M’Hemmx Isbaħ mis-Sempliċità!
1 Il-pubblikaturi ż-żgħar għaliex taʼ spiss jiġbdu l-attenzjoni taʼ dawk li jaqsmu l-messaġġ tas-Saltna magħhom? Raġuni waħda hi għax jesprimu ruħhom b’mod sempliċi. Xi pubblikaturi jħossu li biex tagħti xiehda effettiva hemm bżonn taʼ preżentazzjoni elaborata. Madankollu, l-esperjenza turi li preżentazzjoni sempliċi u ċara hija aħjar.
2 Ġesù xandar is-Saltna t’Alla b’mod sempliċi u dirett u ħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu bħalu. (Mt. 4:17; 10:5-7; Lq. 10:1, 9) Hu kien juża introduzzjonijiet, mistoqsijiet, u tixbihat sempliċi biex jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu u jilħqilhom qlubhom. (Ġw. 4:7-14) Aħna nagħmlu sew jekk nimitaw l-eżempju tiegħu u nagħmlu preżentazzjonijiet li jinftiehmu malajr.
3 L-“Evanġelju tas-Saltna” huwa l-messaġġ li aħna rridu nxandru. (Mt. 24:14) Jekk tuża s-Saltna bħala t-tema prinċipali se tgħinek iżżomm il-preżentazzjoni tiegħek sempliċi. Tkellem fuq affarijiet li jikkonċernaw lis-semmiegħa tiegħek. In-nisa ġeneralment iktar jinteressaw ruħhom fil-familja tagħhom milli f’suġġetti politiċi. Il-missirijiet jagħtu importanza kbira lill-impjieg u s-sigurtà tal-familja tagħhom. Iż-żgħażagħ jinteressahom il-futur tagħhom; ix-xjuħ iridu saħħa aħjar u sigurtà. In-nies ġeneralment ikunu iktar moħħhom fl-affarijiet li jkunu qed jiġru lokalment milli f’dak li jiġri f’pajjiżi oħra. Wara li titkellem fuq affarijiet li jinteressawkom it-tnejn, iġbed l-attenzjoni taʼ dak li jkun lejn il-barkiet li l-bnedmin ubbidjenti se jgawdu taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla. Ftit kliem sempliċi u magħżul bil-għaqal, flimkien maʼ xi skrittura jistgħu jkunu l-aħjar mezz kif tqajjem l-interess taʼ dak li jkun qed jisimgħek.
4 Tistaʼ tibda konversazzjoni billi tgħid:
◼ “Żgur taqbel miegħi meta ngħidlek li l-bnedmin qed ibatu minħabba l-ħafna mard bla kura li hawn. Iżda kont taf li Alla wiegħed li dalwaqt se jneħħi għalkollox kull tip taʼ mard, u anki l-mewt?” Agħti ċans għal tweġiba, u mbagħad aqra Apokalissi 21:3, 4.
5 Bi preżentazzjonijiet ċari u sempliċi, jalla tilħaq l-imħuħ u l-qlub taʼ iktar nies fit-territorju tiegħek, filwaqt li tgħinhom jitgħallmu dwar Jehovah u dwar il-prospett li jgawdu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 17:3.