1 L-Isem Divin fl-Iskrittura Ebrajka u fl-Iskrittura Griega Kristjana
“Ġeħova.” Ebrajk, יהוה (JĦWH jew JHVH)
“Ġeħova” (Ebr., יהוה, JĦWH), l-isem persunali t’Alla, jidher għall-ewwel darba f’Ġen 2:4. L-isem divin huwa verb, il-forma kawżattiva, l-istat imperfett, tal-verb Ebrajk הוה (hawah, “isir”). Għaldaqstant, l-isem divin ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Dan juri lil Ġeħova bħala l-Wieħed li, b’azzjoni progressiva, iġiegħel lilu nnifsu jsir Dak li jwettaq il-wegħdi tiegħu, il-Wieħed li dejjem iwettaq l-iskopijiet tiegħu.
L-akbar insult li jagħmlu t-tradutturi taʼ llum lill-Awtur Divin taʼ l-Iskrittura Mqaddsa huwa li jneħħu jew jaħbu l-isem persunali tiegħu, isem li jistħoqq lilu biss. Fil-fatt, fit-test Ebrajk l-isem t’Alla jidher 6,828 darba bħala יהוה (JĦWH jew JHVH), li ġeneralment jissejjaħ it-Tetragrammaton (kelma li letteralment tfisser “b’erbaʼ ittri”). Billi użajna l-isem “Ġeħova,” aħna żammejna qrib mat-testi tal-lingwi oriġinali u ma żammejniex mal-prattika li jintużaw titli bħal “Mulej,” “il-Mulej,” “Adonaj” jew “Alla” minflok l-isem divin, it-Tetragrammaton.
L-isem “Ġeħova” jidher 6,973 darba fit-test taʼ l-Iskrittura Ebrajka tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Fil-fatt, it-Tetragrammaton jidher madwar 6,828 darba fit-test Ebrajk, fosthom tliet darbiet fejn l-isem t’Alla jidher magħqud maʼ kliem ieħor (Ġen 22:14; Eżo 17:15; Mħ 6:24) u sitt darbiet fis-sopraskrizzjonijiet tas-Salmi (7:sup; 18:sup [3 darbiet]; Sa 36:sup; 102:sup). Aħna ttraduċejna t-Tetragrammaton bħala “Ġeħova” fis-6,828 darba kollha minbarra fi Mħ 19:18, fejn il-pronom taʼ l-ewwel persuna fis-singular “tiegħi” ntuża minflok l-isem divin. Iktar minn hekk, billi bbażajna fuq dak li hemm miktub fis-Settanta, aħna rġajna poġġejna t-Tetragrammaton f’Dt 30:16; it-2Sa 15:20 u t-2Kr 3:1. Ukoll, erġajna poġġejna l-isem divin f’Is 34:16 u Żak 6:8 fejn suppost hemm l-isem “Ġeħova” minflok il-pronom fl-ewwel persuna singular “tiegħi.” L-isem divin reġaʼ tpoġġa wkoll f’141 post fejn is-Soferim bidluh f’Adonaj jew Eloħim.
Sabiex nevitaw li noħorġu mill-konfini tat-tradutturi u nidħlu fil-qasam tat-tifsir tas-sens (eseġesi), aħna qgħadna attenti ferm dwar kif inpoġġu l-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana, u dejjem ikkunsidrajna bir-reqqa l-Iskrittura Ebrajka bħala bażi. Sabiex naqblu, użajna verżjonijiet disponibbli taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bl-Ebrajk biex nikkonfermaw it-traduzzjoni tagħna.
It-Tetragrammaton bl-ittri Ebrajċi (יהוה) intuża kemm fit-test Ebrajk kif ukoll fis-Settanta Griega. Għaldaqstant, meta Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jaqraw l-Iskrittura sew bl-Ebrajk u sew bil-Grieg, huma kienu jiltaqgħu maʼ l-isem divin. Fis-sinagoga ġewwa Nazaret, meta Ġesù qam u ħa l-ktieb taʼ Isaija u qara kapitlu Is 61:1, 2 fejn jintuża t-Tetragrammaton, hu lissen l-isem divin. Dan kien fi qbil mad-determinazzjoni tiegħu biex jgħarraf l-isem taʼ Ġeħova bħalma jidher mit-talba tiegħu lil Missieru: “Urejt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja. . . . Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu.”—Ġw 17:6, 26.
Aħna ttraduċejna l-isem divin 237 darba fit-traduzzjoni tagħna taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Għal kull wieħed mill-237 post li fih erġajna poġġejna l-isem t’Alla fit-test prinċipali sibna qbil f’diversi verżjonijiet Ebrajċi.