Ktejjeb Ġdid Bil-Malti Għall-Ministeru Taʼ L-Għalqa
1 Fil-konvenzjoni distrettwali riċenti “Uħud li Jfaħħru Ferħanin” li saret f’Malta, is-Soċjetà b’ferħ ħabbret il-ħruġ tal-ktejjeb intitolat Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja bil-Malti. Il-ktejjeb huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija intitolata: “Introduzzjonijiet Għall-Użu Fil-Ministeru Taʼ L-Għalqa”, u t-tieni sezzjoni ġġib it-titlu: “Kif Tistaʼ Twieġeb Għal Risposti X’Aktarx Intenzjonati Li Jwaqqfu L-Konversazzjoni.” L-ewwelnett, ħalli nikkunsidraw kif dan il-ktejjeb jistaʼ jgħinna nagħmlu l-introduzzjonijiet tagħna iktar effettivi.
2 Int trid twaqqafha l-karozza tal-linja qabel ma tirkibha. B’mod simili, irridu niġbdu l-attenzjoni tal-persuna biex nibdew diskussjonijiet fuq il-Bibbja. Ġesù wera kif meta fetaħ il-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Hu uża l-kelma “hieni” disaʼ darbiet. Per eżempju, qal: “Henjin huma dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, ladarba s-saltna tas-smewwiet tappartjeni lilhom. . . . Henjin huma l-kalmi, ladarba se jirtu l-art.” (Mattew 5:3-12) Is-sentenzi kienu diretti u ċari. U dik l-introduzzjoni żgur li qajmet interess u ġagħlet lis-semmiegħa tiegħu jħossuhom involuti, għax min ma jridx ikun hieni?
3 Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja jsegwi l-mudell imqiegħed minn Ġesù. Analizza l-introduzzjonijiet. Innota kif ġew iddisinnjati biex iqanqlu interess u jiġbdu l-attenzjoni taʼ l-inkwilini lejn is-suġġetti li qegħdin jiġu kkunsidrati. M’humiex maħsubin li jkunu makakki jew drammatiċi, imma sempliċi. Huma qosra u ma jdurux mal-lewża.
4 Forsi jkun xieraq li tuża introduzzjonijiet oħrajn flimkien maʼ dawk inklużi f’Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja. Jiddependi ħafna mit-tip taʼ persuni li tiltaqaʼ magħhom fit-territorju tiegħek. Madankollu, se ssibu taʼ benefiċċju li ssegwi l-mudell taʼ dawn l-introduzzjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-użu taʼ l-introduzzjonijiet kelma b’kelma kien effettiv ħafna. Dan għen lil dawk li jippreparaw għal għoti taʼ xiehda minn dar għal dar biex ikunu fluwenti u ma jdurux mal-lewża.
5 Bħala għajnuna oħra f’li nwittu t-triq biex naqsmu l-verità Biblika m’oħrajn, hemm ġabra taʼ suġġerimenti għal “Kif Tistaʼ Twieġeb Għal Risposti X’Aktarx Intenzjonati Li Jwaqqfu L-Konversazzjoni.” “M’inix interessat,” “Għandi r-reliġjon tiegħi stess,” “Għandi x’nagħmel,” u ħafna oħrajn huma ttrattati hawnhekk. Jekk dawn l-oġġezzjonijiet qegħdin itellfuk milli tagħti xiehda fit-territorju tiegħek, se ssib modi ġodda t’għajnuna hawnhekk. Din is-sezzjoni fiha wkoll informazzjoni prattika rigward konversazzjonijiet maʼ Buddisti, Ħindi, Lhud, u Musulmani. Ir-raġunar huwa tattikuż, mhux dommatiku. Aħna nżuru d-djar tan-nies mhux biex nattakkaw, imma biex nattirawhom lejn il-messaġġ tas-Saltna. Mela, meta tirraġuna maʼ nies taʼ twemmin ieħor irrikonoxxi s-sentimenti reliġjużi qawwijin tagħhom u uża dawn bħala bażi biex tmur għat-tema tal-messaġġ tiegħek dwar dak Alla veru u r-rappreżentant Tiegħu, Ġesù rxoxtat.
6 Żgur li se nesperjenzaw ħafna ferħ fil-ministeru jekk nitgħallmu naddattaw l-introduzzjoni tagħna, jew is-suġġett li kien bi ħsiebna nużaw, biex tolqot lill-persuni u r-reazzjoni tagħhom. Per eżempju, billi tuża Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, kif se tkompli meta l-persuni li ġejjin jirrispondu kif indikat: (a) Mara (‘M’inix interessata fix-Xhieda taʼ Jehovah’); (b) Raġel xiħ (‘Jien Lhudi’); (ċ) Żagħżugħ (‘Aħna diġà Kristjani hawnhekk’); (d) Xi ħadd li ma tantx jiflaħ (‘M’inix interessat’); (e) Ħaddiem (‘Għandi x’nagħmel’). Billi nagħtu kas u naddattaw erwieħna aħna nuru interess ġenwin fin-nies.
7 Ġorr dan il-ktejjeb taʼ valur miegħek regolarment fil-ministeru taʼ l-għalqa. M’huwiex intenzjonat li timmemorizza dawn ir-risposti, imma bla dubju se ssibu t’għajnuna li tanalizza għala oħrajn sabuhom effettivi; imbagħad esprimi l-ideat fi kliemek stess. Bħal Salamun, aħna wkoll irridu nfittxu bir-reqqa għal kliem li jgħaxxaq hekk kif nippreparaw biex nibdew u nkomplu diskussjonijiet fuq il-Bibbja fix-xogħol tagħna minn dar għal dar. Dan il-ktejjeb ġdid se jgħinna f’din it-tfittxija.—Ekkl. 12:9, 10.