LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 9/1 pp. 10-12
  • Il-Lingwi Tagħna Ġew mit-“Torri ta’ Babel”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Lingwi Tagħna Ġew mit-“Torri ta’ Babel”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • FEJN U META ĠARA DAN?
  • LINGWI DIFFERENTI, ĦSIB DIFFERENTI
  • ĦSEJJES JEW DISKORS KUMPLESS?
  • IL-​FUTUR TAL-​LINGWA
  • Il-Lingwa—Għajnuna jew Ostaklu għall-Komunikazzjoni?
    Stenbaħ!—2000
  • Siru Magħqudin bil-Lingwa Pura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Qiegħed Int Titkellem il-“Lingwa Pura” b’Mod Fluwenti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Lingwa Pura Għall-Ġnus Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 9/1 pp. 10-12

Il-​Lingwi Tagħna Ġew mit-​“Torri taʼ Babel”?

“Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art, u bil-​mod il-​mod ma baqgħux jibnu l-​belt. Huwa għalhekk li din issemmiet Babel, għaliex hemmhekk Ġeħova kien ħawwad il-​lingwa taʼ l-​art kollha.”—Ġenesi 11:8, 9.

IR-​RAKKONT li hemm imniżżel fil-​Bibbja veru ġara? Bdew in-​nies jitkellmu b’lingwi differenti ħabta u sabta, kif hemm miktub? Xi wħud iwaqqgħu għaċ-​ċajt ir-​rakkont tal-​Bibbja taʼ kif bdew u tferrxu l-​lingwi tan-​nies. Kittieb wieħed jgħid: “Il-​ħrafa tat-​Torri taʼ Babel hija waħda mill-​iktar stejjer banali li qatt instemgħet.” Anki rabbi Lhudi sejjaħlu “attentat bla sens biex tiġi spjegata l-​oriġini tal-​ġnus.”

In-​nies għala jiċħdu r-​rakkont taʼ Babel? Sempliċement għax jikkontradixxi ċerti teoriji dwar l-​oriġini tal-​lingwi. Pereżempju, xi studjużi jgħidu li l-​gruppi tal-​lingwi ma dehrux f’daqqa imma evolvew bil-​mod il-​mod minn lingwa oriġinali waħda. Oħrajn jemmnu li diversi lingwi oriġinali żviluppaw indipendentement, billi minn ħsejjes sempliċi avvanzaw għal diskors kompless. Dawn u teoriji oħrajn li jikkontradixxu lil xulxin wasslu lil ħafna biex jaqblu mal-​Professur W. T. Fitch, li fil-​ktieb tiegħu The Evolution of Language kiteb: “Għad m’għandniex tweġibiet konvinċenti għalkollox.”

L-​arkeoloġi u r-​riċerkaturi xi skoprew dwar l-​oriġini u l-​iżvilupp tal-​lingwi tal-​bniedem? Jikkonfermaw l-​iskoperti tagħhom xi waħda mit-​teoriji proposti? Jew dak li sabu jappoġġa r-​rakkont tal-​Bibbja? L-​ewwel, ejja nikkunsidraw ir-​rakkont tal-​Bibbja iktar bir-​reqqa.

FEJN U META ĠARA DAN?

Il-​Bibbja tgħid li t-​taħwid tal-​lingwi u t-​tixrid tan-​nies ġara “fl-​art tas-​Sinar,” iktar tard imsejħa Babilonja. (Ġenesi 11:2) Dan meta ġara? Il-​Bibbja tgħid li l-​popolazzjoni tal-​art ġiet maqsuma fi żmien Peleg, li twieled madwar 250 sena qabel Abraham. Għalhekk, il-​ġrajjiet taʼ Babel milli jidher ġraw xi 4,200 sena ilu.—Ġenesi 10:25; 11:18-​26.

Xi studjużi jissopponu li l-​lingwi moderni ħarġu minn lingwa oriġinali waħda—dik li jaħsbu li użaw in-​nies kważi 100,000 sena ilu.a Oħrajn isostnu li l-​lingwi tal-​lum għandhom l-​għeruq tagħhom f’diversi lingwi mitkellma mill-​inqas 6,000 sena ilu. Imma l-​istudjużi tal-​lingwa kif jiddeterminaw il-​passi fl-​iżvilupp taʼ lingwi estinti? “Dan hu kemxejn diffiċli,” tgħid ir-​rivista Economist. “Għall-​kuntrarju tal-​bijologi, il-​lingwisti m’għandhomx fossili biex jiggwidawhom mal-​medda taż-​żmien.” Ir-​rivista żżid tgħid li wieħed studjuż tal-​evoluzzjoni tal-​lingwa jasal għall-​konklużjonijiet tiegħu permezz taʼ kalkoli li huma bbażati fuq ipotesi, u għalhekk mhumiex taʼ min jafdahom għalkollox.

Madankollu, jeżistu “fossili lingwistiċi.” X’inhuma dawn il-​fossili, u x’juru rigward l-​oriġini tal-​lingwi? The New Encyclopædia Britannica tispjega: “L-​eqdem rekords taʼ lingwa miktuba, l-​uniċi fossili lingwistiċi li l-​bniedem jistaʼ jittama li jkollu, ma jmorrux lura iktar minn 4,000 jew 5,000 sena.” L-​arkeoloġi fejn skoprew dawn il-​“fossili lingwistiċi,” jew rekords taʼ “lingwa miktuba”? Lejn in-​naħa t’isfel tal-​Mesopotamja—il-​post fejn kien is-​Sinar tal-​qedem.b Għalhekk, l-​evidenza fiżika disponibbli taqbel mal-​fatti mniżżlin fil-​Bibbja.

LINGWI DIFFERENTI, ĦSIB DIFFERENTI

Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħid li f’Babel, Alla ‘ħawdilhom il-​lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-​lingwa taʼ xulxin.’ (Ġenesi 11:7) B’riżultat taʼ dan, il-​ħaddiema “ma baqgħux jibnu l-​belt” taʼ Babel u ġew imxerrdin “għal fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art.” (Ġenesi 11:8, 9) Għalhekk, il-​Bibbja ma tgħidx li l-​lingwi moderni kollha għandhom l-​għeruq tagħhom f’lingwa oriġinali waħda. Minflok, tiddeskrivi kif f’daqqa dehru ħafna lingwi ġodda li milli jidher kienu żviluppati għalkollox, kull waħda kapaċi tesprimi kwalunkwe sentiment u ħsieb uman u kull waħda differenti u distinta mill-​oħrajn.

[Stampa f’paġna 11]

Tavla tal-​fuħħar b’kitba kunejformi, mill-​Mesopotamja, it-​tielet millennju Q.K.

Xi ngħidu għall-​gruppi lingwistiċi fid-​dinja llum? Huma bażikament l-​istess jew differenti? Ix-​xjentista Lera Boroditsky kitbet: “Hekk kif il-​lingwisti investigaw iktar fil-​fond il-​lingwi tad-​dinja (madwar 7,000, li ftit minnhom biss ġew analizzati), ħarġu numru bla għadd taʼ differenzi li ma tobsorhomx.” Iva, għalkemm l-​ilsna u d-​djaletti mill-​istess familja taʼ lingwi, bħalma huma l-​Cantonese u l-​Hakka fin-​Nofsinhar taċ-​Ċina, jistgħu jkunu simili taʼ xulxin, huma bażikament differenti minn dawk taʼ familja taʼ lingwi oħra, bħal ngħidu aħna, il-​Catalan tal-​Punent jew il-​Valencian fi Spanja.

Il-​lingwi jinfluwenzaw kif jaħsbuha n-​nies u kif jiddeskrivu d-​dinja taʼ madwarhom—kuluri, kwantitajiet, postijiet, u direzzjonijiet. Pereżempju, b’lingwa waħda wieħed jistaʼ jgħid, “Għandek dudu fuq idek ix-​xellugija.” Imma b’lingwa oħra jgħid, “Għandek dudu fuq idek tal-​Lbiċ.” Differenzi bħal dawn jistgħu jħawduk waħda nobis. Mhux taʼ b’xejn li l-​bennejja f’Babel sabuha impossibbli biex ikomplu l-​proġett tagħhom.

ĦSEJJES JEW DISKORS KUMPLESS?

Kif kienet il-​lingwa oriġinali? Il-​Bibbja tgħid li l-​ewwel raġel, Adam, setaʼ joħloq kliem ġdid meta semma l-​annimali u l-​għasafar kollha. (Ġenesi 2:20) Adam ikkompona wkoll poeżija biex jesprimi s-​sentimenti li kellu għal martu, u hi ddeskriviet ċar u tond x’kien ikkmanda Alla u l-​konsegwenzi jekk ma jobdux kliemu. (Ġenesi 2:23; 3:1-​3) Mela, l-​ewwel lingwa ppermettiet lill-​ewwel bnedmin jikkomunikaw tajjeb u jesprimu lilhom infushom.

It-​taħwid tal-​lingwi f’Babel fixkel l-​abbiltà tal-​bnedmin li jgħaqqdu flimkien il-​qawwiet intellettwali u fiżiċi tagħhom. Però, il-​lingwi l-​ġodda tagħhom, bħall-​ewwel lingwa, kienu komplessi. F’temp taʼ ftit sekli, il-​bniedem bena bliet kbar, ġabar armati qawwijin, u waqqaf kummerċ internazzjonali. (Ġenesi 13:12; 14:1-​11; 37:25) Setgħu l-​bnedmin għamlu progress bħal dan mingħajr l-​użu taʼ vokabolarju u grammatika estensivi? Skont il-​Bibbja, l-​ilsien oriġinali u l-​ilsna introdotti f’Babel ma kinux ħsejjes u tgemgim primittiv, imma lingwi kumplessi.

Ir-​riċerka moderna tappoġġa din il-​konklużjoni. The Cambridge Encyclopedia of Language tgħid: “Kull kultura li ġiet investigata, hi kemm hi ‘primittiva’ kulturalment, jirriżulta li għandha lingwa żviluppata għalkollox, b’komplessità li tħabbatha maʼ dawk tal-​hekk imsejħa pajjiżi ‘ċivilizzati.’” Bl-​istess mod, fil-​ktieb tiegħu The Language Instinct, il-​professur Steven Pinker minn Harvard College jgħid: “Ma jeżistux lingwi taʼ Żmien il-​Ħaġar.”

IL-​FUTUR TAL-​LINGWA

Wara li rrivedejna l-​età u l-​post fejn instabu l-​“fossili” lingwistiċi, id-​differenzi bażiċi bejn il-​gruppi tal-​lingwi, u l-​komplessità tal-​lingwi tal-​qedem, liema konklużjoni raġunevoli nistgħu naslu għaliha? Ħafna jikkonkludu li r-​rakkont tal-​Bibbja taʼ x’ġara f’Babel huwa spjegazzjoni li titwemmen għalkollox.

Il-​Bibbja tgħidilna li Alla Ġeħova ħawwad il-​lingwi tan-​nies f’Babel għax huma rribellaw kontrih. (Ġenesi 11:4-​7) Madankollu, hu wiegħed li kien se ‘jagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.’ (Sofonija 3:9) Din il-​“lingwa pura,” il-​verità mill-​Kelma t’Alla, illum tgħaqqad lin-​nies minn madwar id-​dinja bħala poplu. Jidher loġiku li fil-​futur Alla se jkompli jgħaqqad lill-​bnedmin billi jagħtihom lingwa waħda, u jġib fix-​xejn il-​konfużjoni taʼ Babel.

a It-​teoriji dwar il-​lingwa ġeneralment jassumu li n-​nies evolvew minn annimali bħax-​xadini. Biex tikkunsidra stqarrijiet bħal dawn, ara paġni 27-​29 tal-​browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Qrib is-​Sinar, l-​arkeoloġi skavaw diversi torrijiet taʼ tempji mtarrġin forma taʼ piramida. Il-​Bibbja tgħid li l-​bennejja tat-​torrijiet f’Babel użaw madum u mhux ġebel u użaw il-​qatran bħala tajn. (Ġenesi 11:3, 4) Fil-​Mesopotamja, il-​ġebel kien “rari jew saħansitra nieqes għalkollox,” tgħid The New Encyclopædia Britannica, filwaqt li l-​qatran kien abbundanti.

LEĠĠENDI LI JIDWU R-​RAKKONT TAL-​BIBBJA

“Darba waħda, in-​nies kollha kienu jgħixu f’raħal wieħed kbir u kienu jitkellmu lingwa waħda,” tgħid storja rrakkontata minn tribù li jgħix fuq l-​għoljiet fil-​Mjanmar. Waqt li kienu qed jibnu torri kbir, il-​bennejja “bil-​mod il-​mod żviluppaw manjieri, drawwiet, u diskors differenti, u [eventwalment] tferrxu mal-​art kollha.” Leġġendi simili jinsabu fost popli indiġeni fl-​Afrika, fl-​Asja tal-​Lvant, fil-​Messiku, u fi bnadi oħra.

Li kieku r-​rakkont taʼ Babel ġie ivvintat minn Mosè, il-​kittieb Ebrew tal-​Ġenesi, kien dan se jidher fil-​leġġendi taʼ gruppi taʼ nies li jgħixu f’postijiet imbegħdin u mferrxin mad-​dinja kollha? Aktarx li le. Għalhekk, l-​eżistenza taʼ leġġendi u ħrejjef bħal dawn tixhed għall-​kredibilità tar-​rakkont taʼ Babel fil-​Bibbja.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja