’hekk, l-​għada bdew iħaffu+ l-​ġifen; 19 u fit-​tielet jum irmew it-​tagħmir tal-​ġifen b’idejhom stess.

20 Issa, meta x-​xemx u l-​kwiekeb kienu ilhom ma jidhru bosta jiem, u peress li t-​tempesta+ li qabditna ma kinitx żgħira, kull tama li niġu salvati fl-​aħħar għabet. 21 U wara li kienu ilhom ħafna ma jduqu xi ħaġa taʼ l-​ikel, Pawlu qam f’nofshom+ u qalilhom: “Irġiel, kien imisskom ħadtu l-​parir tiegħi u ma tlaqtux minn Kreta, u b’hekk ġarrabtu din il-​ħsara u dan it-​telf.+ 22 Imma issa nissuġġerilkom tagħmlu l-​qalb, għax l-​ebda ruħ minnkom m’hi se tintilef, imma l-​ġifen biss se jintilef. 23 Għax dan il-​lejl ġie ħdejja anġlu+ taʼ l-​Alla li jien tiegħu u li lilu nagħti servizz sagru,+ 24 u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Int trid tidher quddiem Ċesari,+ u, ara, Alla se jeħlislek lil dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek.’ 25 Għalhekk, irġiel, agħmlu l-​qalb; għax jien nemmen lil Alla+ li kollox se jsir eżatt kif intqalli. 26 Madankollu, irridu niġu mitfugħin fuq ix-​xatt taʼ ċerta gżira.”+

27 Issa meta wasal l-​erbatax-il lejl u konna qed niġu mitfugħin ’l hemm u ’l hawn fuq il-​Baħar t’Adrija,* f’nofsillejl il-​baħrin bdew jissuspettaw li qed jersqu qrib xi art. 28 U skandaljaw il-​fond tal-​baħar u sabuh għoxrin qama; imbagħad wara distanza qasira reġgħu skandaljaw u sabuh ħmistax-il qama. 29 U peress li beżgħu li niġu mitfugħin xi mkien fuq il-​blat, tefgħu erbaʼ ankri mill-​poppa u bdew jixtiquh jisbaħ. 30 Imma meta l-​baħrin bdew jipprovaw jaħarbu mill-​ġifen u niżżlu l-​frejgatina fil-​baħar bl-​iskuża li kien bi ħsiebhom iniżżlu l-​ankri mill-​pruwa, 31 Pawlu qal lill-​fizzjal taʼ l-​armata u lis-​suldati: “Jekk dawn l-​irġiel ma jibqgħux fuq il-​ġifen, intom ma tistgħux tiġu salvati.”+ 32 Imbagħad is-​suldati qatgħu l-​ħbula tal-​frejgatina+ u ħallewha taqaʼ.

33 X’ħin kien wasal biex jisbaħ, Pawlu beda jħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu xi ħaġa taʼ l-​ikel, u qalilhom: “Illum hu l-​erbatax-il jum li ilkom għassa u għadkom bla ikel, għax ma ħadtu xejn. 34 Għalhekk, inħeġġiġkom biex tieklu xi ħaġa, għax dan jiswa għas-​sigurtà tagħkom; għax lanqas xagħra+ waħda minn ras wieħed minnkom ma se tintilef.” 35 Wara li qal dan, ħa ħobża, radd ħajr+ lil Alla quddiemhom ilkoll, qasamha, u beda jiekol. 36 Għaldaqstant, ilkoll għamlu l-​qalb u bdew jieħdu xi ħaġa taʼ l-​ikel. 37 B’kollox fil-​ġifen konna mitejn u sitta u sebgħin ruħ. 38 Meta xebgħu bl-​ikel, bdew iħaffu+ l-​ġifen billi tefgħu l-​qamħ il-​baħar.

39 Fl-aħħar, meta sebaħ, ma setgħux jagħrfu l-​art imma raw bajja bi xtajta, u kienu determinati li, jekk jistaʼ jkun, jitfgħu+ l-​ġifen fuqha. 40 Għalhekk, qatgħu l-​ankri u ħallewhom jaqgħu l-​baħar; fl-​istess waqt, ħallew l-​irbit taʼ l-​imqadef tat-​tmun u, wara li tellgħu l-​qalaʼ taʼ quddiem għar-​riħ, ġibdu lejn ix-​xtajta. 41 Meta ħabtu maʼ sikka bejn żewġ kurrenti, inkaljaw il-​ġifen u l-​pruwa weħlet u ma ċċaqalqitx, imma l-​poppa bdiet titfarrak biċċiet bil-​qawwa tal-​baħar.+ 42 Minħabba f’hekk, is-​suldati riedu joqtlu lill-​priġunieri, biex ħadd ma jaħrab bl-​għawm. 43 Imma l-​fizzjal taʼ l-​armata xtaq li jwassal lil Pawlu qawwi u sħiħ u ma ħallihomx iwettqu l-​għan tagħhom. U ordna lil dawk li kienu jafu jgħumu biex jintefgħu l-​baħar u jkunu l-​ewwel li jaslu l-​art, 44 u lill-​bqija ordnalhom jaslu l-​art, min fuq twavel u min fuq xi bċejjeċ mill-​ġifen. U b’hekk kulħadd wasal l-​art qawwi u sħiħ.+

28 Meta salvajna mill-​għarqa, sirna nafu li l-​gżira kien jisimha Malta.+ 2 U n-​nies li kienu jitkellmu bi lsien barrani wrewna qalb tajba li ma bħalha,+ għax qabbdu n-​nar u laqgħuna lkoll u tawna l-​għajnuna minħabba li kienet nieżla x-​xita u kien il-​ksieħ.+ 3 U x’ħin Pawlu ġabar qabda ħatab u tefgħu fin-​nar, ħarġet lifgħa minħabba s-​sħana u qabdet maʼ idu. 4 Meta n-​nies tal-​post raw il-​ħliqa velenuża mdendla maʼ idu, bdew jgħidu lil xulxin: “Żgur li dan ir-​raġel hu xi qattiel, għax għalkemm salva mill-​għarqa, il-​ġustizzja pattithielu u ma ħallitux jibqaʼ jgħix.” 5 Madankollu, hu farfar il-​ħliqa velenuża fin-​nar u ma ġralu xejn.+ 6 Imma huma kienu qed jistennewh jintefaħ b’infjammazzjoni jew jaqaʼ u jmut f’daqqa. Wara li stennew għal ħin twil u raw li ma ġratlu ebda ħsara, biddlu fehmithom u bdew jgħidu li kien xi alla.+

7 Issa viċin dak il-​post kien hemm l-​artijiet tal-​ħâkem tal-​gżira, li kien jismu Publiju; u dan laqagħna bl-​ospitalità u żammna tlett ijiem għandu minn qalbu. 8 U ġara li missier Publiju kien mixħut, maħkum mid-​deni u mid-​disenterija, u Pawlu daħal ħdejh u talab, qiegħed idejh+ fuqu u fejqu.+ 9 Wara li ġara dan, anki l-​bqija tan-​nies tal-​gżira li kellhom xi mard bdew jiġu għandu u jitfejqu.+ 10 U onorawna wkoll b’ħafna għotjiet u, meta konna se nsalpaw, għabbewlna dak li kellna bżonn.

11 Tliet xhur wara salpajna fuq ġifen minn Lixandra+ li kien għadda x-​xitwa fil-​gżira u li kellu fil-​pruwa s-​simbolu taʼ “Wlied Żews.” 12 U dħalna fil-​port taʼ Sirakuża fejn bqajna tlett ijiem, 13 u minn hemmhekk dorna u wasalna Reġġju. L-​għada qam riħ min-​nofsinhar u wasalna Putijoli fit-​tieni jum. 14 Hawnhekk sibna l-​aħwa, u dawn talbuna bil-​ħrara biex nibqgħu magħhom sebat ijiem. U hekk tlaqna lejn Ruma. 15 Meta l-​aħwa t’hemmhekk semgħu bina ġew jiltaqgħu magħna sa ħdejn is-​Suq t’Appju u t-​Tliet Taverni u, malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-​kuraġġ.+ 16 Meta fl-​aħħar dħalna Ruma, Pawlu tħalla+ jgħix waħdu bis-​suldat għassa miegħu.

17 Madankollu, tlett ijiem wara sejjaħ flimkien lill-​kbarat tal-​Lhud. Meta nġemgħu, qalilhom: “Irġiel, aħwa, għalkemm m’għamilt xejn kontra l-​poplu jew id-​drawwiet taʼ missirijietna,+ minn Ġerusalemm ngħatajt bħala priġunier f’idejn ir-​Rumani.+ 18 U wara li interrogawni,+ dawn xtaqu jeħilsuni,+ għax ma kien hemm ebda raġuni għalxiex joqtluni.+ 19 Imma meta l-​Lhud baqgħu jiħduha kontra dan, kelli nappella+ għal quddiem Ċesari, imma mhux għax kelli xi ħaġa fuqiex nakkuża lil ġensi. 20 Kien għalhekk li tlabt bil-​ħrara biex narakom u nkellimkom, għax minħabba t-​tama+ taʼ Israel jien marbut b’din il-​katina.”+ 21 Qalulu: “La rċivejna ittri dwarek mil-​Lhudija, u lanqas ħadd mill-​aħwa li wasal ma rrapporta jew qal xi ħaġa ħażina dwarek. 22 Imma naħsbu li hu xieraq li nisimgħu mingħandek kif taħsibha, għax fil-​fatt aħna nafu li din is-​setta+ kullimkien jitkellmu kontriha.”+

23 Issa ftiehmu miegħu dwar il-​ġurnata, u ġew għandu fejn kien joqgħod u l-​għadd tagħhom kien akbar minn qabel. U minn fil-​għodu sa fil-​għaxija, spjegalhom dwar dan billi tahom xiehda bir-​reqqa dwar is-​saltna t’Alla+ u billi pprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-​liġi taʼ Mosè+ u kemm mill-​Profeti.+ 24 U xi wħud bdew jemmnu+ dak li ntqal, imma oħrajn m’emmnux.+ 25 Għalhekk, peress li ma kinux qed jaqblu bejniethom, bdew jitilqu. Imbagħad Pawlu għamel dan il-​kumment:

“Sewwa qal l-​ispirtu qaddis lil missirijietkom permezz tal-​profeta Isaija, 26 meta qal, ‘Mur għand dan il-​poplu u għidlu: “Tisimgħu kemm tisimgħu żgur ma tifhmux; u tħarsu kemm tħarsu żgur ma tarawx.+ 27 Għax qalb dan il-​poplu ma tqanqlitx, u semgħu b’widnejhom imma ma rreaġixxewx, u għalqu għajnejhom; hekk qatt m’huma se jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu dan b’qalbhom u jduru lura, u jien infejjaqhom.”’+ 28 Għalhekk, kunu afu li dan il-​mezz li bih Alla jsalva ntbagħat lill-​ġnus;+ u huma żgur jisimgħuh.”+ 29* ——

30 U baqaʼ sentejn sħaħ fid-​dar li kien kera,+ u b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; 31 u kien jippriedka s-​saltna t’Alla u jgħallem fuq il-​Mulej Ġesù Kristu bl-​akbar libertà tal-​kelma+ u bla tfixkil.

Is-Sabat kien minn inżul ix-​xemx tal-​Ġimgħa sa nżul ix-​xemx tas-​Sibt. Ara Eżo 16:23, in-​nota taʼ taħt.

Din id-​distanza kienet taʼ madwar 2,000 kubitu (890 metru). Qabbel Ġoż 3:4.

Jew, “dawk li kkonvertew u saru Lhud.”

Madwar id-​9 a.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Letteralment, “laħmi.”

Bil-Grieg, “Ħades.” F’vers 31 ukoll. Ara Appendiċi 4.

Letteralment, “wieħed minn frott ġenbejh.” Ara Ġen 35:11, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 2:4, in-​nota taʼ taħt.

Madwar it-​3 p.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Ara Lq 3:1, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “wieħed li kkonverta u sar Lhudi.”

Ara Ġen 46:20, 27, in-​noti taʼ taħt.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

“Dorka” hu l-​istess bħal “Tabita” (bl-Aramajk); it-​tnejn ifissru “Għażżiela.”

Madwar it-​3 p.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx. F’vers 30 ukoll.

Madwar nofsinhar, tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Jiġifieri, Erodi Agrippa I.

Jew, “dawk li kkonvertew u saru Lhud.”

Forma Ebrajka taʼ l-​isem Xmun (Pietru). Ara Mt 10:2, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

“Il-​Maċedonja” kien l-​isem taʼ provinċja Rumana. Il-​ġrajjiet Bibliċi konnessi mal-​Maċedonja seħħew fit-​territorju tal-​Greċja taż-​żmien modern.

Għolja f’Ateni tal-​qedem, fejn kienet ukoll tiltaqaʼ l-​qorti suprema.

Il-provinċja Rumana tan-​nofsinhar tal-​Greċja bil-​belt kapitali tagħha f’Korintu.

Il-port taʼ Korintu għar-​reġjuni tal-​lvant.

Mid-dehra, lejn Ġerusalemm.

Jew, “ruħu.”

Madwar id-​9 p.m., tibda tgħodd minn inżul ix-​xemx.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

Jiġifieri, tal-​Lhudija, b’Ċesarija bħala r-​residenza tal-​gvernatur.

Jiġifieri, Erodi Agrippa II.

Oħt Erodi Agrippa II.

It-titlu taʼ Neruni Ċesari, ir-​rabaʼ imperatur wara Ottavjanu, li kien l-​ewwel wieħed li kellu dan it-​titlu.

Jew, “is-​sawm tal-​ħarifa.”

Letteralment, “ruħna.”

Żewġ golfijiet kbar u baxxi, mimlijin ramel taħt wiċċ l-​ilma u li dejjem jiċċaqlaq, fil-​kosta tal-​Libja, l-​Afrika taʼ Fuq.

Dak iż-​żmien il-​Baħar t’Adrija kien jinkludi l-​ibħra li llum huma magħrufin bħala l-​Baħar Adrijatiku, il-​Baħar Jonju, u dik il-​parti mill-​Baħar Mediterran taʼ bejn Sqallija u Kreta.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja