Ir-Ritorn Taʼ L-Għasfur Kbir Abjad
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-ĠAPPUN
BI STIKKA f’idejhom, l-irġiel erħewlha biex isawtu l-għasafar bojod sbieħ ħalli joqtluhom, wieħed wieħed. L-għasafar kienu l-albatross. L-irġiel: Hanemon Tamaoki u l-kompliċi tiegħu. Il-post: Torishima, gżira xi 600 kilometru fin-Nofsinhar taʼ Tokyo. Is-sena kienet l-1887.
Tamaoki kien ippjana dan għal snin sħaħ. Kien hemm domanda kbira għal rix artab għas-saqqijiet kemm f’pajjiżu u kemm barra, u Torishima kienet gżira mwarrba li l-uniċi abitanti tagħha kienu dawn l-eluf taʼ albatross li kienu jiġu regolarment biex ibejtu. Fosthom kien hemm l-albatross taʼ denbu qasir, li Tamaoki sabu speċjalment attraenti. Kien l-akbar għasfur tal-baħar taʼ l-Emisferu tat-Tramuntana. Ipprova immaġina kemm-il rixa kellu biex jgħatti ġisem mibrum li kien jiżen madwar 8 kilogrammi u li bil-ġwienaħ miftuħin kellu tul taʼ iktar minn żewġ metri u nofs! Iktar minn hekk, dan l-għasfur kien mans u ma kienx jipprova jaħrab saħansitra meta jkun fil-periklu.
Tamaoki ġab daqs 300 ħaddiem fil-gżira biex jgħinuh joqtol u jnittef l-għasafar. Huma bnew villaġġ u ferrovija biex jittrasportaw l-għasafar mejtin. Dik l-intrapriża kienet tant effiċjenti li Tamaoki malajr sar sinjur kbir—billi qatel madwar ħames miljun għasfur. Il-qerda kienet tant kbira li meta żbroffa l-vulkan tal-gżira fl-1902, u qered il-villaġġ u l-abitanti kollha tiegħu, xi wħud qisuha bħala “saħta talli qatlu l-albatross.” Minkejja dan, is-sena taʼ wara, l-irġiel reġgħu ġew, biex ifittxu l-għasafar li kien għad baqaʼ.
Daqs 1500 kilometru ’l bogħod fiċ-China Sea tal-Lvant, fuq ftit gżejjer kollhom blat u diżabitati bejn Tajwan u Okinawa, kien hemm raġel li jismu Tatsushiro Koga li kien qed jagħmel l-istess negozju biex jistagħna. Bħal Tamaoki, Koga sab li l-provista tiegħu t’għasafar malajr bdiet tonqos. Fl-aħħar, telaq mill-gżira fl-1900—wara li kien diġà qatel madwar miljun albatross.
Riżultat Traġiku Minħabba r-Regħba
Dik il-qerda taʼ l-għasafar fuq skala kbira kienet traġedja b’konsegwenzi koroh. Mid-diversi speċi taʼ l-albatross, tlieta jgħixu fil-Paċifiku tat-Tramuntana, fuq medda t’art prinċipali fejn ibejtu fuq il-gżejjer imqaxqxin minn Tamaoki u Koga. Wieħed minnhom, l-albatross taʼ denbu qasir (Diomedea albatrus), milli jidher ma kien ibejjed fl-ebda art oħra fid-dinja.
Xi darba l-albatross kien meqjus b’reverenza profonda mill-baħħara li jkunu bejn sema u ilma. Leġġendi u għajdut tal-baħar jiddeskrivuh bħala l-ħabbâr taʼ l-irjieħ, tan-nida, u taċ-ċpar. Iżda, m’hijiex xi leġġenda li l-ġwienaħ twal b’mod straordinarju taʼ dan l-għasfur kbir abjad jagħmluh kapaċi jtir fl-għoli minn naħa għall-oħra taʼ l-oċean fi ftit ġranet biss, u li jivvjaġġa l-biċċa l-kbira tal-ħin fir-riħ bil-ġwienaħ bilkemm jiċċaqalqu. M’hemm ħadd li għandu abbiltà daqsu li jigglajdja u jibqaʼ fuq il-baħar għal perijodi twal taʼ ħin.
Għalkemm l-albatross jistaʼ jtir fl-għoli bil-grazzja, il-moviment tiegħu fuq l-art hu bil-mod u bla grazzja. Il-ġwienaħ twal u l-ġisem daqsxejn mibrum tiegħu jżommuh milli jaqbad itir malajr. Dan, flimkien maʼ li ma tgħallimx jibżaʼ mill-bniedem, għamel lil dan l-għasfur priża faċli. Minħabba dan, in-nies tawh ismijiet bħal l-għasfur gooney jew mollymawk.a
Nies irresponsabbli li ġew imqanqlin mill-għarfien li l-albatross mejtin iġibu l-flus, baqgħu jieħdu gost jeqirduhom. Skond stħarriġ ġie rrivelat li sa l-1933, kien hemm inqas minn 600 għasfur f’Torishima. Il-gvern Ġappuniż, ma kellux triq oħra ħlief li jiddikjara li ma jħallix lin-nies imorru iżjed fuq il-gżira. Imma rġiel bla skruplu ġrew lejn il-gżira biex joqtlu kemm jifilħu għasafar qabel ma bdiet isseħħ il-projbizzjoni. Sa l-1935, skond wieħed espert, kien għad baqaʼ biss 50 għasfur. Fl-aħħar, l-albatross taʼ denbu qasir kellu jiġi ddikjarat bħala estint. X’riżultat traġiku tar-regħba tal-bniedem! Imma kienet ġejja sorpriża kbira.
Ir-Ritorn Jibda
Lejla waħda fl-1951, raġel li kien qed jixxabbat mal-blat taʼ Torishima nħasad bi ħsejjes għal għarrieda. Sab ruħu wiċċ imbwiċċ maʼ albatross! L-albatross taʼ denbu qasir kien b’xi mod salva u kien qed jerġaʼ jbejjed f’Torishima. Iżda, din id-darba l-għasafar kienu qed jagħmlu l-bejta tagħhom fuq telgħa wieqfa li kważi impossibbli biex tintlaħaq min-nies. U mid-dehra kienu iktar kawti f’konnessjoni mal-bnedmin. Min jaf kemm ferħu dawk li jħobbu n-natura!
Il-gvern Ġappuniż aġixxa fil-pront. Dawn ħawlu x-xitla tal-pampas biex jagħmlu l-art iktar soda għall-bejtiet u pprojbew lin-nies milli jmorru Torishima. L-albatross ġie ddikjarat teżor nazzjonali u sar għasfur protett b’mod internazzjonali.
Hiroshi Hasegawa, taʼ l-Università Toho tal-Ġappun, ilu jistudja dawn l-għasafar mill-1976 u issa jżur il-gżira tliet darbiet fis-sena biex jagħmel xi stħarriġ dwarhom. Hu qal lil Stenbaħ! li billi f’saqajhom l-għasafar ilibbsilhom ċurkett taʼ kulur differenti kull sena, kien skopra li darba biss fi tlieta jew erbaʼ snin l-albatross taʼ denbhom qasir kienu jmorru lura fil-post fejn twieldu biex ibejtu. L-ewwel darba li jbejtu jkollhom sitt snin u jbidu sempliċement bajda waħda kull darba. Għalhekk, saħansitra b’għomor taʼ bejn wieħed u ieħor 20 sena, jieħu żmien twil biex in-numru tagħhom jiżdied. Mill-176 bajda li biedu l-albatross f’Torishima matul ix-xitwa taʼ l-1996/97, 90 biss faqqsu.
X’jagħmlu l-albatross fil-kumplament tal-ħin? Hasegawa jgħid li ftit huwa magħruf dwar dan. Huma definittivament jevitaw l-art u n-nies. Veru li l-albatross isegwu l-vapuri u jillandjaw fuqhom? Din m’hijiex ħlief leġġenda mingħajr ebda evidenza li tappoġġjaha, skond Hasegawa. Hu jgħid li jinsab ċert li “l-albatross Ġappuniżi ma jillandjawx fuq vapuri.” Imma jżid li xi mkien ieħor fid-dinja, “xi għasafar għandhom mnejn jinżlu fuq il-vapuri għal ftit tal-ħin jekk jiġu mitmugħin.” Fil-maġġur parti tal-ħin, jagħmlu dak li l-iktar kapaċi jagħmlu—jitilgħu ’l fuq mill-kurrenti taʼ l-arja favorevoli u jimirħu fuq l-oċean vast. Meta jkunu għajjenin, jorqdu fuq wiċċ il-baħar. Jieklu klamari, ħut li jaqbeż mill-ilma, granċijiet, u gambli. L-għasafar li Hasegawa kien għamlilhom iċ-ċrieket jintlemħu fil-Bering Sea u fil-Golf taʼ l-Alaska. U fl-1985 id-dehra taʼ albatross taʼ denbu qasir ’il barra mill-kosta taʼ Kalifornja—l-ewwel darba kważi f’seklu—verament ikkaġunat eċċitament fost dawk li josservaw l-għasafar hemmhekk.
Xi Ngħidu għall-Futur?
L-aspett pożittiv hu li l-albatross taʼ denbhom qasir iktar ma jmorru qed jiżdiedu. F’Mejju li għadda, Hasegawa kkalkula li kien hemm “iktar minn 900 inklużi l-flieles.” Hu żied: “Sas-sena 2000, għandu jkollna ’l fuq minn 1,000 għasfur f’Torishima biss, u ’l fuq minn 100 fellus li jitwieldu kull sena.” Huwa kommoventi wkoll il-fatt li, fl-1988, wara 88 sena, kienu dehru li qed jerġgħu jbejtu fiċ-China Sea tal-Lvant. L-għasafar kienu għażlu post imwarrab kollu blat f’territorju kontroversjali, li għandu jassiguralhom sigurezza għal ftit żmien min-nies.
L-iżbalji taʼ mijiet taʼ snin ilu bil-mod il-mod qed jiġu kkoreġuti. Veru dan? Riċerkaturi taʼ spiss isibu li meta jaqbdu l-għasafar biex ilibbsulhom iċ-ċrieket, dawn jippanikkjaw u jirremettu. Mill-istonku tagħhom joħorġu biċċiet tal-plastik, lajters tas-sigaretti tal-plastik, u imbarazz ieħor li n-nies qed jarmu bi traskuraġni ġo l-oċean, minn fejn jieklu l-għasafar.
Sejrin il-bnedmin bin-nuqqas t’għaqal tagħhom iwasslu lill-għasfur kbir abjad biex kważi jerġaʼ jasal għall-estinzjoni?
[Noti taʼtaħt]
a “‘Gooney’ oriġinalment kienet ‘goney,’ il-kelma bl-Ingliż antik għal xi ħadd stupidu . . . ‘Mollymawk,’ ukoll ‘mollyhawk,’ jew sempliċement ‘molly,’ ġejja mill-kelma Olandiża ‘mallemok,’ li tfisser gawwija stupida.” (Birds of the World, taʼ Oliver L. Austin, Jr.) Bil-Ġappuniż it-terminu ahodori, li jfisser “għasfur iblah,” issostitwixxa l-isem antik li jfisser “għasfur kbir abjad.”
[Stampa fʼpaġna 16]
Torishima, id-dar taʼ l-albatross taʼ denbu qasir
[Stampa fʼpaġna 16, 17]
Il-ġwienaħ irqaq u twal taʼ l-albatross jagħmluh kapaċi jkun l-aqwa glajder tad-dinja
[Stampa fʼpaġna 17]
L-albatross taʼ denbu qasir reġaʼ għamel ir-ritorn tiegħu f’Torishima