LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 7/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-​dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​dinja
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Instabet Toqba taʼ Daqs Rekord fil-​Faxx taʼ l-​Ożonu fuq l-​Antartiku
  • Kif it-​Te Aħdar Jistaʼ Jiġġieled Kontra ċ-​Ċelloli tal-​Kanċer
  • Eau de Metro?
  • Sena taʼ Temperatura Għolja Globalment
  • ‘Gwerra Bierda’ Ġdida
  • It-​Tfal u l-​Gdim tal-​Klieb
  • Problema tal-​Piż
  • L-​Edukazzjoni u r-​Rata taʼ l-​Imwiet tat-​Trabi
  • Qed Tinkiser il-​Libertà Reliġjuża fl-​Ewropa
  • Kif Tgħallem lill-Kelb Tiegħek
    Stenbaħ!—2004
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2002
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—1999
g99 7/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​dinja

Instabet Toqba taʼ Daqs Rekord fil-​Faxx taʼ l-​Ożonu fuq l-​Antartiku

F’Settembru taʼ l-​1998, it-​toqba li qed tifforma kull sena fil-​faxx taʼ l-​ożonu fuq l-​Antartiku laħqet daqs rekord, tirrapporta The UNESCO Courier. Ritratti tas-​satellita wrew li t-​toqba kienet kibret madwar darbtejn u nofs iktar mid-​daqs taʼ l-​Ewropa. Il-​faxx taʼ l-​ożonu fl-​istratosfera jipproteġi l-​ħlejjaq ħajjin u l-​ekosistemi tad-​dinja mir-​radjazzjoni ultravjola tax-​xemx. Żjieda fir-​radjazzjoni tiggrava r-​riskju taʼ ħruq fil-​ġilda, kanċer tal-​ġilda, u katarretti, jinnota r-​rapport. Jingħad li l-​Chlorofluorocarbons (CFCs), li jintużaw biex ikessħu u biex jitfgħu l-​isprej, huma kawża prinċipali għall-​ħsara fil-​faxx taʼ l-​ożonu. Fl-​1987, f’konferenza ġewwa Montreal, 165 pajjiż wegħdu li ma jibqgħux jużawhom iktar. Minkejja dan, The UNESCO Courier tosserva li “jridu jgħaddu minn taʼ l-​inqas 60 sena biex is-​CFCs jisparixxu kompletament mill-​istratosfera.”

Kif it-​Te Aħdar Jistaʼ Jiġġieled Kontra ċ-​Ċelloli tal-​Kanċer

Xi studji jindikaw li min jixrob it-​te aħdar għandu inqas tendenza li jaqbdu kanċer u li anki l-​annimali li jingħataw dan it-​te jiksbu benefiċċji simili. Dan l-​aħħar, xi riċerkaturi fl-​Università taʼ Purdue fl-​Indjana, ġewwa l-​Istati Uniti, skoprew x’tistaʼ tkun parti mir-​raġuni, tirrapporta s-​Science News. L-​Epigallocatechin gallate (EGCg), sustanza li tinsab fit-​te aħdar, iżżomm lura l-​enzim partikulari li huwa meħtieġ biex jinqasmu ċ-​ċelloli tal-​kanċer. Mid-​dehra, l-​EGCg m’għandhiex l-​istess effett fuq il-​qsim fiċ-​ċelloli normali. It-​te iswed, dak li jixorbu 80 fil-​mija tan-​nies fid-​dinja, fih konċentrazzjoni iżgħar taʼ EGCg. Dan il-​fatt, jgħidu r-​riċerkaturi, jistaʼ jispjega għaliex it-​te iswed meta mqabbel mat-​te aħdar huwa biss bejn wieħed sa għaxra fil-​mija effettiv f’li jwaqqaf ir-​reazzjoni taʼ l-​enzim f’ċelloli tal-​kanċer żviluppati fil-​laboratorju.

Eau de Metro?

Xi uffiċjali tat-​trasport fi Franza introduċew fwieħa ġdida biex itejbu r-​riħa xejn pjaċevoli tas-​sistema tal-​ferrovija taʼ taħt l-​art f’Pariġi. Il-​fwieħa, imsemmija Madeleine għal waħda mill-​istazzjonijiet tal-​Metro, qed tiġi miżjuda mal-​prodotti tat-​tindif użati mis-​sistema, jirrapporta s-​servizz taʼ l-​aħbarijiet Reuters. Id-​direttur tal-​Metro, Jacques Rapoport, spjega li l-​isforz irrikjeda ħames snin taʼ riċerka u żvilupp. “Kellna nsibu riħa ħelwa minflok waħda qawwija, li ddum ġimagħtejn u li toħloq sens taʼ ndafa u saħħa,” qal hu. L-​uffiċjali tal-​Metro qalu li Madeleine hi maħsuba biex tagħti r-​riħa tal-​“kampanja, boskijiet, fjuri u frott.”

Sena taʼ Temperatura Għolja Globalment

Is-​sena l-​oħra, l-​1998, kienet l-​iktar sena sħuna mill-​1860 ’l hawn, tirrapporta s-​Science News. Ġie stmat li l-​medja tat-​temperatura taʼ wiċċ l-​art għoliet b’0.58°C. fuq it-​temperatura medja bejn l-​1961 u l-​1990. “Għall-​istudjużi tal-​klimatoloġija, li jħabblu rashom dwar bidliet globali taʼ inqas minn 0.01 taʼ grad, is-​sħana tas-​sena l-​oħra kienet taʼ l-​għaġeb,” tgħid ir-​rivista. Ir-​rapport jinnota wkoll li sebgħa mill-​iktar snin sħan skond ir-​rekord seħħew mill-​1990 ’l hawn, u l-​iktar għaxra sħan seħħew kollha mill-​1983 ’l hawn. Skond Jonathan Overpeck, tan-​National Oceanic and Atmospheric Administration taʼ l-​Istati Uniti, dawn l-​aħħar għoxrin sena għandhom mnejn kienu l-​iktar sħan f’dawn l-​aħħar 1,200 sena. L-​Organizzazzjoni Meteoroloġika tad-​Dinja tirrapporta li kien biss fl-​inħawi tat-​tramuntana taʼ l-​Ewropa u taʼ l-​Asja li din iż-​żjieda ma seħħitx. Fin-​nofsinhar taʼ l-​Istati Uniti kellhom sħana tremenda fis-​sajf, u fiċ-​ċentru tar-​Russja f’Ġunju seħħet sħana kbira li qatlet iktar minn 100 ruħ u qabbdet nirien kbar.

‘Gwerra Bierda’ Ġdida

“Is-​sidien tal-​ħwienet qed jipprovaw iżommu l-​kaxex tal-​friża tagħhom mimlijin bil-​ġelati peress li s-​Sloveni qed jaħtfu kull ġelat taʼ tip u togħma differenti li jsibu,” tirrapporta l-​gazzetta Delo taʼ Ljubljana. Skond din il-​gazzetta, il-​kilba tas-​Sloveni għall-​ġelat qed tikber​—il-​produtturi tal-​ġelati t’hemmhekk dan l-​aħħar raw żjieda taʼ 22 fil-​mija fil-​bejgħ annwali. B’din ir-​rata taʼ żjieda, il-​konsum taʼ ġelati kull sena, li jlaħħaq maʼ l-​4.3 litri minn ras għal ras mal-​pajjiż kollu, eventwalment se jisboq il-​medja taʼ 5.5 litri fl-​Ewropa tal-​punent. Madankollu, fit-​tellieqa Ewropea taʼ min jiekol ġelati l-​iktar, l-​Isvediżi għadhom minn taʼ quddiem. Skond l-​Euromonitor, grupp li jikseb informazzjoni dwar kif sejjer is-​suq, l-​Isvediżi jikkonsmaw medja taʼ kważi 16-il litru ġelat kull persuna fis-​sena. L-​Amerikani huma l-​ewwel fid-​dinja, billi minn ras għal ras jieklu iktar minn 20 litru fis-​sena.

It-​Tfal u l-​Gdim tal-​Klieb

It-​tfal żgħar huma l-​iktar vittmi frekwenti tal-​gdim tal-​klieb fl-​Istati Uniti, tirrapporta l-​UC Berkeley Wellness Letter. Xorta waħda, jikkummenta r-​rapport, il-​biċċa l-​kbira mill-​gdim tal-​klieb jistaʼ jiġi evitat. Biex jitnaqqas ir-​riskju, il-​Wellness Letter tirrikkmanda li l-​ġenituri għandhom jibdew billi jagħżlu ġeru b’temperament tajjeb. Imbagħad, għandhom isewwuh u bil-​ħlewwa imma b’mod sod iħarrġuh biex jobdi u jkun mans man-​nies, speċjalment mat-​tfal. Il-​Wellness Letter tistqarr: “Qatt m’għandek tassumi li saħansitra l-​iktar kelb fidil se jilqaʼ tarbija ġdida jew ikun ġentili mat-​tfal. Oqgħod attent.” It-​tfal għandhom jiġu mgħallmin biex ma jersqux lejn kelb waħedhom. Ħalli lil sid il-​kelb jintroduċih. Kellem lill-​kelb, u agħtih idek magħluqa f’ponn biex ixommhielek. Jekk il-​kelb igerger jew iqajjem il-​pil, ibqaʼ wieqaf u mhux iddur u titlaq tiġri. Il-​Wellness Letter tinnota: “Il-​klieb, bħall-​ilpup, istintivament se jitilqu jiġru warajha u se jattakkawha figura li taħrab.”

Problema tal-​Piż

Le Grand K, ċilindru tal-​platinum-iridju bejn wieħed u ieħor id-​daqs taʼ bott li fih jinżamm film tar-​ritratti, ilu jintuża mill-​aħħar snin tas-​seklu 19 bħala l-​kejl li bih titqies kilogramma mad-​dinja kollha. Anki l-​libbra Amerikana hi bbażata fuqu. Madankollu, ix-​xjenzati huma konċernati li mid-​dehra l-​massa taʼ dan iċ-​ċilindru qed tinbidel. Maħżun taħt tliet bozoz tal-​ħġieġ forma taʼ koppla u msakkar f’kaxxaforti ġo subborg f’Pariġi, ġewwa Franza, iċ-​ċilindru nħareġ tliet darbiet biss f’seklu wieħed. Ir-​rivista Science tirrapporta li wara l-​iktar okkażjoni reċenti, ix-​xjenzati “kkonkludew li l-​massa tiegħu kienet qed tonqos b’inqas minn 5 minn kull miljun taʼ gramma kull sena.” Din id-​differenza żgħira​—li probabbilment hi taʼ gwadann​—​tistaʼ tkun minħabba l-​ħmieġ li jitrabba fuq il-​wiċċ taʼ l-​oġġett minkejja l-​proċeduri tat-​tindif. It-​teknoloġija tal-​lum titlob qisien dejjem iktar preċiżi. Per eżempju, l-​ivvjaġġar fl-​ispazju jiddependi fuq arloġġi atomiċi li jitilfu biss sekonda kull 1.4 miljun sena. B’hekk, ix-​xjenzati qed jiddibattu l-​modi kif jibbażaw il-​kilogramma fuq livell li hu saħansitra iktar taʼ min joqgħod fuqu. Madankollu, tinnota s-​Science, dan għandu mnejn jirrikjedi “livell taʼ preċiżjoni li se jġiegħel lix-​xjenzati jinkwetaw dwar effetti żgħar daqs atomi neqsin.”

L-​Edukazzjoni u r-​Rata taʼ l-​Imwiet tat-​Trabi

“Hemm bżonn biss taʼ sebat elef miljun dollaru [Lm2,661 miljun] kull sena għall-​għaxar snin li ġejjin sabiex tingħata edukazzjoni [fi skola] primarja lil kulħadd mad-​dinja kollha sas-​sena 2010,” jgħid The State of the World’s Children 1999​—Education, rapport li sar mill-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal. “Din is-​somma hi inqas minn kemm jonfqu l-​Ewropej fil-​ġelati jew kemm jonfqu fis-​sena l-​Amerikani fil-​kosmetiċi.” Skond The Times of India, 66 fil-​mija taʼ l-​irġiel u 38 fil-​mija tan-​nisa adulti biss jafu jiktbu u jaqraw fl-​Indja. Fejn fl-​iskola primarja hemm iktar nisa, l-​imwiet tat-​trabi jonqsu. L-​effett taʼ edukazzjoni bażika bħal din jistaʼ jintwera fl-​istat taʼ Kerala, fin-​nofsinhar taʼ l-​Indja, fejn kważi 90 fil-​mija tan-​nies jafu jiktbu u jaqraw u “r-​rata taʼ l-​imwiet tat-​trabi hi l-​inqas waħda fil-​pajjiżi żviluppati kollha.”

Qed Tinkiser il-​Libertà Reliġjuża fl-​Ewropa

Il-​Federazzjoni Internazzjonali taʼ Ħelsinki “akkużat 19-il pajjiż Ewropew li kiser libertajiet reliġjużi,” tirrapporta r-​rivista Catholic International. Il-​federazzjoni nnotat li l-​pressjoni kontra l-​minoranzi reliġjużi kienet speċjalment qawwija fil-​pajjiżi Ortodossi. Iżjed minn hekk, diversi stati li huma membri taʼ l-​Unjoni Ewropea qed “iħejju liġijiet biex isaħħu l-​qagħda tar-​reliġjonijiet tradizzjonali filwaqt li jillimitaw lil gruppi iżgħar bħax-​[Xhieda taʼ Jehovah],” stqarret ir-​rivista. Id-​direttur tal-​federazzjoni, Aaron Rhodes, żied: “Is-​soċjetajiet tal-​punent qed juru sinjali li ġew imġagħlin minn biżaʼ taʼ ‘invażjoni tas-​setet’ biex jieħdu passi kontra l-​minoranzi reliġjużi. Is-​sitwazzjoni se tibqaʼ tiddeterjora sakemm in-​nies jirrikonoxxu l-​libertà tat-​twemmin bħala parti minn ġabra taʼ valuri u regoli li għandhom jinżammu l-​istess għal kulħadd.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja