Il-Kelma Profetika t’Alla se Ssir Realtà!
1 Ix-Xhieda taʼ Jehovah minn dejjem interessaw ruħhom fil-profezija tal-Bibbja. Għalhekk fraħna ħafna meta sirna nafu li t-tema tal-konvenzjoni distrettwali taʼ din is-sena kienet se tkun “Il-Kelma Profetika t’Alla.” Konna ħerqanin li nsiru nafu Jehovah x’kellu merfugħ għalina bħala ‘ikel fil-ħin.’ (Mt. 24:45) Hu ma ddiżappuntaniex.
2 Punti Prinċipali mill-Konvenzjoni: L-indirizz taʼ qofol li kellna l-Ġimgħa, “Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla,” inkluda diskussjoni kollha tagħrif tar-rakkont tat-trasfigurazzjoni. (Mt. 17:1-9) Dan enfasizza li eżatt bħalissa ninsabu fuq l-għatba taʼ l-aħjar żminijiet għaliex qegħdin fl-aħħar nett nett taż-żmien tat-tmiem, bis-sistema l-ġdida eżatt quddiemna! Mod importanti kif għandna bżonn noqogħdu attenti għall-Kelma t’Alla huwa billi naqrawha regolarment. Is-simposju “Tgħaxxaq bil-Qari tal-Kelma t’Alla” pprovda suġġerimenti prattiċi kif nagħmlu l-qari tagħna tal-Bibbja iktar effettiv u pjaċevoli.
3 Is-Sibt wara nofsinhar irrevedejna xi raġunijiet għala għandna nkunu konvinti li qegħdin ngħixu fl-aħħar żminijiet. Tistaʼ tiftakarhom kollha? Il-Ħadd fil-għodu, il-profezija taʼ Ħabakkuk ħadet il-ħajja hekk kif tgħallimna li żmienna jixbah ħafna lil żmienu, u li dalwaqt se jseħħu ġrajjiet importanti meta Jehovah jeqred lil dawk mill-agħar u jsalva t-twajbin. Fhimtu l-punt tad-drama Biblika dwar Ġakobb u Għesaw? Irridu nfittxu b’mod attiv il-barkiet minn Jehovah, billi nirreżistu l-ispirtu t’apatija u indifferenza.
4 Ktieb Ġdid Interessanti Ferm: Kemm konna eċċitati meta rċivejna l-ktieb il-ġdid, Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! Bla dubju li int diġà qed taqra din il-pubblikazzjoni taʼ interess li ma bħalu. Il-kelliemi li ħabbar il-ħruġ tiegħu stqarr: “Ħlief għal ftit dettalji, il-profeziji kollha fil-ktieb taʼ Danjel twettqu.” Ma jenfasizzax dan l-urġenza taʼ żminijietna?
5 Il-programm tal-konvenzjoni saħħilna ferm il-konvinzjoni tagħna li l-wegħdi kollha t’Alla li għadhom ma twettqux se jsiru realtà. Aħna nitqanqlu biex inkomplu niddikjaraw il-kelma profetika t’Alla lil ħaddieħor!