IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
Is-Saħħa
Jimpurtah Alla minn kif nieħdu ħsieb lil ġisimna?
“Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna nbid, fost dawk li għandhom kilba għal-laħam.”—Proverbji 23:20.
GĦALA HU IMPORTANTI?
Il-Bibbja mhijiex ktieb mediku; lanqas ma tikkontrolla kull aspett tal-imġiba umana. Xorta waħda, int tistaʼ tibbenefika jekk tifhem il-ħarsa t’Alla lejn is-saħħa kif tidher fil-Bibbja.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Diversi siltiet tal-Bibbja jgħinuna nifhmu kif iħossu Alla dwar il-mod kif nieħdu ħsieb lil ġisimna. Pereżempju, il-Bibbja tikkundanna affarijiet bħax-xorb żejjed u l-kilba għall-ikel. (Proverbji 23:20) Il-Liġi t’Alla li ngħatat lil Iżrael tal-qedem kien fiha istruzzjonijiet li kienu se jikkontrollaw il-mard u f’xi każi saħansitra jgħinu biex jiġi skansat. Il-Liġi kien fiha wkoll regoli speċifiċi taʼ sigurtà għall-prevenzjoni taʼ korrimenti. (Dewteronomju 22:8) B’mod ċar, il-Bibbja tinkuraġġina biex nieħdu ħsieb lil ġisimna u nieħdu passi responsabbli biex nipproteġu saħħitna.
Skont il-Bibbja, għala nimirdu?
“Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt.”—Rumani 5:12.
DAK LI JGĦIDU N-NIES
Ħafna jemmnu li l-mard hu sempliċement riżultat ikrah tal-evoluzzjoni umana. Oħrajn jaħsbu li forzi misterjużi, bħal spirti mill-agħar, huma l-kaġun tal-problemi tas-saħħa tagħna.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Skont il-Bibbja, aħna nimirdu minħabba r-ribelljoni tal-ewwel bnedmin kontra Alla. (Rumani 5:12) Qabel ma rribellaw, l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, gawdew saħħa perfetta. Kienu jafu li kienu se jmutu jekk jitbiegħdu mill-ħarsien kollu mħabba t’Alla. (Ġenesi 2:16, 17) Xorta waħda, dawn minn jeddhom qatgħu l-ħbiberija tagħhom m’Alla u tilfu l-perfezzjoni.a
Wara li Adam u Eva tilfu l-perfezzjoni, għaddew l-imperfezzjoni lilna. Għaldaqstant, minkejja l-isforzi kollha biex jitneħħa l-mard tal-bnedmin, aħna xorta nimirdu.
X’TISTAʼ TAGĦMEL INT?
Il-Bibbja tgħallem li jekk tobdi l-prinċipji għaqlin t’Alla, se tiżviluppa relazzjoni tajba miegħu. Minħabba f’hekk, maż-żmien se tgawdi saħħa perfetta f’ġenna tal-art. (Isaija 33:24) Alla jwiegħed li se jneħħi l-uġigħ, il-mard, u l-mewt.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Tiskuraġġixxi l-Bibbja l-kura medika?
“Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva.”—Mattew 9:12.
DAK LI JGĦIDU N-NIES
Xi wħud jippreferu l-fejqan spiritwali (magħruf ukoll bħala faith healing) milli l-kura medika.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Alla ppermetta li jkun hemm nies li jifhmu fil-qasam mediku biex jaħdmu fost niesu fi żmien il-Bibbja. (Ġenesi 38:28; Kolossin 4:14) M’hemm xejn fil-Bibbja li jindika li Alla m’approvax l-użu tagħhom taʼ pjanti mediċinali, ingwenti, dieti ordnati mit-tabib, jew kuri taʼ saħħa oħrajn. Fil-fatt, Ġesù rrikonoxxa li “nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva.”—Mattew 9:12.
Madankollu, il-Bibbja ma tapprovax kull tip taʼ kura. Pereżempju, il-Bibbja ma tapprovax il-prattika taʼ żmienna tal-faith healing. U trattamenti li jinvolvu prattiki spiritistiċi mhumiex approvati minn Alla. (Galatin 5:19-21) Minbarra l-prattiki li l-Bibbja tikkundanna, meta niffaċċjaw il-mard, ikun għaqli li fil-pront infittxu kura tas-saħħa xierqa, jekk tkun disponibbli.
a F’dan l-artiklu, nużaw il-kliem “perfett” u “perfezzjoni” biex nirreferu għall-mod kif Alla ħalaq lill-ewwel bnedmin f’saħħithom, jiġifieri, mhux effettwati mill-mard u l-mewt.