Uri Interess Persunali—Billi Tippriedka Mingħajr Parzjalità
1 F’viżjoni, l-appostlu Ġwanni ra anġlu jtir f’nofs is-sema jxandar aħbar tajba taʼ dejjem lin-nies taʼ “kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Riv. 14:6) Insegwu aħna l-eżempju taʼ l-anġlu billi nippridkaw mingħajr parzjalità? Mingħajr ma nirrealizzaw, aħna jistaʼ jkollna attitudnijiet preġudikati. L-attitudni tagħna lejn in-nies li niltaqgħu magħhom tistaʼ teffettwa l-mod kif nippreżentawlhom l-aħbar tajba. Għalhekk, għandna bżonn nuru interess ġenwin kollu mħabba meta nippridkaw lil nies li ġejjin minn sfond differenti.
2 Ikkunsidra t-Territorju Tiegħek: Hemm immigranti jew refuġjati li jgħixu fit-territorju tiegħek? Huwa faċli li ftit li xejn nagħtu attenzjoni lil uħud bħal dawn. Ħu l-inizjattiva biex tfittex lil dawn l-uħud u ipprova sir iktar midħla tagħhom. Xi bżonnijiet għandhom u x’jinkwetahom, x’jogħġobhom u x’ma jogħġobhomx, minn xiex jibżgħu u xi preġudizzji għandhom? Stinka biex tadatta l-preżentazzjoni tiegħek tal-messaġġ tas-Saltna skond din l-informazzjoni. (1 Kor. 9:19-23) Bħall-appostlu Pawlu, aħna għandna nħossuna obbligati li naqsmu l-aħbar tajba maʼ kulmin jinsab fit-territorju tagħna, inkluż dawk li ġejjin minn pajjiż ieħor, dawk li għandhom kultura differenti, dawk li jitkellmu lingwa oħra, u dawk li huma għonja ħafna.—Rum. 1:14.
3 Però, kif tistaʼ tagħti xiehda lil xi ħadd li jitkellem lingwa oħra? Uża sew il-ktejjeb Good News for People of All Nations. Tistaʼ wkoll iġġorr ftit fuljetti jew browxers bil-lingwi mitkellma min-nies li s-soltu tiltaqaʼ magħhom fit-territorju tiegħek. (Ara l-Ministeru tas-Saltna taʼ Lulju 2003, pġ. 4, pari. 2-3.) Barra minn hekk, xi pubblikaturi għamlu sforz biex jitgħallmu tislija u preżentazzjoni sempliċi b’lingwi oħrajn. In-nies spiss jimpressjonaw ruħhom meta jisimgħu lil xi ħadd li jipprova jkellimhom bil-lingwa tagħhom stess, anki b’mod tassew limitat, u dan jistaʼ jiġbidhom lejn l-aħbar tajba.
4 Imita lil Ġeħova: Meta nipprovaw inkellmu lil nies minn sfondi differenti, aħna nimitaw lil Alla tagħna Ġeħova li hu imparzjali, “li jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:3, 4.