L-Għoti taʼ Xiehda bħala Grupp Iġib il-Ferħ
1 Meta bagħat lis-70 dixxiplu jippridkaw, Ġesù għallimhom x’għandhom jgħidu, organizzahom fi gruppi taʼ tnejn, u wriehom liema territorju kellhom ikopru. Dan ġabilhom il-ferħ. (Lq. 10:1-17) B’mod simili llum, l-għoti taʼ xiehda bħala grupp iħarreġ, jorganizza, u jinkuraġġixxi lill-poplu t’Alla għax-xogħol taʼ l-ippridkar.
2 L-Anzjani Jieħdu t-Tmexxija: L-anzjani għandhom irwol importanti f’li jgħinu lil kulħadd biex jieħu sehem regulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar. L-indokratur tas-servizz jieħu t-tmexxija billi jagħmel arranġamenti għas-servizz matul il-ġimgħa. Kull indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb għandu r-responsabbiltà li jorganizza l-attività tal-grupp tiegħu, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. F’okkażjonijiet meta l-kongregazzjoni kollha tiltaqaʼ għas-servizz taʼ l-għalqa, bħal per eżempju wara l-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, kull indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb għandu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-grupp tiegħu.
3 “Kif Imur u bl-Ordni”: Il-ħu li jiġi inkarigat biex jikkonduċi l-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa għandu jibda fil-ħin u jillimita l-laqgħa għal 10 jew 15-il minuta. Ikun aħjar jekk il-ħu jirranġa l-gruppi li jkunu se jaħdmu flimkien u jqassam it-territorju (sakemm l-indokratur tas-servizz taʼ l-għalqa ma jkunx qed jieħu ħsieb taʼ dan, bħalma diġà ssemma) qabel ma jagħlaq bit-talba. B’hekk jevita l-bżonn li l-aħwa jinġemgħu fuq it-territorju, ladarba dan jistaʼ jnaqqas mid-dinjità tax-xogħol tagħna. Ukoll dan ikun fi qbil mal-parir taʼ Pawlu: “Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.” (1 Kor. 14:40) Dawk kollha li jattendu għal dawn il-laqgħat għandhom jikkontribwixxu għas-suċċess taʼ l-arranġament billi jaslu fil-ħin, jikkooperaw bis-sħiħ mal-ħu li jkun qed jieħu t-tmexxija, u jmorru fuq it-territorju mill-ewwel hekk kif jiġu mitluba jagħmlu dan.
4 Ninġibdu Lejn Xulxin f’Unità: L-arranġamenti li jsiru għall-għoti taʼ xiehda bħala grupp jipprovdulna opportunità eċċellenti biex insiru nafu lil oħrajn fil-kongregazzjoni. Għalkemm m’hemm ebda oġġezzjoni jekk nirranġaw minn qabel biex naħdmu maʼ xi ħadd, biss jistaʼ wkoll ikun taʼ sodisfazzjon għalina jekk nattendu l-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa mingħajr ma nkunu għamilna arranġamenti minn qabel. Għandna mnejn niġu inkarigati naħdmu maʼ xi ħadd li ma tantx nafuh, u dan se jgħinna ‘niftħu qalbna beraħ’ fl-imħabba tagħna.—2 Kor. 6:11-13.
5 L-għoti taʼ xiehda bħala grupp jinkuraġġina u jiġbidna lejn xulxin f’unità bħala ‘sħab fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.’ (3 Ġw. 8) Jalla nieħdu sehem bis-sħiħ f’dan ix-xogħol!