א [Alef]
119 Henjin dawk li triqithom hi bla nuqqas,+
Dawk li mexjin fil-liġi taʼ Ġeħova.+
2 Henjin dawk li jħarsu t-tfakkiriet tiegħu;+
B’qalbhom kollha jibqgħu jfittxuh.+
3 Fil-fatt ma pprattikaw ebda inġustizzja.+
Fi triqatu mxew.+
4 Int ikkmandajt li l-ordnijiet tiegħek+
Jitħarsu b’attenzjoni.+
5 O li kieku triqati jkunu stabbiliti fis-sod+
Biex inżomm mar-regolamenti tiegħek!+
6 Kieku ma jkollix għalxiex nistħi,+
Ladarba noqgħod attent għall-kmandamenti kollha tiegħek.+
7 Se nfaħħrek b’qalb retta,+
Meta nitgħallem id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.+
8 Ir-regolamenti tiegħek jien nibqaʼ nżommhom.+
Titlaqnix għalkollox.+
ב [Bet]
9 Kif jistaʼ żagħżugħ+ inaddaf il-mogħdija tiegħu?
Billi joqgħod għassa fi qbil maʼ kelmtek.+
10 B’qalbi kollha fittixtek.+
Tħallinix niżvija mill-kmandamenti tiegħek.+
11 Dak li għedt int ħżintu f’qalbi bħal teżor,+
Sabiex ma nidnibx kontrik.+
12 Imbierek int, O Ġeħova.
Għallimni r-regolamenti tiegħek.+
13 B’xofftejja ddikjarajt+
Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha taʼ fommok.+
14 Jien nifraħ fit-triq tat-tfakkiriet tiegħek,+
Sewwasew bħalma nagħmel bl-affarijiet l-oħrajn kollha taʼ valur.+
15 Se nkun moħħni f’ordnijietek,+
U noqgħod attent għal mogħdijietek.+
16 L-istatuti tiegħek se ngħożżhom.+
M’iniex se ninsa kelmtek.+
ג [Gimel]
17 Aġixxi b’mod xieraq mal-qaddej tiegħek, sabiex ngħix+
U nżomm maʼ kelmtek.+
18 Ikxifli għajnejja, biex inkun nistaʼ nara+
L-affarijiet taʼ l-għaġeb fil-liġi tiegħek.+
19 M’iniex ħlief resident barrani fil-pajjiż.+
Taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.+
20 Ruħi tfarrket tixxennaq+
Il-ħin kollu għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek.+
21 Int ċanfart lill-prużuntużi misħutin,+
Li qed jiżvijaw mill-kmandamenti tiegħek.+
22 Neħħi minn fuqi t-tmaqdir u d-disprezz,+
Għax jien ħarist it-tfakkiriet tiegħek.+
23 Il-prinċpijiet ukoll qagħdu bil-qiegħda; tkellmu kontrija flimkien.+
Imma l-qaddej tiegħek moħħu fir-regolamenti tiegħek.+
24 It-tfakkiriet tiegħek ngħożżhom ukoll,+
Bħall-irġiel li jagħtuni l-pariri.+
ד [Dalet]
25 Ruħi mifnija u mqabbda mat-trab.+
Żommni ħaj fi qbil maʼ kelmtek.+
26 Jien iddikjarajtlek triqati, sabiex twiġibni.+
Għallimni r-regolamenti tiegħek.+
27 Għinni nifhem it-triq t’ordnijietek,+
Biex inkun moħħni fl-għemejjel tiegħek taʼ l-għaġeb.+
28 Ruħi ma raqditx minħabba n-niket.+
Qajjimni fi qbil maʼ kelmtek.+
29 Warrab minni t-triq il-falza,+
U ħenn għalija billi tagħtini l-liġi tiegħek.+
30 It-triq tal-fedeltà għażilt jien.+
Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek qisthom xierqa.+
31 Jien qbadt mat-tfakkiriet tiegħek.+
O Ġeħova, iġġegħelnix nistħi.+
32 Se niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek,+
Għax int tagħmilli l-wisaʼ għalihom f’qalbi.+
ה [Ħe]
33 Istruwini, O Ġeħova, fit-triq tar-regolamenti tiegħek,+
Biex inżomm fiha sa l-aħħar.+
34 Għinni nifhem, sabiex inkun nistaʼ nħares il-liġi tiegħek+
U nżommha b’qalbi kollha.+
35 Mexxini fil-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,+
Għax biha nitgħaxxaq.+
36 Mejjilli qalbi lejn it-tfakkiriet tiegħek,+
U mhux lejn il-qligħ.+
37 Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi;+
Żommni ħaj fi triqtek.+
38 Wettaq mal-qaddej tiegħek dak li għedt,+
Li jwasslu biex jibżaʼ minnek.+
39 Neħħili minn fuqi ż-żebliħ li jien tant bżajt minnu,+
Għax id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek huma tajbin.+
40 Ara! Jien ixxennaqt għal ordnijietek.+
Fi qbil mas-sewwa tiegħek, żommni ħaj.+
ו [Waw]
41 U jalla l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek tiġi għandi, O Ġeħova,+
Is-salvazzjoni tiegħek fi qbil maʼ dak li għedt int,+
42 Biex inkun nistaʼ nwieġeb b’kelma lil min imaqdarni,+
Għax jien fdajt f’kelmtek.+
43 U tneħħix minn fommi l-kelma tal-verità,+
Għax jien stennejt id-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħek.+
44 Se nżomm mal-liġi tiegħek il-ħin kollu,+
Għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.+
45 U għad nimxi f’post spazjuż,+
Għax jien fittixt ordnijietek.+
46 Se nitkellem ukoll dwar it-tfakkiriet tiegħek quddiem is-slaten,+
U ma jkollix għalxiex nistħi.+
47 U se ngħożż il-kmandamenti tiegħek+
Li jien ħabbejt.+
48 Se ngħolli idejja biex nitlob għax ħabbejt il-kmandamenti tiegħek,+
U se nkun moħħni fir-regolamenti tiegħek.+
ז [Żajin]
49 Ftakar fil-kelma li għedt lill-qaddej tiegħek,+
Li biha tajtni għalxiex nistenna.+
50 Dan ifarraġni fis-sofferenza tiegħi,+
Għax dak li għedt int żammni ħaj.+
51 Il-prużuntużi waqqgħuni għaċ-ċajt għall-aħħar.+
Imma mil-liġi tiegħek ma żvijajtx.+
52 Jien niftakar fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek taʼ żmien twil ilu, O Ġeħova,+
U nsib il-faraġ tiegħi.+
53 Sħant għall-aħħar minħabba n-nies mill-agħar,+
Li qed jitilqu l-liġi tiegħek.+
54 Ir-regolamenti tiegħek saru melodiji għalija+
Fid-dar li ngħix fiha bħala barrani.+
55 Bil-lejl ftakart f’ismek, O Ġeħova,+
Biex inżomm mal-liġi tiegħek.+
56 Dan ġrali
Għax ħarist l-ordnijiet tiegħek.+
ח [Ħet]
57 Ġeħova hu s-sehem tiegħi;+
Jien wegħedt li nżomm maʼ kliemek.+
58 Fittixt l-approvazzjoni tiegħek b’qalbi kollha.+
Ħenn għalija fi qbil maʼ dak li għedt.+
59 Jien ikkunsidrajt triqati,+
Biex saqajja rreġġagħhom lura lejn it-tfakkiriet tiegħek.+
60 Jien ħaffift, u ma tnikkirtx+
Biex inżomm mal-kmandamenti tiegħek.+
61 Il-ħbula tan-nies mill-agħar dawruni minn kullimkien.+
Imma l-liġi tiegħek ma nsejthiex.+
62 F’nofs taʼ lejl inqum nirringrazzjak+
Għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.+
63 Jien sieħeb taʼ kulmin jibżaʼ minnek+
U taʼ min iżomm m’ordnijietek.+
64 Il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, O Ġeħova, imliet l-art.+
Għallimni r-regolamenti tiegħek.+
ט [Tet]
65 Int tassew ittrattajtu tajjeb lill-qaddej tiegħek,+
O Ġeħova, fi qbil maʼ kelmtek.+
66 Għallimni t-tjubija,+ inkun sensibbli,+ u jkolli l-għarfien,+
Għax jien eżerċitajt il-fidi fil-kmandamenti tiegħek.+
67 Qabel ma kont qed insofri kont qed nidneb bi żball,+
Imma issa nżomm maʼ dak li għedt int.+
68 Int tajjeb u qed tagħmel it-tajjeb.+
Għallimni r-regolamenti tiegħek.+
69 Il-prużuntużi ċappsuni bil-gideb tagħhom.+
Imma jien, b’qalbi kollha se nħares ordnijietek.+
70 Qalbhom bħax-xaħam, xejn ma jinfidha.+
Jien, min-naħa tiegħi, għożżejt il-liġi tiegħek.+
71 Tajjeb għalija li sofrejt,+
Għax b’hekk nitgħallem ir-regolamenti tiegħek.+
72 Il-liġi+ taʼ fommok hi tajba għalija,+
Iktar minn eluf taʼ biċċiet tad-deheb u l-fidda.+
י [Jod]
73 Idejk stess għamluni u waqqfuni fis-sod.+
Għinni nifhem, sabiex nitgħallem il-kmandamenti tiegħek.+
74 Dawk li jibżgħu minnek jarawni u jifirħu,+
Għax jien stennejt kelmtek.+
75 Jien naf tajjeb, O Ġeħova, li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek huma ġusti+
U li b’fedeltà ddixxiplinajtni.+
76 Ħa tfarraġni l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, jekk jogħġbok,+
Fi qbil maʼ dak li għedt lill-qaddej tiegħek.+
77 Ħa jiġu għandi l-ħniniet tiegħek biex nibqaʼ ngħix;+
Għax jien ngħożż il-liġi tiegħek.+
78 Ħa jistħu l-prużuntużi, għax qarrqu bija għalxejn b’xejn.+
Min-naħa tiegħi, jien moħħni f’ordnijietek.+
79 Ħa jduru lura lejja dawk li jibżgħu minnek,+
Dawk ukoll li jafu t-tfakkiriet tiegħek.+
80 Ħa tkun qalbi bla nuqqas fir-regolamenti tiegħek,+
Sabiex ma jkollix għalxiex nistħi.+
כ [Kaf]
81 Ruħi nfniet għas-salvazzjoni tiegħek;+
Jien stennejt il-kelma tiegħek.+
82 Għajnejja nfnew jistennew dak li għedt int,+
Waqt li ngħid: “Meta se tfarraġni?”+
83 Għax jien sirt qisni flixkun tal-ġild+ fid-duħħan.
Imma r-regolamenti tiegħek ma nsejthomx.+
84 Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek?+
Meta se twettaq il-ġudizzju tiegħek kontra dawk li jippersegwitawni?+
85 Il-prużuntużi ħaffru l-ħofor biex jaqbduni,+
Dawk li m’humiex fi qbil mal-liġi tiegħek.+
86 Il-kmandamenti kollha tiegħek huma l-fedeltà nfisha.+
Għalxejn b’xejn ippersegwitawni. Għinni!+
87 Naqra oħra u kienu jeqirduni minn fuq l-art;+
Imma jien ma tlaqtx ordnijietek.+
88 Fi qbil mal-qalb tajba bl-imħabba tiegħek żommni ħaj,+
Biex inkun nistaʼ nżomm mat-tfakkira taʼ fommok.+
ל [Lamed]
89 Għal dejjem, O Ġeħova,+
Kelmtek hi mwaqqfa fis-smewwiet.+
90 Il-fedeltà tiegħek hi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
Int stabbilejt l-art fis-sod, biex tibqaʼ wieqfa.+
91 Fi qbil mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek baqgħu weqfin sa llum,+
Għax ilkoll qaddejja tiegħek.+
92 Li ma kontx ngħożż il-liġi tiegħek,+
Is-sofferenza tiegħi kienet teqridni.+
93 Qatt ma se ninsa ordnijietek,+
Għax bihom żammejtni ħaj.+
94 Jien tiegħek. Salvani,+
Għax fittixt ordnijietek.+
95 In-nies mill-agħar qagħdu jistennewni biex jeqirduni.+
Imma jien nibqaʼ attent għat-tfakkiriet tiegħek.+
96 Għal kull perfezzjoni rajt tmiem.+
Imma l-kmandament tiegħek vast ħafna.
מ [Mem]
97 Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!+
Il-jum kollu moħħni fiha.+
98 Iktar għaref mill-għedewwa tiegħi jagħmilni l-kmandament tiegħek,+
Għax hu tiegħi għal dejjem.+
99 Sar għandi iktar dehen mill-għalliema kollha tiegħi,+
Għax moħħni fit-tfakkiriet tiegħek.+
100 Kif inġib ruħi juri li nifhem iktar mix-xjuħ,+
Għax ħarist ordnijietek.+
101 Saqajja żammejthom lura minn kull mogħdija ħażina,+
Bl-iskop li nkun nistaʼ nżomm maʼ kelmtek.+
102 Mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek ma warrabtx,+
Għax int innifsek istruwejtni.+
103 Kemm hu ħelu għall-palat tiegħi dak li għedt int,
Iktar ħelu mill-għasel għal fommi!+
104 Minħabba ordnijietek inġib ruħi b’mod li nuri li qed nifhem.+
Għalhekk bgħadtha kull mogħdija falza.+
נ [Nun]
105 Kelmtek musbieħ għal sieqi,+
U dawl għal triqti.+
106 Jien għamilt ħalfa, u se nwettaqha,+
Li nżomm mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.+
107 Jien sofrejt għall-aħħar.+
O Ġeħova, żommni ħaj fi qbil maʼ kelmtek.+
108 Jekk jogħġbok, ħu gost bl-offerti volontarji taʼ fommi, O Ġeħova,+
U għallimni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek.+
109 Ħajti f’riskju l-ħin kollu;+
Imma l-liġi tiegħek ma nsejthiex.+
110 In-nies mill-agħar għamluli nassa,+
Imma minn ordnijietek ma żvijajtx.+
111 It-tfakkiriet tiegħek jien għamilthom tiegħi għal dejjem,+
Għax huma l-ferħ taʼ qalbi.+
112 Jien mejjilt qalbi biex nibqaʼ nagħmel ir-regolamenti tiegħek+
Għal dejjem, sa l-aħħar.+
ס [Samek]
113 Lil dawk taʼ nofs qalb jien bgħadthom,+
Imma l-liġi tiegħek ħabbejtha.+
114 Int il-post fejn ninħeba u t-tarka tiegħi.+
Jien stennejt il-kelma tiegħek.+
115 Itilqu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen,+
Biex inkun nistaʼ nħares il-kmandamenti t’Alla tiegħi.+
116 Appoġġani fi qbil maʼ dak li għedt, biex nibqaʼ ngħix,+
U ġġegħelnix nistħi minħabba t-tama tiegħi.+
117 Wiżinni sabiex insalva,+
U jien inżomm ħarsti fuq ir-regolamenti tiegħek il-ħin kollu.+
118 Int waddabt ’l hemm lil dawk kollha li qed jiżvijaw mir-regolamenti tiegħek;+
Għax huma jingannaw u jqarrqu.+
119 Int neħħejt lin-nies mill-agħar taʼ l-art, bħall-ħmieġ tal-metalli li jitlaʼ fil-wiċċ.+
Għalhekk ħabbejthom it-tfakkiriet tiegħek.+
120 Bil-biżaʼ minnek ġismi tkexkex;+
U minħabba d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek jien bżajt.+
ע [Għajn]
121 Jien wettaqt ġudizzju ġust u għamilt is-sewwa.+
Tabbandunanix f’idejn l-imbroljuni!+
122 Aġixxi b’mod li jiggarantixxi l-ġid tal-qaddej tiegħek.+
Ħa ma jimbroljawnix il-prużuntużi.+
123 Għajnejja nfnew jistennew is-salvazzjoni tiegħek+
U l-affarijiet sewwa li għedt int.+
124 Ittratta mal-qaddej tiegħek fi qbil mal-qalb tajba bl-imħabba tiegħek,+
U għallimni r-regolamenti tiegħek.+
125 Jien il-qaddej tiegħek.+ Għinni nifhem,+
Biex inkun naf it-tfakkiriet tiegħek.+
126 Wasal iż-żmien li Ġeħova jaġixxi.+
Huma kisru l-liġi tiegħek.+
127 Iva, jien ħabbejt il-kmandamenti tiegħek+
Iktar mid-deheb, mid-deheb irfinut.+
128 U l-ordnijiet kollha rigward kull ħaġa qisthom bħala tajbin;+
Kull mogħdija falza jien bgħadtha.+
פ [Pe]
129 It-tfakkiriet tiegħek huma taʼ l-għaġeb.+
Għalhekk ħarsithom ruħi.+
130 Kliemek jagħti d-dawl meta jiġi rivelat,+
U lil dawk taʼ bla esperjenza jgħinhom jifhmu.+
131 Fommi ftaħtu beraħ biex nilheġ,+
Għax ixxennaqt għall-kmandamenti tiegħek.+
132 Dur lejja u ħenn għalija,+
Fi qbil mad-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħek għal dawk li jħobbu lil ismek.+
133 Agħmilli l-passi tiegħi sodi f’dak li għedt int,+
U ħa ma taħkimni ebda xorta taʼ ħsara.+
134 Ifdini minn kull bniedem imbroljun,+
U nżomm m’ordnijietek.+
135 Ħalli wiċċek jiddi fuq il-qaddej tiegħek,+
U għallimni r-regolamenti tiegħek.+
136 Nixxigħat taʼ ilma gelglu minn għajnejja+
Għax huma ma żammewx mal-liġi tiegħek.+
צ [Sade]
137 Int ġust, O Ġeħova,+
U d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek huma retti.+
138 Int ikkmandajtna nħarsu t-tfakkiriet tiegħek+ fi qbil mas-sewwa
U l-fedeltà kbira tiegħek.+
139 Il-ħeġġa tiegħi temmitni,+
Għax l-avversarji tiegħi nsew kliemek.+
140 Dak li tgħid int hu rfinut ferm,+
U l-qaddej tiegħek iħobbu.+
141 Jien insinifikanti u disprezzat.+
Imma l-ordnijiet tiegħek ma nsejthomx.+
142 Is-sewwa tiegħek hu sewwa għal dejjem,+
U l-liġi tiegħek hi verità.+
143 In-niket u s-saram sabuni.+
Imma jien għożżejt il-kmandamenti tiegħek.+
144 Is-sewwa tat-tfakkiriet tiegħek jibqaʼ għal dejjem.+
Għinni nifhem, sabiex nibqaʼ ngħix.+
ק [Kof]
145 Jien sejjaħt b’qalbi kollha.+ Wiġibni, O Ġeħova.+
Ir-regolamenti tiegħek se nħarishom.+
146 Sejjaħtlek. Salvani!+
U jien inżomm mat-tfakkiriet tiegħek.+
147 Qgħadt inqum kmieni fit-tbexbix taʼ fil-għodu,+ biex ngħajjat għall-għajnuna.+
Jien stennejt kliemek.+
148 Jien stenbaħt matul l-għases tal-lejl,+
Biex naħseb f’dak li għedt int.+
149 Ismaʼ leħni skond il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek.+
O Ġeħova, fi qbil mad-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħek żommni ħaj.+
150 Resqu qribi dawk li jfittxu l-kondotta laxka,+
Li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.+
151 Int qrib, O Ġeħova,+
U l-kmandamenti kollha tiegħek huma verità.+
152 Ilni żmien twil naf xi ftit mit-tfakkiriet tiegħek,+
Għax int sejjisthom għal dejjem.+
ר [Rex]
153 Ara s-sofferenza tiegħi, u salvani;+
Għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.+
154 Mexxi l-kawża legali tiegħi u ħudni lura għandek;+
Żommni ħaj fi qbil maʼ dak li għedt.+
155 Is-salvazzjoni hi ’l bogħod min-nies mill-agħar,+
Għax ma fittxewx ir-regolamenti tiegħek.+
156 Bosta huma l-ħniniet tiegħek, O Ġeħova.+
Fi qbil mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek, żommni ħaj.+
157 Il-persekuturi u l-avversarji tiegħi huma ħafna.+
Imma mit-tfakkiriet tiegħek ma żvijajtx.+
158 Jien rajt lil dawk li jaġixxu bi tradiment,+
U nistkerrahhom għax ma żammewx maʼ dak li għedt int.+
159 Ara kif jien ħabbejt l-ordnijiet tiegħek.+
O Ġeħova, fi qbil mal-qalb tajba bl-imħabba tiegħek żommni ħaj.+
160 Kelmtek kollha hi verità,+
U kull deċiżjoni ġudizzjarja ġusta tiegħek hi għal dejjem.+
ש [Sin] jew [Xin]
161 Il-prinċpijiet ippersegwitawni għalxejn b’xejn,+
Imma qalbi tkexkxet minħabba kliemek.+
162 Nifraħ jien b’dak li għedt int+
Bħalma jagħmel wieħed meta jsib priża kbira.+
163 Bgħadt il-qerq,+ u nibqaʼ nistmerru.+
Il-liġi tiegħek ħabbejt jien.+
164 Sebaʼ darbiet kuljum faħħartek+
Minħabba d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.+
165 Paċi abbundanti jkollhom dawk li jħobbu l-liġi tiegħek,+
U għalihom m’hemm ebda tfixkil.+
166 Jien ittamajt għas-salvazzjoni tiegħek, O Ġeħova,+
U għamilt il-kmandamenti tiegħek.+
167 Ruħi żammet mat-tfakkiriet tiegħek;+
Jien inħobbhom wisq.+
168 Żammejt maʼ l-ordnijiet u t-tfakkiriet tiegħek,+
Għax triqati kollha qegħdin quddiemek.+
ת [Taw]
169 Ħa tasal quddiemek l-għajta tiegħi bil-ħrara, O Ġeħova.+
Fi qbil maʼ kelmtek, għinni nifhem.+
170 Jalla t-talba tiegħi għall-ħniena tidħol quddiemek.+
Fi qbil maʼ dak li għedt, eħlisni.+
171 Ħa jgelgel it-tifħir minn xofftejja,+
Għax int tgħallimni r-regolamenti tiegħek.+
172 Ħa jkanta lsieni dak li għedt int,+
Għax il-kmandamenti tiegħek huma kollha ġusti.+
173 Ħa tgħinni idek,+
Għax ordnijietek għażilt jien.+
174 Ixxennaqt għas-salvazzjoni tiegħek, O Ġeħova,+
U l-liġi tiegħek ngħożżha.+
175 Ħallini nibqaʼ ngħix biex infaħħrek,+
U ħa jgħinuni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek.+
176 Iġġerrejt bħal nagħġa mitlufa.+ Fittex lill-qaddej tiegħek,+
Għax jien ma nsejthomx il-kmandamenti tiegħek.+