Erġaʼ Żur lil Kulmin Juri Xi Interess
1 Ħafna minna qegħdin fil-verità llum minħabba li xi ħadd innota l-attitudni favorevoli tagħna għall-messaġġ tas-Saltna u bil-paċenzja ġie lura—forsi għal diversi drabi—biex jikkultiva dan l-interess. Bl-istess mod, għandna noqogħdu attenti li nerġgħu nżuru lil kulmin juri xi interess. Tabilħaqq, iż-żjajjar lura huma parti mill-inkarigu tagħna li ‘nagħmlu dixxipli.’—Mt. 28:19, 20.
2 Innota l-Interess: Anki jekk individwu ma jaċċettax il-letteratura, l-espressjoni taʼ wiċċu, it-ton tal-vuċi, jew l-għażla tal-kliem tistaʼ tikxef xi interess li jistaʼ jkollu fil-messaġġ tas-Saltna. Fuq din il-bażi nistgħu nagħmlu żjara lura. Wieħed ħu għamel xi żjajjar lura lil individwu għal ħames ġimgħat konsekuttivi mingħajr ma ħalla letteratura. Fis-sitt żjara, l-individwu aċċetta l-letteratura u maż-żmien inbeda studju tal-Bibbja.
3 Jekk tara xi interess, mur lura malajr kemm jistaʼ jkun, forsi ftit ġranet wara. Tagħtix l-opportunità lill-“Ħażin” biex jaħtaf dak li diġà nżeraʼ f’qalb l-individwu. (Mt. 13:19) Kun ċert li żżomm kelmtek jekk għamilt arranġamenti biex tmur lura f’xi ħin partikulari.—Mt. 5:37.
4 Fl-Ippridkar fit-Toroq: Tagħmel int sforz biex tikkultiva l-interess li ssib waqt l-ippridkar fit-toroq jew meta tagħti xiehda informali? Fl-aħħar tal-konversazzjoni tiegħek tistaʼ tgħid: “Ħadt pjaċir bid-diskussjoni li kellna. Fejn nistaʼ nsibek biex nerġgħu nitkellmu?” Meta jkun xieraq, xi pubblikaturi jistgħu jagħżlu li jagħtu lill-persuna interessata n-numru tat-telefon tagħhom jew jistaqsu biex jagħtu n-numru tat-telefon tagħhom lil xulxin. Jekk xi nies jarawk fix-xogħol taʼ l-ippridkar fit-toroq fl-istess post fuq bażi regulari, huma jistgħu jkunu lesti li jagħtuk in-numru tat-telefon jew l-indirizz tagħhom. Anki jekk jirrifjutaw li jgħidulek kif tistaʼ tikkuntattjahom, xorta tistaʼ tikkultiva l-interess tagħhom meta terġaʼ tiltaqaʼ magħhom fit-triq.
5 Aħna nifirħu meta xi pjanti li nkunu saqqejna u kkultivajna narawhom jikbru. Bl-istess mod, aħna jkollna ħafna ferħ meta nagħmlu ż-żjajjar lura u ngħinu lil individwi jagħmlu progress spiritwali. (1 Kor. 3:6) Agħmilha l-mira tiegħek li terġaʼ żżur lil dawk li juru xi interess.