Il-Preparazzjoni—Iċ-Ċavetta Għas-Suċċess
1 Preparazzjoni minn qabel għall-ministeru se tgħin lil dak li jkun biex jegħleb xi inċertezza li jistaʼ forsi jħoss f’li jieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Hekk kif toqrob lejn il-bibien, int se tkun taf dak li trid tgħid lill-inkwilini. Mhux se jkun hemm għalfejn tħossok beżgħan dwar l-isfidi li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom. Lura lejn id-dar mis-servizz, int se tħossok inkuraġġit, billi tkun taf li għamilt sforz kbir fil-ministeru. Iva, preparazzjoni bir-reqqa hija ċ-ċavetta biex insinnu s-snajja tagħna taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim.
2 Pawlu enfasizza t-tħejjija billi ħeġġiġna biex ikollna ‘saqajna mxeddin bit-tagħmir taʼ l-aħbar tajba taʼ paċi.’ (Ef. 6:15) Dan jinkludi li nippreparaw lil moħħna u lil qalbna kif ukoll li niksbu ħarsa pożittiva u li nkunu lesti għax-xogħol mill-qalb. Meta nkunu ppreparati biex naqsmu l-verità m’oħrajn, il-ħidma tagħna se tiġi ppremjata bil-frott tas-Saltna, u dan jagħmilna henjin.—Atti 20:35.
3 Kif Wieħed Għandu Jipprepara Għax-Xogħol Taʼ L-Ippridkar: Irridu nagħżlu preżentazzjoni li nħossuna komdi biha, forsi minn fost dawk issuġġeriti fil-ktieb Reasoning jew dawk li nsibuhom fl-aħħar paġna taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna. Aħseb sewwa dwar l-iskrittura li int bi ħsiebek tuża, fil-waqt li tiddetermina liema kliem jew frażi se tenfasizza biex toħroġ ċar il-punt prinċipali tiegħek. M’hemmx għalfejn titgħallem il-preżentazzjoni bl-amment; minflok, l-aħjar huwa li żżomm il-ħsieb f’moħħok, tpoġġih fi kliemek, u tesprimih b’mod li taħseb li se jolqot lis-semmiegħ tiegħek.
4 Ifli l-pubblikazzjoni li bi ħsiebek toffri, u islet xi punti interessanti biex titkellem fuqhom. Agħżel xi ħaġa li tħoss li se tkun taʼ interess lin-nies fit-territorju tiegħek. Aħseb kif tistaʼ taddatta l-preżentazzjoni tiegħek skond l-inkwilini differenti—raġel, mara, persuna mdaħħla fiż-żmien, jew żagħżugħ.
5 Ġie li ppruvajt tagħmel sessjonijiet taʼ prattika? Inġabar mal-membri tal-familja jew pubblikaturi oħrajn biex tiddiskutu liema preżentazzjonijiet jistgħu jkunu effettivi, imbagħad ipprovahom quddiem kulħadd sabiex ilkoll ikunu ċari f’moħħhom. Ipprova oħloq sitwazzjonijiet li jiġru fil-ħajja taʼ kuljum u oġġezzjonijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom fit-territorju. Prattika bħal din se tagħmlek iktar fluwenti fi kliemek, se ttejjeb l-effettività tiegħek fl-ippridkar, u se tibni l-fiduċja tiegħek.
6 Flimkien maʼ li tipprepara u tipprattika l-preżentazzjoni tiegħek, int għandek ukoll tistaqsi lilek innifsek: ‘Huwa l-ilbies li bi ħsiebni nilbes xieraq għall-ministeru? Il-basket tiegħi fih dak li għandi bżonn, inkluża l-letteratura li ppjanajt li se nuża? Hija din f’kundizzjoni tajba? Għandi jien il-ktieb tiegħi tar-Reasoning, il-fuljetti, il-karti tar-rekords minn dar għal dar, u lapes?’ Ippjanar bil-ħsieb minn qabel se jikkontribwixxi lejn ġurnata iktar produttiva fis-servizz.
7 Ladarba nkunu għamilna l-aħjar li stajna biex nippreparaw lilna nfusna, għandna nitolbu għall-ispirtu taʼ Jehovah biex jgħinna ħalli jkollna suċċess. (1 Ġwann 5:14, 15) Li nagħtu attenzjoni bil-għaqal lejn il-preparazzjoni se jirriżulta f’li nsibu ferħ ikbar fix-xogħol tagħna, hekk kif ‘inwettqu għalkollox il-ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:5.