L-Ingaġġar Fl-Iskola Tal-Ministeru Teokratiku
1 L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku kienet strumentali fit-taħriġ taʼ miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah bħala ministri taʼ l-aħbar tajba. Ħafna minna niftakru kemm ħassejna lilna nfusna beżgħanin u bla ħila meta nktibna għall-ewwel darba f’din l-iskola, u issa nirrikonoxxu bi gratitudni l-irwol tagħha fl-iżvilupp spiritwali tagħna bħala kelliema u għalliema tal-Kelma t’Alla. (Qabbel Atti 4:13.) Inktibt int f’din l-iskola rimarkabbli?
2 Min jistaʼ jinkiteb? Paġna 73 tal-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry twieġeb: “Dawk kollha li huma mseħbin b’mod attiv mal-kongregazzjoni jistgħu jinkitbu, inklużi nies li m’ilhomx jattendu l-laqgħat, sakemm dawn m’humiex jikkonduċu ħajja li m’hijiex fi qbil maʼ prinċipji Kristjani.” Aħna nistiednu lil kulmin jikkwalifika—irġiel, nisa, u tfal—biex javviċinaw lill-indokratur taʼ l-iskola u jitolbu biex jiġu miktubin.
3 Il-Programm Taʼ L-Iskola Għall-1997: Il-programm taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għall-1997 ikopri varjetà vasta taʼ tagħlim u karattri Bibliċi, kif ukoll l-istorja taʼ l-organizzazzjoni. Flimkien maʼ li niżviluppaw l-abbiltajiet tagħna taʼ li nitkellmu u ngħallmu, aħna nitgħallmu mill-ħafna ġawhar spiritwali li hemm fil-kors taʼ tagħlim taʼ kull ġimgħa. (Prov. 9:9) Jekk nippreparaw għall-iskola, li jinkludi li nagħmlu l-qari mill-Bibbja taʼ kull ġimgħa, u nattendu regolarment, aħna nistgħu nisiltu benefiċċju spiritwali kbir mill-programm.
4 Għall-1997, ħafna mill-qari tal-Bibbja għall-Inkarigu Nru. 2 huwa iqsar mis-snin li għaddew. Meta jkun qiegħed jipprepara għal dan l-inkarigu, l-istudent għandu jara kemm jeħodlu ħin il-qari tiegħu u mbagħad jiddetermina kemm mill-ħames minuti mwarrbin għall-parti tiegħu jistaʼ juża għall-introduzzjoni u l-konklużjoni. Dan se jippermetti lill-istudent li juża bis-sħiħ il-ħin tiegħu u biex jiżviluppa kemm l-abbiltà tiegħu tal-qari u kemm l-arti li jitkellem spirtu pront.—1 Tim. 4:13.
5 L-għoti taʼ xiehda informali ġiet miżjuda bħala sfond li jistaʼ jintuża għall-preżentazzjonijiet fl-Inkarigu Nru. 3, li huma bbażati fuq il-ktieb Għarfien. B’hekk, oħt tistaʼ tuża jew żjara lura, jew studju tal-Bibbja fid-dar, jew għoti taʼ xiehda informali bħala setting għal dan l-inkarigu. M’għandniex xi ngħidu, l-enfasi prinċipali għandha tkompli tiġi mpoġġija fuq tagħlim effettiv u mhux fuq is-setting.
6 Kemm jekk għandek il-privileġġ li tagħti t-taħdita taʼ istruzzjoni u kemm jekk il-punti prinċipali mill-Bibbja, jew xi inkarigu taʼ student, int tistaʼ turi l-apprezzament tiegħek lejn l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku billi tipprepara u tipprova l-parti tiegħek sew, billi tippreżentaha b’mod konvint u bl-entużjażmu, billi ma taqbiżx il-ħin, billi tagħti widen għal u tapplika l-parir taʼ l-indokratur taʼ l-iskola, u billi dejjem tipprova twettaq l-inkarigu tiegħek bil-lealtà. B’hekk, li tkun miktub fl-iskola se jkun taʼ barka kemm għalik u kemm għal dawk kollha li qegħdin fl-udjenza.