L-Għoti taʼ Xhieda bit-Telefon Jistaʼ Jkun Effettiv
1. Għala l-għoti taʼ xhieda bit-telefon jistaʼ jitqies bħala parti importanti mill-ministeru tagħna?
1 Għala għandna mnejn nikkunsidraw li nagħtu xhieda bit-telefon fil-ministeru tagħna? Għaliex dan hu mezz ieħor kif ngħinu lil oħrajn jiksbu għarfien eżatt ħalli jiġu salvati. (2 Pt. 3:9) Għalkemm il-metodu primarju tagħna biex inxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla hu li nippritkaw minn dar għal dar, aħna lesti li nieħdu vantaġġ minn metodi oħrajn biex nilħqu lil dawk li forsi ma jinstabux id-dar.—Mt. 24:14; Lq. 10:1-7; Riv. 14:6.
2. Kif jiġi organizzat l-għoti taʼ xhieda bit-telefon?
2 Kif Jiġi Organizzat: Bħal fil-każ tal-arranġamenti għax-xogħol tas-servizz tal-għalqa minn dar għal dar, anki t-territorju għall-għoti taʼ xhieda bit-telefon jiġi provdut għall-pubblikaturi. Jistaʼ jsir b’mod individwali jew maʼ grupp żgħir taʼ forsi tnejn jew tlieta min-nies. Il-post li jintuża għandu jkun f’kamra għall-kwiet mingħajr tfixkil. Ħafna jsibuhom komdi li jpoġġu maʼ mejda u jkollhom quddiemhom affarijiet li normalment jużaw meta jippritkaw minn dar għal dar.
3. X’għandna nżommu f’moħħna meta nagħtu xhieda minn fuq it-telefon?
3 Kif Tagħti Xhieda bit-Telefon: Meta nagħtu xhieda bit-telefon, il-preżentazzjoni tagħna għandha tkun naturali. Xi wħud li jkunu għadhom jibdew jistgħu jaqraw preżentazzjoni lill-inkwilin imma b’mod naturali. L-introduzzjonijiet misjubin fil-ktieb Reasoning, fil-Ministeru tas-Saltna, u fil-fuljett Tixtieq Tkun Taf il-Verità? jistgħu jkunu t’għajnuna f’dan ir-rigward. Meta toħloq il-preżentazzjoni tiegħek stess, ara x’messaġġ trid tagħti, oħloq mistoqsija, u kun lest li taqsam ftit skritturi li jipprovdu t-tweġiba. Ġeneralment int se toffri l-istess pubblikazzjonijiet li jkunu qed jiġu offruti minn dar għal dar. Ikkunsidra t-tfakkiriet li ġejjin: Kun kalm u tkellem bil-mod. Kun ġentili, paċenzjuż, u dħuli, għaliex dan jinħass minn dak li jkun fuq it-telefon. Agħti widen meta l-inkwilin jgħidlek x’jaħseb, imbagħad uri li smajt il-kummenti tiegħu u esprimi l-apprezzament għalihom. Oqgħod attent li ma ssemmix l-arranġament tad-donazzjonijiet, għaliex dan jistaʼ jiġi interpretat ħażin bħala xi ġbir tal-flus bit-telefon.
4. L-għoti taʼ xhieda bit-telefon x’għandu mnejn jippermettilna nagħmlu bit-territorju inkarigat lilna?
4 L-individwu li int tkellem fuq it-telefon forsi ma jistax joħroġ mid-dar jew forsi l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu jagħmluha diffiċli biex jintlaħaq meta nkunu fil-ministeru minn dar għal dar. Hemm oħrajn li jgħixu f’komunitajiet bil-gradi msakkrin jew f’appartamenti fejn ħadd ma jistaʼ jidħol mingħajr permess. Għalhekk, bi sforz biex il-ministeru tagħna jitwettaq iktar bis-sħiħ u bir-reqqa, ipprova uża l-metodu effettiv tal-għoti taʼ Xhieda bit-telefon.